Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-konsulenti mhux legali mal-Ministeru tiegħek?
Kemm qed jitħallsu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jekk b'konsulenti mhux legali l-Onor. Interpellant jifhem li dawn huma konsulenti mhux avukati, jien infurmat li l-Konsulenti mal-Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni huma:-
Dr Stephen Calleya li qed jitħallas Lm2000 fis-sena
Is-Sur David Sutton li qed jitħallas Lm6720 fis-sena
Is-Sur Paul Micallef li qed jitħallas Lm3756 fis-sena
L-informazzjoni mitluba dwar l-ingaġġ ta' ħaddiema ġodda ma' kumpaniji sussidjarji tal-Maltacom bejn Settembru 1998 u t-30 ta' Novembru 2001 qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tajjeb jingħad matul l-istess perjodu, in-numru ta' ħaddiema mal-Maltacom niżel minn 1,812 għal 1,358 - tnaqqis ta' 454 ħaddiem.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern għandux xi pjani dwar l-introduzzjoni tal-cremation?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika m'għandux il-ħsieb illi jibni xi Crematorium. Madankollu, dan id-Dipartiment diġa` qed jaħseb li meta jiġi estiż iċ-Ċimiterju ta` l-Addolorata, titħalla żona apposta għal twaqqif ta` Crematorium, għal eventwalita` li jkun hemm xi interess mill-privat. Qabel wasalna għal din il-konklużjoni ħadna l-parir ta` l-Awtoritajiet Ekklesjastiċi.
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-Ministeru tal-Finanzi ta struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-taxxi interni biex jiġbor Lm16M addizzjonali f'income tax sa tmiem is-sena minn fuq kontijiet pendenti?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-istruzzjonijiet li joħorġu lid-Dipartiment tat-Taxxi Interni hu li jgħamel ix-xogħol b'effiċjenza u galbu.
B'referenza għall-PQ 29906 jista' l-Ministru jikkonferma jekk ġiex appuntat xi konsulent ekonomiku mal-Bank Ċentrali dan l-aħħar?
Min hu?
X'terms of refernce għandu?
Kemm qed jitħallas?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li m'għandi xejn x'inżid mar-risposta li tajt għall-mistoqsija parlamentari nru. 29906 f'seduta 647.
Ninsab infurmat illi matul ix-xahar ta’ Settembru 2001, ġew impjegati mitejn u tmienja (208) għalliema ġodda mad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni, u mas-Sezzjoni ta’ l-Edukazzjoni fil-Ministeru għal Għawdex.
Dawn il-figuri ġew miżjuda ma’ dawk tal-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku matul Settembru u Ottubru 2001.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nies fuq il-waiting list li qegħdin jistennew trapjant tal-organi?
Tista' tagħti breakdown ta' dawn il-każi kif ukoll ta' kemm ilhom pendenti dawn it-talbiet?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li l-lista ta` persuni li qed jistennew għal trapjant tal-organi li jsiru f’Malta hu kif ġej:
Trapjant
Persuni Jistennew
Sena li ilhom pendenti
Oftalmija
35
1999
Kilwa
86
1993
Qalb
3
2000
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nies fuq il-waiting list li qegħdin jistennew trapjant tal-organi?
Tista' tagħti breakdown ta' dawn il-każi kif ukoll ta' kemm ilhom pendenti dawn it-talbiet?
Jista' l-Ministru jaġġorna lill-kamra dwar ix-xogħol li sar s'issa flimkien ma' Ministeri oħrajn għat-tfassil ta' pjan ta' żvilupp nazzjonali?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-isem sħiħ tar-rapport li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant huwa "National Development Plan for Economic and Social Cohesion". Ix-xogħol fuq dan ir-rapport għadu fil-fażi inizzjali tiegħu u qed ikun ikkordinat mill-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi.
L-għan ta' dan ir-rapport huwa li jinkwadra taħt qafas wieħed l-iżvilupp proġettat għad-diversi setturi ta' l-ekonomija b'mod integrat u fid-dawl ta' l-objettivi aktar wiesgħa għall-Iżvilupp soċjali fil-pajjiż. Dan qed isir ukoll bi preparazzjoni għal meta Malta tikkwalifika għall-fondi strutturali ta' l-Unjoni Ewropea, wara li pajjiżna jkun sar membru.
Jista' l-Ministru jgħid l-Awtoritajiet kemm irċevew rapporti ta' transazzjonijiet suspettużi li setgħaw kienu marbutin mal-ħasil tal-flus maħmuġin matul is-snin 1999, 2000 u 2001? Kemm minn dawn ġew mis-settur bankarju? Kemm minnhom oriġinaw minn istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn tan-non-banking sector? Kemm minn dawn il-każi wasslu għall-prosekuzzjoni tal-partijiet konċernati?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li matul il-perjodu msemmi ċ-Ċentru għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta rċieva
rapporti ta' transazzjonijiet suspettusi kif gej:
1999: 5
2000: 5
2001: 8 (sa 26.11.01)
Ir-rapporti kollha ingħataw lill-Pulizija.
Il-Pulizija għandha informazzjoni sħiħa dwar in-numru globali ta' rapporti fuq transazzjonijiet suspettużi, u investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet li saru matul il-perjodu msemmi. Il-Pulizijia tista tirċievi wkoll u tagħmel investigazzjonijiet fuq informazzjoni jew rapporti li jaslu minn awtoritajiet barranin.
In-numru ta' rapporti ta' transazzjonijiet suspettużi li setgħu kienu marbutin mal-ħasil tal-flus maħmuġin magħmula minn banek liċenzjati taħt il-Banking Act 1994 jew minn istituzzjonijiet finanzjarji liċenzjati taħt il-Financial Institutions Act 1994 kienu kif ġej:
Sena Banek Oħrajn Total
1999 13 1 14
2000 23 - 23
2001 (sa 26.11.01) 19 - 19
Il-Borża ta' Malta ma kellha l-ebda rapport ta' transazzjoni suspettuża li b'xi mod setgħa kien marbut ma' ħasil tal-flus matul is-snin 1999, 2000 u 2001.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-MFSC fil-preżent għandhiex struttura ta' pagi għall-uffiċjali u l-impjegati tagħha? Huwa minnu li qed jkun hemm każi fejn diversi impjegati tal-bank ċentrali qed jiġu offruti pakketti attraenti ħafna on case by case basis sabiex l-MFSC tkun tista issaħħaħ ir-risorsi umani tagħha qabel titwaqqaf formalment bħala awtorita' li tkun wkoll single financial regulator? X'inhuwa il-framework ta' pagi li qed jiġu offruti lill-uffiċjali għoljin tal-Bank Ċentrali sabiex jitħajru jingħaqdu mal-MFSC?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-MFSC għandu skali ta' pagi stabbiliti għall-impjegati kollha tiegħu. L-impjegati tal-Bank Ċentrali li ser jgħaddu għal mal-MFSC qegħdin jiġu offruti paga skond l-iskali li għandha l-MFSC. Dawn l-iskali kienu ġew debitament approvati mill-Bord tal-MFSC, u huma differenti mill-iskali tal-Bank Ċentrali, anke peress illi l-MFSC ma għandhiex fringe benefits, la diretti u lanqas indiretti, bħal ma jidher li jista għandhom l-impjegati tal-Bank Ċentrali in virtu' tal-Ftehim Kollettiv esistenti.
L-ebda impjegat tal-Bank Ċentrali ma ġie offrut salarju on a case by case basis. Wieħed, iżda, jrid iżżom quddiem għajnejh illi l-kundizzjonijiet li għandhom l-impjegati tal-Bank Ċentrali huma differenti wieħed mill-ieħor.
Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar kif Malta ftehmet mal-global forum li tiżviluppa pjan ta' implimentazzjoni tal-OECD dwar kif il-pajjiż biħsiebu isarraf l-impenn tiegħu li jelimina dawk li jissejħu harmful tax practices sa mhux aktar tard mill-13.12.05?
Malta meta mistennija li taderixxi ma' dan l-impenn? Jista' jgħarraf lill-Kamra dwar l-implementation plan innifsu? X'inhuma it-tibdiliet legiżlattivi li mistennija jsiru sabiex jinkiseb dan il-għan Malta qiegħda taħdem flimkien ma' xi agenziji ta' għajnuna internazzjonali u bilaterali sabiex jinkiseb dan il-għan?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li għalkemm ngħataw xi ndikazzjonijiet lill-OECD dwar pjan ta' implimentazzjoni dwar kif il-pajjiż beħsiebu sarraf l-impenn tiegħu li jelimina dawk li jissejħu harmful tax practices għadu ma ġie miftiehem xejn dwar meta Malta mistennija taderixxi ma dan l-impenn. Qed nagħmluha ċara ħafna lill-OECD li m'aħniex lesti nbiddlu ċerti affarijiet qabel inkunu sodisfatti li nottjenu a level playing field kemm ma membri oħra ta' l-OECD u kemm ma pajjiżi oħra li mhumiex. Għalkemm aħna qed naħdmu fuq it-tibdiliet leġislattivi neċessarji biex inkunu nistgħu nsarrfu l-impenn meta jinħtieġ, dawn għadhom mhux finallizzati. Malta mhix qed ta;dem ma xi aġenzija ta' għajnuna internazzjonali u bilaterali f'dan ir-rigward.
Fid-dawl tan-numru dejjem akbar ta' nisa miżżewġin li jkunu jridu jaħdmu iżda li ma jistgħux jgħamlu dan minħabba it-tfal żgħar li jkollhom kif wkoll in nuqqas ta' familjari ma' min iħalluhom, il-Gvern qiegħed jaħseb biex jiftaħ xi nurseries kif wkoll Day Care Centres għat-Tfal ta' dawn il-Ġenituri?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru tiegħi qed jipparteċipa f'Child Care Task Force li twaqqfet fuq l-inizjattiva tal-Bord tal-Koperattivi bil-għan li jiġi studjat l-iżvilupp ta' forom diversi ta' proviżjoni ta' child care f'Malta liema servizzi jkunu aċċessibbli, ta' kwalita' u li jirrispettaw id-drittijiet tat-tfal.
Qed nistenna r-rapport ta' din it-task force li ser jgħin fil-formulazzjoni tal-politika tal-Gvern f'dan il-qasam.