Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-ħames consortia li ġew shortlisted għall-privatizzazzjoni tal-MIA? Liema kienu l-bidders li ma ġewx short-listed? Il-consortium li direttur tal-MIA jinsab direttur fuq waħda mill-kumpaniji membri tagħha, huwa wieħed mill-consortia li ġew short-listed?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li minħabba li hemm ftehim li jiprekludi il-Privatisation Unit milli jikxef l-ismijiet tal-bidders ma jkunx għaqli li ngħid min huma ix-short listed bidders u dawk li ma ġewx short listed. Fir-rigward tat-tielet parti tal-mistoqsija l-informazjoni dwar min qiegħed membru tal-konsorzja hija parti minn dokument konfidenzjali.
Jista' l-Ministru jgħid liema kien dak il-consortium internazzjonali li sentejn ilu kien allegatament ta' l-idea lill-Gvern Malti li minnu oriġina il-ħsieb li jitwaqqaf International Trade Centre f'pajjiżna? Il-Gvern iddetermina x'medda ta' żmien li fih għandu jiġi żviluppat dan il-proġett f'pajjiżna? Il-Gvern jaħseb li iż-żmien li intgħażel kien xieraq għall-ħruġ ta' sejħa għall-expressions of interest f'dan il-proġett?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-ħsieb li jiġi żviluppat International Trade Centre f'Malta oriġina fi ħdan il-METCO bħala estensjoni loġika ta' l-attivita' ta' l-istess METCO sabiex tkattar il-kummerċ internazzjonali minn u madwar Malta, kif ukoll bi spunt mill-esperjenza pożittiva ta' xi pajjiżi oħra bħal Singapore u Hong Kong.
Dan il-ħsieb kompla ikkonkretizza ruħu aktar minn sena ilu meta investitur barrani avviċina lill-Ministeru tiegħi bi proposta li jiftaħ ċentru għall-kummerċ internazzjonali f'Malta wara li jkun akkwista l-liċenzja mingħand il-World Trade Centres Association sabiex iċ-ċentru ta' Malta jkun affiljat ma' din l-Assoċjazzjoni prestiġjuża.
Fuq parir mogħti mill-istess World Trade Centres Association, il-Gvern Malti ipprefera li jkun huwa stess li jixtri d-dritt għall-liċenzja msemmija u minn hemm ingħata bidu għall-proċess li wassal għall-ħruġ ta l-expression of interest li qed jagħmel riferenza għaliha l-Onorevoli Interpellant.
It-talba għall-expression of interest, min-natura tagħha stess, ma tispeċifikax termini jew kundizzjonijiet għal proġetti, iżda titlob biss li tistabilixxi l-kredenzjali u l-kompetenza tal-konsorzji li jindikaw l-interess tagħhom.
Għal dan il-għan il-Gvern għandu parir li qed jingħata żmien biżżejjed sabiex minn huwa potenzjalment interessat jirreġistra l-interess tiegħu.
Dwar iż-żmien li ntagħżel, ta' min jgħid li l-ħruġ ta' sejħa għall-expression of interest f'dan il-proġett, oriġinarjament kellha toħroġ f'Settembru li għadda, iżda fil-fatt ġiet posposta għal data aktar tard.
Jista' l-Ministru jgħid il-Gvern kemm daħħal s'issa mill-witholding tax fuq l-iskemi ta' investiment kollettiv li introduċa fl-aħħar budget?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba ma tinġabarx separatament iżda tifforma parti mill-withholding tax li tinġabar globalment fuq l-investment income u għalhekk l-informazzjoni ma tistax tingħata.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ir-revizjoni li kien hemm fil-labour data kellhiex impatt fuq il-GDP - il-Gid Nazzjonali? Peres li fil-website tal-NSO, eżattament fis-sezzjoni sources and methods - national accounts, l-NSO jasal għall-figuri tal-GDP (factor income) billi jimmoltiplikaw l-figuri tal-impjiegi tal-ETC fid-diversi setturi bi stima tal-paga fis-settur. Billi r-rivizjonjiet tal-ETC wasslu biex inbidlu l-figuri tal-impjiegi fid-diversi setturi. Jista' l-Ministru jgħid mill-1983 'l hawn l-NSO issa hux se joħroġ revisions tal-GDP (factor incomes jew inkella kif jissejħu by industry) li jieħdu kunsiderazzjoni dwar ir-revisions ta' l-ETC?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li l-impatt tar-reviżjoni tal-labour data fuq il-Prodott Gross Domestiku (GDP) għad irid jiġi stabbilit. Iċ-ċifri tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ (ETC) ma jintużawx b'mod esklussiv u għal kull settur sabiex jiġi determinat il-Prodott Gross Domestiku min-naħa ta' l-income, pero' jintużaw meta tagħrif ieħor minn sorsi oħra ma jkunx biżżejjed.
L-aħħar reviżjoni tad-data tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ ma kellhiex impatt qawwi fuq il-Prodott Gross Domestiku. F'dan ir-rigward nissuġġerixxi lill-Onorevoli Membru jikkonsulta wkoll paġna 21 ta' l-Economic Survey għall-ewwel disa' xhur tas-sena 1997.
B'referenza għan-news releases 90/2001 (27.09.01) u għan-news release li ħarġet nhar il-Ġimgħa 12.10.01 peress li filwaqt li dik li tkopri l-perjodu Jannar-Awissu tgħid li t-Trade Gap kien ta' Lm 168 miljun. Fin-news release li ħarġet warajha intqal li il-gap li tkopri l-perijodu Jannar-Settembru wasslet għall trade gap ta' Lm 248 miljun u dan jimplika spluzjoni fit-trade gap tax-xahar ta' Settembru ta' Lm 79.9 miljun; Billi fix-xahar ta' Settembru waħdu t-trade gap kien ta' Lm 13.3 miljun biss, dan ifisser li l-figuri tat-trade gap għall-perijodu Jannar-Awissu ġew riveduti 'l isfel. B' Lm 66.6 miljun? Peress li tal-NSO qalu f'footnote żgħira li saret reviżjoni fil-figuri imma la qalu kemm kien l-ammont tar-revizjoni u lanqas ma ntqal għalfejn saret din ir-rivizjoni u peress li wara s-27 ta' Settembru kien intqal li t-trade gap naqas b'Lm 116 miljun imma issa sirna nafu li aktar minn nofs dan it-tnaqqis kien żball ta' l-istatistika, jista' l-Ministru jispjegalna għalfejn ġara hekk?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li r-reviżjoni li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant saret minħabba tibdil li kien hemm il-proċeduri tad-Dwana u li permezz tagħhom iddaħħlu Customs Procedure Codes ġodda li ma nqabdux mill-ewwel mis-sistema ta' l-istatistika dwar il-kummerċ. L-ammont ta' din ir-reviżjoni kien ta' Lm66.6 miljun. Wara dan il-fatt ittieħdu l-miżuri kollha sabiex ma jitħalla xejn barra mill-istatistika tal-kummerċ u biex fil-futur fatti bħal dan jitnaqqsu.
Jista' l-Ministru jindika fejn huwa s-sit (prime coastal site) fejn ser jiġi mtella l-Malta International Trade Centre Project taħt il-liċenzja ta' World Trade Centre? Tista' tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Project Brief?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li l-Gvern identifika sit ġewwa Pembroke li qed jiġi ndikat bħala wieħed ideali għall-iżvilupp ta' International Trade Centre tal-livell mixtieq, anke jekk mhux qed tkun eskluża l-possibilta' li jistgħu isiru proposti marbuta ma' siti oħra.
Il-project brief għal dan il-proġett qed jiġi finalizzat u hemm il-ħsieb li jitqassam waqt il-fiera speċjalizzata "Expo Real" li ser issir fi Munich fid-29 tax-xahar. Dakinhar titqiegħed kopja tal-brief fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid fhiex wasal ix-xogħol fuq Misraħ il-Fortizza, Pembroke? X'ko-ordinazzjoni qed issir mal-entitajiet u korporazzjonijiet governattivi biex jiġi żgurat li dan ix-xogħol ma jintefax lura?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li f'Misraħ il-Fortizza hemm sebgħin fil-mija (70%) tax-xogħol tal-bankini li huwa lest.
Fil-preżent qed issir verifika tal-linja li ġiet mogħtija għat-triq biex ix-xogħol ikun jista' jitkompla.
Hija sine qua non li għat-twettieq ta' kull proġett tad-Dipartiment tat-Toroq isiru konsultazzjonijiet ma' l-entitajiet u korporazzjonijiet governattivi biex jiġi żgurat li kollox ikun qed isir kif meħtieġ.
Jista' l-Ministru jgħid b'referenza għal pre-qualification questionnare għall-medical equipment turnkey contract għall-isptar il-ġdid (CT2275/2001) li ħareġ permezz tad-direttur tal-kuntratti u li stieden lill-applikanti interessati biex jimlew il-kwestjonarju sal-Ħamis, 19.07.01 wara li jkunu ħallsu Lm 1000 biex jipparteċipaw, peress li ninsab infurmat li il-general contracts committee kien identifika disa ditti li kienu jipre-kwalifikaw għal dan il-kuntratt a bażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-president, tal-FMS, jista' jgħid x'inhi r-raġuni li ssemmew id-ditti mingħajr ma kienu msemmija l-kumpaniji/aġenti li jirrapresentawhom f'Malta? Jista' l-Ministru jgħid għaliex għalkemm id-direttur tal-kuntratti għarraf lill principals barra l-pajjiż dwar min kellu eżitu pożittiv jew negattiv, ma saret ebda indikazzjoni meta t-tender ewlieni kien ser jinħareġ? Jista' jikkonferma jekk fl-istadju tat-tendering l-award hiex ser issir mid-direttur tal-kuntratti jew inkella mill-FMS.
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjonijiet għal prequalification saru direttament minn ditti barranin għaliex kemm l-intenzjoni tal-FMS kif ukoll il-kontenut tad-dokument uffiċjali kien jindika li kellhom jintagħżlu kumpaniji li għandhom track record tajjeb fi proġetti kbar bħal dawn. F'Malta m'hawn l-ebda aġent li għandu dan it-track record. Ninsab infurmat li ħafna mid-ditti barranin, kemm dawk li pprekwalifikaw kif ukoll dawk li ma ġewx prekwalifikati, nfurmaw lir-rappreżentanti tagħhom f'Malta bl-eżitu ta' l-eżerċizzju.
Fl-ittri tagħha ta' notifika lill-applikanti l-FMS ma tatx indikazzjoni dwar meta ser toħroġ is-sejħa għall-offerti minħabba l-fatt li fid-dokument tal-prekwalifikazzjoni li kien ippublikat f'Ġunju li għadda kien ġie indikat b'mod ċar li din kellha toħroġ "aktar tard din is-sena".
Nikkonferma li l-għoti tal-kuntratt ser isir mid-Direttur tal-Kuntratti skond in-normi stabbiliti.
B'referenza għall-iskola tal-hairdressing, jista' l-Ministru jispjega għaliex l-istudenti qegħdin jiġu mħarrġin fuq prodotti partikulari a skapitu ta' kompetituri oħrajn f'dan il-qasam? Jikkonferma li kien hemm każi fejn ditti oħrajn offrew is-servizzi tagħhom li sal-lum għadhom ma ġewx aċċettati? Dawk is-suppliers li ġew aċċettati kienu mitluba joffru xi għamla ta' sponsorship lill-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istudenti ta' l-iskola tax-Xagħar u Sbuħija "Carmen Carbonaro" ma humiex jiġu mħarrġin fuq prodotti partikolari a skapitu ta' kompetituri oħrajn fl-istess qasam.
Naturalment hu impossibli li wieħed juża l-varjeta` sħiħa ta' prodotti li jinsabu fuq is-suq illum. Biex tassigura l-użu ta' varjeta` ta' prodotti, l-iskola toffri spazju biex tnax-il ditta tesponi għall-bejgħ il-prodotti tagħha. Il-ħlas għal dan is-servizz isir mhux permezz tal-flus imma permezz ta' prodotti li jiġu użati mill-istudenti. Minbarra minn hekk, kull ditta li talbet biex tagħti informazzjoni dwar il-prodotti tagħha ġiet aċċettata.
L-iskola ma taf b'ebda ditta li offriet is-servizz tagħha u ma ġietx aċċettata.
Jista' l-Ministru jinvestiga l-problema ta' dawl baxx li qed ikollhom ir-residenti bl-indirizz li qed nibgħat under separate cover li ħafna drabi fix-xhur tax-xita jagħmilha impossibbli biex wieħed jixgħel geyser u heater fl-istess ħin?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li minn investigazzjoni li saret mill-Korporazzjoni Enemalta jidher li l-ilment kien dwar "flickering" u mhux dawl baxx kif indikat fil-mistoqsija. Fil-fatt il-manutenzjoni li kienet meħtieġa saret.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm lokalitajiet f' Malta fejn l-anzjani jridu jinqdew għall-pilloli miċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gzira?
Jaf li hemm nies li ġieli imorru fil-queue fis-6 ta' filgħodu minħabba l-għadd kbir ta' nies li jkun hemm biex jinqdew?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li l-lokalitajiet f'Malta li jaqgħu taħt is-servizz taċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira huma: Gżira, Sliema, San Ġwann, San Ġiljan, Msida, Pembroke, Swieqi u Ta` Xbiex.
Minn ftit ġranet 'l hawn is-sitwazzjoni ġewwa l-ispiżerija taċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira tranġat għax żdied in-numru ta` impjegati f'din l-ispiżerija.
Jista' l-Ministru jgħid meta mistenni li jinħareġ l-avviż tal-Gvern dwar servizzi ta' għoti ta' injections għall-influwenza fiċ-Ċentri tas-Saħħa ta' Malta u Għawdex?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li l-avviż tal-Gvern dwar servizzi ta` għoti ta` injections għall-influenza fiċ-Ċentri tas-Saħħa inħareġ nhar il-Ġimgħa 12 t'Ottubru 2001.
Jista' l-Ministru jgħid hemm xi taħdidiet għaddejijn mal-Ministeru tal-Finanzi dwar il-kwistjoni tal-bolli fuq il-fidda u d-deheb bħala protezzjoni għall-Arġentiera Lokali?
Response (BONNICI, JOSEF)
Bħalissa għaddejjin taħdidiet bejn il-Ministeru tal-Finanzi u l-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari l-Onorevoli Edwin Vassallo bil-għan li l-proċeduri u l-proċess tal-boll fuq il-fidda u d-deheb jiġi simplifikat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Maltacom tista tinvestiga l-ilment tat-telephone subscriber li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament billi li minħabba xi sistema proviżorja ta' linja tat-telefon mhumiex f' qagħda li timmarkalhom l-ID caller li għandhom istallat mat-telefon tagħhom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-abbonat qatt ma rraporta dan l-ilment lill-Maltacom. Kieku għamel hekk, it-tekniċi tal-kumpanija kienu jidentifikaw il-problema u jsiru t-tiswijiet meħtieġa minnufih kif fil-fatt sar.
Jista' l-Ministru jgħid għalkemm wieħed jawgura li t-theddida tal-użu tal-Anthrax f' pajjiżna hija waħda remota, tistgħax tgħid jekk il-Gvern Malti għandux ilqugħ mħejjija għal kontra din it-tħeddida?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat illi d-Diviżjoni tas-Saħħa flimkien mall-Ministeru ta` l-Intern qed iżżomm ruħa aġġornata dwar is-sitwazzjoni internazzjonali u qed tieħu dawk il-passi neċessarji għal kull eventwalita` ta` theddida kontra l-anthrax li tista` tolqot lil pajjiżna.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-pulizija mhux qed jirnexxilha tieħu passi konkreti kontra d-diriġenti ta' garage li hemm f'P.Grech Str, l-Iklin, kantuniera ma' May Butcher Str, l-Iklin li matul il-ġurnata jkollhom ħafna inġenji fil-ġenb u f'nofs it-triq u li jipparkja w ħafna minn dawn l-ingenji barra filgħaxijiet? Jafx l-Ministru li spiss isiru ilmenti dwar dan mir-residenti liema ilmenti jidhru li qed jaqgħu fuq widnejn torox?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija dejjem aġġixxiet kull meta kellha lmenti dwar ipparkjar ta` vetturi kif imsemmi mill-Onorevoli Interpellant. Infurmat ukoll illi l-Pulizija ser tkompli tieħu passi sabiex ma jkunx hemm ksur tar-Regolamenti.
Jista' l-Ministru jinvestiga l-każ tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament li f'Lulju li għadda qalulu li irid jistenna sena u tliet xhur biex jagħmel l-operazzjoni tal-katarretti? Jista' jgħarraf lill-persuna ikkonċernata direttament bl-eżitu tal-istħarriġ tiegħu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Peress li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija ta` natura personali, għandha tiġi segwita l-proċedura kif indikata fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 13567 f'seduta 235.
Jista' l-Ministru jgħid hemmx xi ħsieb li l-iStreet Naming Committee jagħti isem lill-parti tal-Qasam tal-Bini tal-Gvern Ta' Xbiex li tagħmel ma' Church Street Msida?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jsir ix-xogħol fuq Triq May Butcher, l-Iklin billi minħabba fid-djuq preżenti tagħha lanqas hemm fejn tista issir bankina? Huwa ippjanat li tittieħed parti mill-għalqa fil-qrib biex ikun jista' jintlaħaq dan l-għan?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq u l-Kunsill Lokali qablu li x-xogħol f`din it-triq għandu jingħata prijorita' u d-Dipartiment tat-Toroq qed iħejji biex ix-xogħol ikun jista` jitwettaq.