B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 22281 ta' Diċembru 2000 fejn kont tlabt dettalji dwar dawk l-avukati, accounts etc u professjonisti oħrajn li intgħażlu wara is-sejħa għall-konsulenti li kienet saret mill-privatisation unit, jista' l-Ministru jgħid kemm u liema kienu ir-respondents magħżula aktar u aktar billi l-istess unit kien ħass il-ħtieġa li jirrepeti sejħa li kien għamel 15 il-xahar qabel, bl-għan iddikjarat li jwessa ix-xelta u biex ikun ċerti li min applika kien għad baqgħalu u nteress li joffri s-servizz tiegħu? Minn dawn il-konsulenti kemm minnhom ġew mqabbdin xogħol mill-unit u kemm tħallsu għall kull assignment li ingħataw?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-konsulenti (avukati, accountants eċċ u professjonisti oħra) li taw l-għajnuna tagħhom lill-Privatisation Unit/Gvern fil-proċess tal-privatizzazzjoni kienu dawn:
Avukati
Mamo TCV
Camilleri Preziosi & Associates
Advocates Micallef
Grech, Vella, Hyzler, Tortell
Profs. J.M. Ganado & Ass.
Sciriha, Attard Montalto, Galea & Ass.
Sapiano & Associates
Clifford Chance LLP
Vlaemminck & Partners
Accountants
Deloitte & Touche
KPMG
MSD/ Arthur Anderson
Banek
Bank of Valletta
BNP Paribas
Credit Suisse First Boston
Konsulenti oħra
Drewry Shipping Consultants
MPD Group Limited
MIMCOL
National Lottery Commission (UK)
Hedra Management Consultants
Kien hemm numru ta' applikanti li ma kienux fil-lista oriġinali li offrew is-servizzi tagħhom lill-Privatisation Unit. Dawn mhumiex elenkati hawn fuq, minħabba li s'issa ma'ġewx mgħażula.
Fir-rigward tal-ħlas, din l-informazzjoni hija ta' natura kummerċjali u ma jkunx prudenti li din tiġi żvelata.
Jista' l-Ministru jgħid billi is-sittax il-kumpanija ġew irrapurtati li wrew interess fil-privatizazzjoni tal-MOBC fhiex waslu il-pjani tal-privatisation unit f'dan ir-rigward u jekk hemm xi problemi li inqalgħaw?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol fuq din il-privatizzazzjoni jitkompla meta jiġu maħruġa l-permessi għat-tkabbir tal-faċilitajiet eżistenti
B'referenza għall-petizzjoni miġbura mill-Kunsill Lokali Pembroke dwar il-periklu eżistenti li hemm fid-dħul u ħruġ li hemm minn Triq Suffolk fl-Akwati tal-Qasam tad-Djar San Patrizju għall Triq Sant Andrija, tista' tieħu passi biex ix-xogħol meħtieġ isir b'ċertu sens ta' urġenza biex jiġi evitat il-periklu eżistenti għar-residenti tal-lokal?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq qed jaħdem biex isir titjib fit-triq arterjali li mill-junction ta' Paceville twassal sa Baħar iċ-Cagħaq. Il-pjanti ta' l-ewwel fażi li tkopri iż-żona minn ħdejn id-daħla ta' Pembroke sa ħdejn l-iskola tlestew u l-pjanti tat-tieni fażi li tinkludi l-lokalita' msemmija ser jinbdew jinħadmu.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-aħħar żviluppi dwar il-privatizazzjoni tal-MIA, tal-Freeport u tal-Lottu?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-negozjati għadhom għaddejjin u ma naħsibx li jkun għaqli li wieħed jagħti dettalji f'dan l-istadju perez li qegħdin fi stadju kummerċjalment sensitiv ħafna.
Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi dwar il-problema ta' klieb slavaġ u stray li ilu żmien ikun hemm qrib l-ex price club, is-Swatar sa miż-żmien li kien għadu miftuħ dan l-istabbiliment? Ninsab infurmat li saru anki xi rapporti lill-pulizija dwar dan?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija diġa` ħadet passi, fejn anke` tressqet persuna quddiem il-Qorti, u ser tkompli ssegwi dan l-ilment.
B'referenza għall-każ ta' housing tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament dwar bdil tar-residenza tagħha ma' dik tal-persuna li isimha wkoll qed jintbagħat separatament, tista' tgħid xi żviluppi kien hemm?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jiena nfurmat illi dak li qed titlob il-persuna ma jistax isir. Hi trid tibdel ma post li fih ħsarat strutturali wara li d-Dipartiment ħariġha minn post ieħor bil-periklu u offrilha l-post fejn qed toqgħod. Jien infurmat ukoll li din mhix l-ewwel darba li qed titlob li terġa tmur f'post bil-periklu.
Jista' l-Ministru jgħid f'hiex wasal ix-xogħol fuq il-household budgetary survey?
Meta mistenni li jiġi ppubblikat?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Household Budgetary Survey qiegħed jiġi proċessat.
Hu l-ħsieb ta' l-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika li r-riżultati ta' dan is-survey jiġu ppubblikati sa l-aħħar ta' Settembru ta' din is-sena.
Jista' l-Ministru jgħid billi hemm diversi indikaturi ekonomiċi li l-istatistika dwarhom ilha ma tiġi ippubblikata, tista' tgħid għaliex l-NSO jidhru li waqgħu lura fil-pubblikazzjoni ta' dan it-tgħarif essenzjali?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika qed jagħmel kull sforz sabiex l-ebda statistika ma titħalla taqa' lura.
Jista' l-Ministru jgħid l-uffiċju nazzjonali tal-istatistika qatt ikkunsidra l-possibilita li jistabbilixxi kalendarju fiss fejn diversi indikaturi ekonomiċi jibdew jiġu ppubblikati f'dati stabbiliti bil-quddiem kif jagħmlu pajjiżi oħrajn?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika qed iħejji sabiex jintroduċi kalendarju ta' pubblikazzjonijiet. Għaldaqstant, peress li ħafna mit-tagħrif ippubblikat jiġi mingħand dipartimenti u entitajiet oħra, qed isir ix-xogħol meħtieġ biex it-tagħrif mitlub jasal għand l-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika fiż-żmien propizju.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern stabbilixiex x'ser ikun in-net funding mill-UE bħala persentaġġ tal-GDP ta' pajjiżna li kieku Malta kellha tissieħeb fl-UE?
Response (BORG, JOE)
Ta' min wieħed jinnota li bi tħejjija għan-negozjati ma' kull pajjiż kandidat dwar il-Politika Reġjonali, il-provvedimenti dwar ir-Riżorsi Finanzjarji u dawk tal-Budget u l-Agrikoltura, l-Kummissjoni Ewropea għadha kemm ħabbret il-proposti globali tagħha dwar il-finanzjament tat-tkabbir tal-Unjoni Ewropea.
Il-Gvern Malti qiegħed jistudja dawn il-proposti bit-tħejjija għan-negozjati li għad iridu jseħħu dwar dawn l-oqsma.
Huwa għalhekk prematur li wieħed jipprova jgħid minn issa x'ser ikun in-net funding mill-Unjoni Ewropea wara li Malta tissieħeb fl-istess Unjoni.
Jista' l-Ministru jgħid tingħatax kunsiderazzjoni lit-talba tar-residenti ta' Blk A4 Ta' Xbiex H.E. biex jiġi installat is-servizz tal-lift billi l-inkwilini ta' Flt 5 għandu diżabilita'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-applikazzjoni għall-installar ta' lift fil-blokk indikat mill-Onor. Interpellant waslet għand l-Awtorita' tad-Djar fit-12 ta' Frar 2002, u qed tiġi proċessata.
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx involut f'negozjati diretti dwar seham Transend fil-Malta Post?
Jekk iva, meta u fejn saru dawn it-trattativi?
Response (DALLI, JOHN)
Nixtieq lill-Onorevoli Interpellant jippreċiża x'jifhem b'negozjati diretti. Per eżempju, jiena kelli laqgħa mar-rappreżentanti tat-Transend fil-preżenza tal-Privatisation Unit u l-management tal-MIMCOL u tal-Maltapost fejn emfazizzajt l-oġġezzjonijiet li kellna dwar l-ewwel draft ta' Technical Service Agreement li kienu ssuġġerew huma u li sussegwentement ġie mibdul. Ma nafx jekk din hiex negozjati diretti.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Kiwi Bank li huwa assoċjat man-New Zealand Post dan l-aħħar kellux trattativi ma xi bank ewlieni kummerċjali Malti dwar il-possibilita li jibda jopera f'pajjiżna on a joint venture basis? Jekk fl-affermattiv, ma min saru t-taħdidiet, meta saru, x'kienu il-proposti tal-Bank ta' New Zealand?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Bank Ċentrali u l-MFCS ma jafu b'ebda kuntatt li sar mill-'Kiwi Bank' ma' xi bank Malti, inkluż il-Bank Ċentrali ta' Malta.
Jista' l-Ministru jgħid it-trattativi dwar sehem Transend fil-Maltapost saru mal-privatisation unit? Kemm saru laqgħat bejn il-membri tal-unit u Transend?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li b'kollox kien hemm ħdax il-laqgħa li fiha kien hemm preżenti l-uffiċjali mill-Privatisation Unit. Min mindu bdew il-laqgħat, fi Frar tas-sena l-oħra, kien hemm ukoll numru ta' laqgħat oħra bejn Transend u rappreżentanti tal-MIMCOL, il-management tal-Maltapost, partikolarment minħabba d-due diligence exercise, kif ukoll laqgħat oħra bejn l-avukati waqt id-drafting tal-kuntratti.
Jista' l-Ministru jgħid min kienu l-persuni legali u nutarili fl-iffirmar tal-kuntratt tal-kumpanija Transend mal-Maltapost?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-negozjati, u sussegwentement l-iffirmar tal-ftehim, dwar il-privatizazzjoni parzjali tal-Maltapost saru mil-Privatisation Unit fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi. Għaldaqstant nissuġġerixxi li l-mistoqsija ssir lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jirrispondi il-mistoqsija parlamentari nru. 31197 u cioe jista' jgħid billi kien hemm pjani li jmorru lura xi ħames snin għat-twaqqigħ prospettiv ta' bini li hemm bejn Triq il-Ġdida u Sqaq Vasolani, Msida, faċċata ta' Marimina Court fi New Street innifisha, tista' tgħarraf lill-Kamra x'sar f' dan ir-rigward, aktar u aktar billi għal xi żmien kien qed jinbena bini illegali fl-istess area, liema każ kienet ġiet infurmata dwaru l-Planning Authority tant li l-Enforcement Unit kienet ħarġet acknowledgement bid-data 24.09.96 dwar dan il-każ?
Peress li din l-art li qed nitkellem dwarha li hi ta' 30 metru kwadru, qed twassal għal sitwazzjoni biex meta tkun ix-xita r-residenti tal-court ta' quddiemhom jimtlew kollha tajn fil-waqt li fis-sajf dejjem ikollhom problema tat-trabijiet, jistgħu jittieħdu l-passi neċessarji sabiex is-sitwazzjoni tiġi rimedjata?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-każ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant qed jiġi nvestigat u tweġiba tingħata f'seduta oħra.