Jista' l-Ministru jikkonferma jekk fl-investigazzjonijiet li qed isiru mit-Tax Compliance Unit bdewx jiġu applikti benchmarks ?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-investigazzjonijiet li qed isiru bħal issa mit-Tax Compliance Unit ma ġewx applikati l-benchmarks stabbiliti mit-TCU iżda risk assessements li normalment jiġu applikati mid-Dipartimenti konċernati.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu jew le li bħallissa hawn konsulent tal-UE li qed jopera f'diversi dipartimenti tal-Gvern dwar it-taxxa? X'inhu il-brief tiegħu? Għall-liema terminu ta' żmien ġie ingaġġat? Min qed iħallas għall-din il-konsulenza teknika?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-konsulenti li hawn bħalissa u li qed joperaw fid-dipartimenti tad-Dwana u tal-VAT huma dawk li dwarhom diġa' tajt tweġiba għall-misotqsija numru 23020. Mhux eskluż li jkunu mfittxa s-servizzi ta' esperti oħra f'aspetti speċifiċi tat-tassazzjoni għal għanijiet aktar iffukati. F'dan il-każ dawn is-servizzi ikunu fuq bażi ta' ftit ġranet u mhux fit-tul.
L-ispiża kollha konnessa ma' dawn l-inizjattivi hi parti minn spiża akbar ta' proġett ipprovdut konġuntament taħt il-Pre-Accession Funds Programmes għas-snin 2000 u 2001 li għandhom ikunu implimentati rispettivament fuq bażi ta' tliet snin.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-policy tal-MIMCOL dwar użu tas-servizzi ta' l-insurance brokers mill-kumpaniji parastatali? Huwa minnu li qed jingħata unfair advantage lill-kumpanija tal-insurance brokers, sussidjarja tas-Sea Malta, tant li saħansitra kien hemm ażjendi parastatali li ġew inkoraġġuti jaħtruha bħala sole insurance brokers tagħhom?
Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi biex il-katusi li hemm fl-isprall quddiem 63 Sanctuary Street, San Gwann ma jitħallewx jimblukkaw ruħhom kull meta tagħmel l-ewwel xita?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li t-triq li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant hija responsabbilta' tal-Kunsill Lokali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' uffiċjali tal-gvern fid-diversi ministeri li qed jieħdu l-market correctivity allowance? X'inhuma l-kriterji biex wieħed jikkwalifika għal din l-allowance? Minn meta ġiet approvata mill-gvern? Taħt liema kundizzjonijiet tingħata?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jgħaddi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Prim Ministru jgħid f'liema gradi qegħdin dawk il-ħaddiema kollha li ddaħħlu full-time mal-gvern minn Settembru 1998 'il quddiem? F'liema gradi kienu dawk li spiċċaw fl-istess żmien?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi n-numru u l-gradi tal-ħaddiema li ġew impjegati mas-Servizz Pubbliku bejn Settembru 1998 u l-31 ta’ Awissu 2001, kif ukoll dawk li spiċċaw matul l-istess perjodu, huma kif jidhru f’tabelli ‘A’ sa ‘D’ li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jinvestiga il-każ ta' housing H 0015672 li ilu pendenti erba' snin, fejn l-applikant li għandu ħafna taraġ wieqaf fir-residenza tiegħu, ibati bi trombosi f'saqajh?
Jista' l-Ministru jinvestiġa l-ilment ta' ċerti residenti ta' Coleridge Street, Gzira billi minn mindu bozza ewlenija tneħħiet min nofs it-Triq u tpoġġiet mal-ħajt hemm parti tat-triq li qed tkun fi dlam kważi ċappa, qrib id-dar nru. 54?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li t-talba biex jiżdied id-dawl fit-triq imsemmija qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet simili oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'qed iwassal għad-dewmien fil-ħruġ ta' ċerti pagamenti taċ-children allowances?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jistgħu jeżistu tlett ċirkostanzi li jispjegaw ċertu dewmien:
L-ewwel waħda hija li hemm numru konsiderevoli ta' applikazzjonijiet li ma setgħux jiġu pproċesati minħabba li l-applikanti naqsu li jagħtu informazzjoni sħiħa u korretta fl-applikazzjoni tagħhom jew bagħtuha b'dokumenti nieqsa.
It-tieni ċirkostanza hija li hemm numru ta' applikanti li kienu ġew identifiati mid-Dipartiment li kellhom xi diskrepanzi fl-informazzjoni li kienu ddikjaraw fi snin preċedenti u li jista' jirriżulta li kienu rċevew Allowance tat-Tfal li ma kienx dovut jew jekk dovut kellu jkun b'rata inqas.
Għaldaqstant id-Dipartiment qed jinvestiga dwar il-każijiet biex jiġi stabbilit l-ammont ta' Allowance mħallas żejjed lil dawn l-applikanti qabel joħroġ dak l-Allowance dovut għal din is-sena, biex b'hekk ikun jista' jibda jinġabar dak li ħadu żejjed.
It-tielet ċirkostanza hija li hemm numru ta' applikanti li bagħtu l-applikazzjoni tagħhom wara d-data ta' l-egħluq, li kienet it-3- ta' April 2001.
Jista' l-Ministru jinvestiga il-problema serja ta' ġrieden li hemm mal-pontoon fl-Imsida?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita` Marittima ta` Malta tieħu ħsieb li minn żmien għal żmien, permezz tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, jitpoġġa velenu tal-ġrieden fil-kanal tul il-mollijiet li jipprovdu s-servizzi lill-pontoons. Perjodikament ukoll, jintuża bexx apposta fuq il-pontoons kontra insetti oħra li jistgħu jkunu ta` nkonvenjent għal min juża dawn il-pontoons.
JIsta' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 26576?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi mis-6 ta’ Settembru 1998 sal-lum, ġew impjegati 3119 persuna mas-Servizz Pubbliku b’impjieg permanenti u spiċċaw mill-impjieg 2991.
Matul l-istess perjodu, ġew ingaġġati 95 membru mal-Forza Regolari, kif ukoll 27 voluntiera fil-Forza ta’ Emergenza ta’ Riserva, tal-Forzi Armati ta’ Malta. Matul l-istess żmien spiċċaw 119 mill-Forza Regolari.
Dettalji ta’ meta daħlu dawn il-ħaddiema jinsabu f’tabelli ‘A’ sa ‘E’ li qiegħed inpoġġi fuq il-Medja tal-Kamra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari nru. 26675 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilu u cioe': Jista'jgħid fiex waslet it-talba ta' nurse li fl-SVPR (dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament) biex tiġi trasferita għall-isptar San Luqa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Anzjani ma rċieva l-ebda talba mingħand il-persuna msemmija sabiex tiġi trasferita minn St. Vinċenz de Paule għal x'imkien ieħor.
Jista' l-Ministru jara li jitressaq 'l quddiem l-appuntament tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament għall-laser treatment li ġie iffissat għall-Novembru 2001
Response (DEGUARA, LOUIS)
Peress li l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant hija ta` natura personali, għandha tiġi segwita l-proċedura kif indikata fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 13567 f'seduta 235.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li qed jiġi ikkunsidrat li jiġu integrati iż-żewġ tarznari fid-dawl tal-prospetti ħżiena ta' ordnijiet wara Ottubru li ġej li għandha il-Marsa Shipbuilding?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li l-proċess biex iż-żewġ tarznari jiġu integrati ilu li beda u mhux marbut mal-prospetti għal ordnijiet immedjati għal bini ta' vapuri li jista' jkollha il-Malta Shipbuilding.
Fil-fatt ilu żmien li nħatar chairman komuni għaż-żewġ tarznari, filwaqt li l-istess tarznari ilhom żmien jikkoperaw fuq diversi livelli. Fuq il-livell industrijali qed jitħaddmu arranġamenti li permezz tagħhom numru ta' ħaddiema qed jiġu allokati xogħol minn tarzna ghal oħra skond l-eżiġenzi tax-xogħol. Għal dak li għandu x'jaqsam mat-tmexxija tat-tarznari, l-ogħla uffiċjali, inkluż iċ-Chief Executive, jaqdu dmirhom komtemporanjament fiż-żewġ tarznari.
Dan kollu qed isir għaliex jagħmel sens li, fost riformi oħrajn, iż-żewġ tarznari jintegraw ċertu funzjonijiet komuni sabiex b'hekk jiffrankaw l-ispejjeż u jsiru aktar kompetittivi. Madankollu xorta jibqa' lok li dawn ikomplu jiffunzjonaw bħala żewġ entitajiet distinti li jispeċjalizzaw f'linji differenti ta' xogħol. Għalhekk il-kunċett ta' "Business Units" indipendenti ser jibqa' jitħaddem biex b'hekk tissaħħaħ l-accountability fl-operazzjonijiet tat-tarznari, liema accountability hija essenzjali sabiex tiżdied il-produttivita'.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux permess mid-dipartiment tax-xogħol li kumpanija taqleb għat-3 day week? Kemm hemm ażjendi li qed jaħdmu f'dan il-mod bħalissa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Biex kumpannija taqleb għal ġimgħa aqsar ta' xogħol m'għandiex bżonn ta' permess mid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impjieg u għalhekk id-Dipartiment ma' jżommx statistika dwar dawn il-każijiet.
Iżda jista jkun hemm każijiet fejn kumpannija li tkun f'diffikulta', tasal fi ftehim mal-ħaddiema jew mar-rappreżentanti tagħhom biex jaħdmu ġimgħa aqsar ta' xogħol, sakemm dan isir skond il-provedimenti taċ-CERA.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk jistax jinvestiga l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li tirreġistra f' part 1 u li għandha tieħu benefiċċji soċjali b'lura mill-bidu ta' Marzu ta din is-sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ fil-kwistjoni ġiet solvuta u li l-persuna konċernata ġiet infurmata bl-eżitu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm casual domestic workers fid-djar ta' l-anzjani madwar Malta u Għawdex? Hemm xi ħsieb li dawn isiru tal-post fuq bażi permanenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid b'referenza għall- Hawker Reg No. KH 76 li d-dettalji dwaru jintbagħtu separatament reġistrat biex iqassam il-light heating oil u l-petrol, f'hiex waslet l-applikazzjoni tiegħu biex ibigħ u jqassam id-diesel?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tingħata l-attenzjoni xierqa.
Jista' l-Ministru jgħidilna x'wassal biex ma jibqawx jinxtgħelu il-halogen reflectors li kienu qed idawwlu is-swar ta' Sa Maison u l-Gardjola? Meta twaqqaf dan l-arranġament? Hemm xi ħsieb li jiġi ri-introdott mill-ġdid u jekk iva, meta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li r-rifletturi li qed issir riferenza għalihom, li huma propjeta' tal-Valletta Rehabilitation Project, kellhom xi ħsara li fil-fatt qed tiġi rranġata.