Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li jiġu introdotti studji veterinarji fl-Universita' ta' Malta? Jekk le, għaliex? Peress li l-għadd dejjem jikber ta' studenti Maltin li jistudjaw barra l-pajjiż b'piż kbir fuq il-mezzi finanzjarji tal-genituri tagħhom, jista' jsir x ħaġa f'dan ir-rigward?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li għalissa m'hemmx ħsieb li jiġu introdotti studji veterinarji f'Malta. Tajjeb li ngħid li flimkien mal-Ministeru ta' l-Agrikoltura, l-Universita` sejra torganizza korsijiet ta' upgrading mgħallma minn staff ta' l-Universita` ta' Perugia għall-Veterinarji Maltin.
Jista' l-Ministru jirrispondi il-mistoqsija parlamentari nru. 31197 u cioe jista' jgħid billi kien hemm pjani li jmorru lura xi ħames snin għat-twaqqigħ prospettiv ta' bini li hemm bejn Triq il-Ġdida u Sqaq Vasolani, Msida, faċċata ta' Marimina Court fi New Street innifisha, tista' tgħarraf lill-Kamra x'sar f' dan ir-rigward, aktar u aktar billi għal xi żmien kien qed jinbena bini illegali fl-istess area, liema każ kienet ġiet infurmata dwaru l-Planning Authority tant li l-Enforcement Unit kienet ħarġet acknowledgement bid-data 24.09.96 dwar dan il-każ?
Peress li din l-art li qed nitkellem dwarha li hi ta' 30 metru kwadru, qed twassal għal sitwazzjoni biex meta tkun ix-xita r-residenti tal-court ta' quddiemhom jimtlew kollha tajn fil-waqt li fis-sajf dejjem ikollhom problema tat-trabijiet, jistgħu jittieħdu l-passi neċessarji sabiex is-sitwazzjoni tiġi rimedjata?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Membru jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jistgħux id-diriġenti tal-Vat Department jibagħtu għall-persuna li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament ħalli jagħlqu il-każ pendenti li għandhom, aktar u aktar billi din il-persuna issa ilha s-snin li għalqet in-negozju tagħha?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-każ tal-persuna indikata sejjer jinstema mill-Bord tal-Apelli fi ftit żmien.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li n-New Zealand post ħadet 35% ta' l-ishma fil-Maltapost meta skond il-budget 2002 (Paġna 22) dan is-sehem kellu jkun ta' 30%? X'kien l-ammont ta' l-investiment tal-kumpanija fil-Maltapost? Meta mistennija jitkomplew it-taħdidiet biex dan l-investiment jikber - hekk kif ġie mwiegħed fil-budget? Billi ż-żewġ ftehim li ġew iffirmati bejn Malta Post u New Zealand Post ġew fis-seħħ immedjatament, jista' jqiegħed kopja fuq il-Mejda tal-Kamra f'ġieħ it-trasparenza li arranġament bħal dan jitlob u dan kemm fir-rigward tal-investiment tagħhom fil-kumpanija kif wkoll fir-rigward tal-ftehim għat-tħaddim u għall-management tal-kumpanija? Jista jagħti lista tal-kumpaniji postali Ewropej li fihom in New Zealand Post għandha ishma?
Jista' jgħarraf lill Kamra x'kien wassal biex il-ftehim kummerċjali tan-New Zealand Post fin-Nigeria jiġi irtirat kif wkoll biex jiġi mħassar il-ftehim li kellhom ma' l-Awtoritajiet Postali fl-Afrika t'Isfel?
Liema kienet il-kumpanija postali l-oħra li kienet qed tiġi ikkunsidrata bħala sieħeb strategiku għall-Malta Post mill-Awtoritajiet Maltin? Meta huwa maħsub li il-kumplament ta' l-ishma tal-Maltapost jiġu offruti lill-pubbliku Malti u Għawdxi?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li kienet deċiżjoni esklussiva tal-Gvern li l-kumpanija Transend tieħu ħamsa u tletin fil-mija ta' l-ishma fil-Maltapost, żieda ta' ħamsa fil-mija fuq l-ammont imsemmi fil-budget ta' din is-sena. Dan seta' jsir peress li l-investitur kien lest li jżid l-investiment.
In-New Zealand Post ma għandha ishma f'ebda kumpaniji postali Ewropej. Ma jirriżultax li qatt kien hemm ftehim kummerċjali bejn Transend u n-Niġerja. Kien hemm biss qbil bil-għan li jintlaħaq ftehim, pero dan qatt ma seħħ. Il-ftehim bejn Transend u l-Afrika t'Isfel kien ġie terminat bi qbil bejn iż-żewġ partijiet.
Il-kumpanija postali l-oħra li kienet qed tiġi kkunsidrata bħala sieħeb strateġiku għall-Maltapost kienet il-Canada Post. Deċiżjoni dwar l-offerta tal-kumplament ta' l-ishma tal-Maltapost lill-pubbliku hija waħda li għad trid tittieħed mill-Gvern.
Kopja tal-ftehim milħuq bejn il-Gvern, il-Maltapost u l-kumpanija Transend Worldwide Limited diġa' poġġejtha fuq il-Mejda tal-Kamra waqt is-Seduta ta' filgħodu tat-Tlieta 5 tax-xahar.
Jista' l-Ministru jgħid jistax jitneħħa l-bus stop li hemm preċiżament quddiem id-dar 115, Triq Ġuże Ellul Mercer, Swatar billi dan qed jkun ta' inkonvenjent kbir għar residenti ta' din id-dar, kif wkoll minħabba il-ħmieġ li qed jirriżultalhom fl-area tagħhom fuq barra tad-dar?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li wara li saret spezzjoni fuq il-post imsemmi, id-Direttorat dwar it-Trasport Pubbliku ma jħossx li hemm raġuni valida sabiex jiġi spostat il-bus stop għal post ieħor.
Apparti dan, ir-rotta stess ma tippermettix li jsir.
Jista' l-Ministru jgħid mara kemm trid tkun ilha taħdem biex tikkwalifika għall-pensjoni ta' l-istat imqar waħda proporzjonali għas-snin ta' servizz li tkun għamlet? Il-persuna indikata separatament tikkwalifika għall-pensjoni wara li ħadmet bejn is-snin 1957/58 u is-sena 1970 ma' hairdressing salon li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li biex persuna tikkwalifika għall-pensjoni kontributorja taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali trid tkun almenu ħallset medja ta' għoxrin kontribuzzjoni (20) għal kull sena mill-eta' ta' dsatax il-sena sakemm l-istess persuna tagħlaq sittin f'każ ta' mara jew wieħed u sittin fil-każ ta' raġel.
Il-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Gvern jistax jgħid jekk iddeċediex li jagħti kumpens lil dawk il-ħaddiema li mietu fit-traġedja taċ-Ċirkewwa waqt il-qadi ta' dmirijiethm? Minn min ser tintrefa ir-responsabbilita tan-nuqqasijiet li kemm hemm f'safety equipment fuq il-lant tax-xogħol ta' dawn in-nies? Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx nuqqas amministrattiv li l-ilbies prottettiv ingħata biss lill ħaddiema simili wara li seħħet it-tragedja?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Filwaqt illi l-Gvern iddeċieda li joffri kumpens 'ex gratia' lill-qraba tal-ħaddiema msemmija għar-rigward tal-mistoqsijiet l-oħra, nirreferi l-Onorevoli Interpellant għall-kontenut ta' l-Inkjestja Maġisterjali.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma d-dettalji tal-paga u tal-pakkett finanzjarju li ġew offruti liċ-CEO il-ġdid tal-isptar ta' tal-Qroqq?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-Kap Eżekuttiv ta` l-Isptar il-Ġdid għandu salarju ta` LM15,000 fl-ewwel sena u LM16,000 mit-tieni sal-ħames sena f’kuntratt ta` ħames snin.
Hu għandu wkoll performance bonus sa massimu ta` 10%, karozza għax-xogħol u għall-użu personali, inkluż il-fuel, LM600 forma ta` expense account, LM200 professional membership fees, ħlas lura (reimbursement) ta` spejjeż konnessi ma` kontijiet tat-telefon tad-dar u tal-mobile, kif ukoll intitolat għal CPD (Continuous Professional Development) skond il-kriterji tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi.
Jista' l-Ministru jgħid meta mistennija titwaqqaf il-Financial Intelligence Unit?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Bord tal-Financial Intelligence Unit diġa nħatar u bi ħsiebni nħabbar il-kompożizzjoni tiegħu fi żmien qasir.
Jista' l-Ministru jgħid il-Gvern Malti meta mistenni jagħti r-reazzjoni uffiċjali tiegħu għall-proposti finanzjarji tal-UE marbutin mat-tkabbir tal-istess unjoni?
Response (BORG, JOE)
Il-proposti finanzjarji ta` l-Unjoni Ewropea marbutin mat-tkabbir ta` l-istess Unjoni li għadhom kif tħabbru, huma proposti tal-Kummissjoni Ewropea lill-istati membri ta' l-Unjoni. Malta, flimkçn ma' l-istati membri u l-istati kandidati l-oħra, qçgħda tistudja l-kontenut ta' dawn il-proposti. Il-proposti għadhom f'fażi preliminarja, u huma bbażati fuq projezzjonijiet finanzjarji globali għall-istati kandidati kollha.
Id-dettalji tal-pożizzjoni speċifika dwar Malta f'dan ir-rigward hija materja li ser tiġi ttrattata waqt in-negozjati għas-sħubija. F'dan l-istadju għadu għalhekk prematur li wçħed jikkummenta f'iżjed dettal.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma d-dati tar-rollover u/jew tal-maturita tal-istocks tal-Gvern għas-sena finanzjarja li ninsabu fiha?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-dati tal-maturita' tal-istocks tal-gvern għas-sena finanzjarja li ninsabu fiha huma:
5 ta' April
10 ta' Ġunju
30ta' Settembru
Din l-informazzjoni ġiet ippublikata fi Press Release f'Jannar.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jinvestiga għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li hi separata b'żewġt itfal u li qed tgħix fuq ir-relief, ilha ma tieħu children's allowance minn Gunju?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna li dwarha għamel l-interpellanza, ġiet infurmata b'ittra dwar il-każ tagħha. Dan il-każ ġie konkluż u hi ser tirċievi l-benefiċċju dovut lilha l-ġimgħa d-dieħla.
Jista' l-Ministru jgħarraf lill-familjari tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament dwar il-prospetti tagħha li tintbgħat għall-kura l-Ingilterra dwar minħabba il-frekwenza dejjem tikber ta' epileptic fits li qegħdin jagħtuha l-aktar billi ilha żmien twil tiġi mwiegħda mill-awtroitajiet li ser tintbagħat hemmhekk?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Peress li l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant hija ta' natura personali, għandha tiġi segwita l-proċedura kif indikata fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 13567 f'seduta 235.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu r-raġuni li wara li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament ingħatat appuntament l-Isptar San Luqa f'Lulju li għadda għall-31.01.0 għall-bone density, qalulha li l-apparat kien bil-ħsara mingħajr ma innotifikawha bil-kanċellament tal-appuntament?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Peress li l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant hija ta' natura personali, għandha tiġi segwita l-proċedura kif indikata fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 13567 f'seduta 235.