Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #31825 Sitting 707 2002-03-05 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tas-Saħħa

Food Poisoning — Caterers

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien l-eżitu tal-investigazzjoni li kienu saru mid-dipartiment tas-saħħa dwar food poisoning estenziv f'tieġ li kien sar xi tliet snin ilu? X'passi ittieħdu kontra il-caterer responsabbli?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti aktar informazzjoni dwar il-każ ta' avvelenament ta' l-ikel indikat fil-Mistoqsija, peress li tliet snin ilu ġew investigati aktar minn każ wieħed minn dan id-Dipartiment.
Leg 9 PQ #31827 Sitting 707 2002-03-05 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tas-Saħħa

San Luqa

Question

Jista' l-Ministru jirreferi għall-każ umanitarju u mediku ta' persuna li d-dettalji qed jintbagħtu separatament li minħabba l-kondizjoni medika tiegħu jixtieq li jagħmel xogħol fil-medical records San Luqa mingħajr strapazz jew inkella jerġa jiġi ikkunsidrat biex jintbgħat il-personnel section ta' Sir Paul Boffa Hospital?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-persuna li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant matul is-sena 1999 kienet għamlet talba biex tiġi eżentata milli taqdi d-doveri kollha waqt il-qadi ta' dmirijietu. It-talba tal-persuna ma setgħatx tintlaqa minħabba ċirkularitajiet li kienu ħarġu mid-Diviżjoni tas-Saħħa fil-21 ta' Novembru 1996 u MPO Circular 70/97 datati 4 ta' Diċembru 1997, liema proċeduri għadhom fis-seħħ. Dwar it-talba ta' din il-persuna biex jerġa jintbagħat jaħdem fil-Personnel Section ta' l-Isptar Sir P. Boffa ma tistax tintlaqa minħabba li ma hemmx post għall-aktar nies f'din is-sezzjoni.

Swatar — Triq Indri Grima

Question

Jista' l-Ministru jgħid jistgħawx isiru stop lines u yellow lines aħjar fis-Swatar, l-aktar fl-inħawi ta' Triq Indri Grima?

Response (GALEA, ĊENSU)

Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Direttorat għall-Maniġġ tat-Traffiku.
Leg 9 PQ #31831 Sitting 707 2002-03-05 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

PBS — Riforma

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'hiex waslet ir-riforma li kellha issir fil-PBS?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-negozjati mal-General Workers Union dwar ir-Ristrutturazzjoni fil-PBS u partikolarment dwar l-Iskema ta' Rtirar Kmieni għadhom sejrin.
Leg 9 PQ #31780 Sitting 706 2002-03-04 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Maltapost

Question

Jista' l-Ministru jgħid min kienu l-persuni legali u nutarili fl-iffirmar tal-kuntratt tal-kumpanija Transend mal-Maltapost?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-ditti li kienu nvoluti fin-naħa tal-gvern kienu Mamo TCV u Scriha, Attard Montalto, Galea & Associates.
Leg 9 PQ #31795 Sitting 706 2002-03-04 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Foreign Direct Investment

Question

Matul is-snin 1999, 2000 u 2001 kemm ġie FDI (Foreign Direct Investment) fil-Pajjiż? Minn liema pajjiż ġie? Kemm kien jikkonċerna kumpaniji u intrapriżi kummerċjali? Kemm minnhom kienu marbutin ma' proġetti ġodda u kemm minnhom kienu jikkonċernaw proġetti ta' espansjoni? Dan l-investiment kemm wassal għall-ħolqien ta' impjiegi ġodda sena b'sena u settur b'settur?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-Uffiċju Nazzjonali ta' l-Istatistika jippublika ċifri li juru l-investiment globali barrani f'Malta. Fl-1999 dan kien jammonta għal Lm 327,949,000 u fis-sena 2000 għal Lm 284,506,000. L-informazzjoni għas-sena 2001 għada qed tinġabar. Dawn iċ-ċifri jinkludu kemm investiment minn barra għal faċilitajiet ta' produzzjoni ġodda u addizzjonali iżda ukoll investiment minn barra fil-każ ta' xiri ta' kumpaniji f'Malta minn kumpaniji barranin (inkluż fil-każ ta' privatiżazzjoni) Għal iktar informazzjoni dwar l-investiment dirett barrani, wieħed irid iħares ukoll lejn ċifri oħra hekk kif ġej: (a) Għal dak li għandu x'jaqsam ma invetiment minn kumpaniji eżistenti fis-settur tal-manifattura, jinstabu ċifri ippubblikati regolarment fl-Economic Survey. Għall-ewwel disa' xhur ta' 1999, dan l-investiment kien jammonta għal Lm25,000,000. Fl-istess perjodu fl-2000 kien ta' Lm60,000,000 u fl-2001 ta' Lm30,000,000. Fl-appendiċi ta' l-istess pubblikazzjoni, f'tabella 4.1, wieħed jista' jsib din l-istess informazzjoni maqsuma skond is-setturi individwali konċernati. (b) Għal dak li għandu x'jaqsam ma' investimenti fi proġetti ġodda (fil-qasam tal-manifattura), wieħed irid idur fuq ċifri miżmuma mill-Malta Development Corporation. Fuq dawn l-aħħar tlett snin kellna dawn il-proġetti approvati. YEAR No. OF PROJECTS PROJECTED PROJECTED APPROVED CAPITAL EMPLOYMENT (Expansions and New) INVESTMENT 1999 55 13,832,375 1,245 2000 59 25,998,718 1,787 2001* 51 27,328,645 1,620 *Provisional

Msida

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 31556?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-każ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant għadu qed jiġi investigat fejn qed tinġabar informazzjoni minn entitajiet oħra, għaldaqstant tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Traffic Lights

Question

Jista' l-Ministru jgħid flok zebra crossing u pelican lights li hemm qrib 109, Rue D'Argens, Msida jistgħux jsiru Traffic Lights minħabba il-frekwenza ta' inċidenti li jinqalgħu f'dawk l-inħawi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Għaddejt il-mistoqsija ta' l-Onor. Interpellant lid-Direttorat għall-Maniġġ tat-Traffiku biex jara x'jista' jsir.

Dipartiment tas-Servizzi Soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li d-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali ma laqgħax it-talba għal għajnuna tal-mard lill-familja li d-dettalji jintbagħtu separatament

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma hemmx applikazzjoni għal-Għajnuna tal-Mard u għalhekk il-persuna msemmija ġiet infurmata biex tapplika għal din l-Għajnuna.
Leg 9 PQ #31823 Sitting 706 2002-03-04 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Air Supplies Company

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament kien tneħħa minn GM tal-Air Supplies Company wara li kien għamel xi żmien jagixxi f'din il-kariga?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-persuna konċernata kienet ġiet sekondata mill-Air Malta għall-Air Supplies bħala General Manager ta' din il-kumpanija. Xi snin wara rritorna fil-grad li kellu fl-Air Malta.
Leg 9 PQ #31759 Sitting 705 2002-02-27 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

BOV

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn kienu l-awdituri li ġew appuntati għall-proċess ta' privatizzazzjoni tal-Bank of Valletta?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li s'issa għadu ma ġie appuntat ħadd.
Leg 9 PQ #31760 Sitting 705 2002-02-27 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

WSC

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma u kemm qed jitħallsu il-konsulenti tal-WSC?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li fil-preżent il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma qed tagħmel użu mis-servizzi ta' tlitt konsulenti. Dawn huma Sapiano & Associates li qed jirċievu remunerazzjoni ta' Lm3,000 fis-sena, is-Sur Stephen McCarthy li għandu remunerazzjoni annwali ta' Lm2,500 u d-ditta Tua Engineering Limited li tirċievi remunerazzjoni ta' Lm3,000 fis-sena.
Leg 9 PQ #31763 Sitting 705 2002-02-27 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Ex-Officio Assessments

Question

Jista' l-Ministru jaċċerta lil din il-Kamra li l-ex-officio assessments li ġew dikjarati nulli b'sentenza tal-Qorti tal-Appell li ġġib id-data ta' 16 ta' Ottubru 1991 - ġew kollha kemm huma ssostitwiti b'assessments oħra validi skond il-Liġijiet tat-Taxxa fuq id-Dħul sat-terminu mogħti mill-istess liġi, jiġifieri sal-31 ta' Diċembru 2001? Kemm kien hemm assessuri li ħadmu fuq dawn it-tip ta' assessments? Kemm minn dawn l-assessuri huma ħaddiema regolari tad-Dipartiment tat-Taxxi Interni u kemm huwa n-numru ta' l-ex-uffiċjali ta' l-istess dipartiment li matul is-sena 2001 ħadmu fuq dan l-eżerċizzju? Jista' l-Ministru jinforma din il-Kamra jekk id-Dipartiment ħariġx sejħa għall-applikazzjoni għal impjieg temporanju fuq bażi part-time? Jekk fin-negativ, min ta' l-awtorizzazjoni biex jiġu mpjegati nies fuq bażi part-time? Fuq liema kriterju u minn min saret l-għażla ta' dawn l-ex-uffiċjali? X'kienet ir-rata ta' ħlas li sar għal dan it-tip ta' xogħol lil ex-uffiċjali tad-dipartiment u jekk din ir-rata kinitx l-istess rata ta' ħlas li ingħata lill-uffiċjali tad-dipartiment li ħadmu fuq l-istess xogħol? Jekk fin-negattiv, x'kienet ir-raġuni għad-differenza fir-rata tal-ħlas? Taħt liema regolarmenti finanzjarju ġew approvati r-rata/rati taħt l-iskema ta' l-inċentiv?

Response (DALLI, JOHN)

Nibda biex ngħid li din il-problema nqalgħet mill-mod drakonjan u bl-addoċċ li biha ħadem il-Gvern Laburista tul is-sebgħinijiet. Sistema li mhux biss daħlet f'inkwiet kbir lil ħafna nies imma daħlet lid-dipartiment tat-taxxi f'maremanju ta' problemi amministrattivili affettwaw bis-sħiħ l-effiċjenza tad-dipartiment tas-snin ta' wara. Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li tajjeb li wieħed jgħid għall-eżattezza li kien hemm ex-officio assessment wieħed biss li kien ġie dikjarat null mill-Qorti tal-Appell. Il-maġġoranza kbira tal-asssessments ex-officio kienu ħarġu lejn l-aħħar tas-snin sebgħin u l-ewwel nofs tat-tmeninijiet. Dak iż-żmien ma kienu nżammu l-ebda records dwar liema u kemm kienu dawn l-ex-officio assessments. Minħabba li s-sentenza setgħet tiġi kkwotata f’każijiet sussegwenti kienu saru emendi fil-ligi fl-1992 biex jiġi sanat xi difett jew omissjoni min-naħa tad-Dipartiment. Ta’ min wieħed jgħid li l-proċedura biex tissostitwixxi dawn l-assessments hija waħda laborjuża u komplikata ħafna u tinvolvi proċessi ta’ kompjuter, eżami ta’ kotba u dokumenti, diskussjoni mat-taxpayers, li kollha kemm huma jirrikjedu ċertu żmien. Sar eżerċizzju fiżiku biex ikunu identifikati l-assessments li setgħu kienu ikkonsidrati bħala invalidi skond is-sentenza tal-Qorti. Safejn huwa magħruf dawn l-assessments kollha ġew issa sostitwiti b’assessments validi. Minħabba li, kif intqal qabel, fi żmien li ħarġu dawn l-assessments ma kienux inżammew records, qatt ma nistgħu nkunu ċerti li ġew identifikati il-każijiet kollha fl-eżerċizzju li sar u għalhekk bl-iskop li jiġi salvagwardat ir-Revenue, saru emendi fil-liġi tat-taxxa li għadhom kemm għaddew mill-Parlament. In-numru ta’ assessuri li ħadmu fuq dawn l-assessments varja matul iż-żmien. Barra minn hekk sar sforz akbar fl-aħħar żmien biex dawn jintlaħqu fit-terminu preskritt. Għall-parti l-kbira tas-sena 2001 in-numru ta’ assessuri involuti f’ex-officio assessments kien ta’ ħmistax li tlieta minnhom huma ex-uffiċċjali tad-Dipartiment. Fi żmien minnhom żdiedu sebgħa oħra biex il-proċess jintlaħaq. L-ex-uffiċċjali tad-Dipartiment li ħadmu fuq dan il-proċess ma kienux impjegati la fuq bażi regolari u lanqas fuq bażi ta’ impjieg temporanju. Huma kienu u għadhom qed jaħdmu u jithallsu skond in-numru ta’ files li jikkonkludu u mhux jitħallsu xi ammont fiss kull xahar fuq bażi ta’ xi impjieg temporanju ta’ tant siegħat fil-ġimgħa. Dan id-Dipartiment għamlu biex jieħu l-aħjar valur għax-xogħol li qed jistenna li jsir. Dawn it-tliet ex-uffiċċjali ħadmu fuq każijiet ta’ individwi u mhux assessments ta’ kumpaniji. Meta tqabbel il-ħlas li rċevew dawn l-ex-uffiċċjali għax-xogħol li għamlu issib li l-files li dawn ħadmu swew lid-Dipartiment Lm12.85 kull file, waqt li x-xogħol tal-ħaddiema regolari ġie jiswa Lm20.18 għal kull file konkluż. L-għażla ta’ dawn l-ex-uffiċċjali biex jagħmlu dan ix-xogħol saret mill-Kummissarju wara li avviċina numru ta’ impjegati tad-Dipartiment li kienu rtiraw bl-eta’ u li kellhom esperjenza meħtieġa biex iwettqu dan ix-xogħol b’effiċjenza u integrita.
Leg 9 PQ #31766 Sitting 705 2002-02-27 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Dipartiment tat-Taxxi Interni

Question

Jista' l-Ministru jinforma din il-kamra jekk id-Dipartiment tat-Taxxi Interni fi snin 1999, 2000 u 2001 għamilx użu minn servizz / servizzi ta' konsulenti? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jagħti n-numru ta' konsulenti mħaddma mad-Dipartiment tat-Taxxi Interni f'dawn it-3 snin u kemm kien il-ħlas għal kull konsulent f'kull sena f'dawn it-tliet snin? X'kien ix-xogħol li sar matul kull waħda minn dawn it-3 snin minn kull wieħed min dawn il-konsulenti? X'kien in-numru ta' sigħat li ħadmu dawn il-konsulenti f'kull waħda minn dawn it-tliet snin? Minbarra s-servizz ta' konsulenti (jekk dan huwa l-każ) jista' l-Ministru jagħti lil din il-Kamra, informazzjoni dettaljata (breakdown) dwar ħlasijiet magħmula mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni għal xogħol magħmul f'isimha minn persuni li m'humiex impjegati tad-Dipartiment - fosthom spejjeż legali u ta' periti - u xi proċedura ntużat fl-istess perjodu (bejn 1999 u 2001) sabiex intagħżlu dawn in-nies? Jista' jinforma lil din il-Kamra mill-liema voti tħallsu dawn il-pagamenti?

Response (DALLI, JOHN)

Nqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba dwar konsulenti. Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tat-Taxxi Interni għamel użu minn servizzi ta' Avukati u Awdituri u d-Dipartiment tal-Capital Transfer Duty fi ħdan id-Diviżjoni tat-Taxxi Interni għamel użu mis-servizz ta’ numru ta’ periti biex jistabilixxu l-value fis-suq miftuħ ta’ proprjeta’ immobbli. Il-pagamenti ta' l-Avukati u l-Awdituri tħallsu minn tem 26 Vot 31 - Professional Services filwaqt li l-ħlas tal-Periti isir mill-Vot 3130 A 02 -Valutazzjoni. Il-periti jitħallsu bl-imqieta u cioe’ jirċievu ħlas ta’ Lm5 għal kull valutazzjoni li jagħmlu - u ma jistax ikun stabbilit in-numru ta’ siegħat li jaħdmu. L-awdituri ntagħżlu skond l-esperjenza filwaqt li fil-każ tal-avukati kien intagħżel kull min applika. Fiż-żewġ każi saret sejħa fil-gazzetti lokali. Mill-1969 dejjem intużat l-istess proċedura biex ikunu maħtura l-perit/konsulenti. Wara konsultazzjoni mal-Ministeru tal-Finanzi, d-Dipartiment jinnomina dawn il-konsulenti u jittermina wkoll l-ingaġġ tagħhom. Kull min kien għamel applikazzjoni lill-Ministeru tal-Finanzi u kopja tagħha ntbaghtet lid-Dipartiment, ġeneralment jintagħżel biex jagħmel dan ix-xogħol meta jkun meħtieġ.
Leg 9 PQ #31767 Sitting 705 2002-02-27 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Intern

San Lawrenz Resort Complex

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 31472, x'passi ħa il-Ministru dwar barranin li identifikajtlu li allegatament qed jaħdmu fis-San Lawrenza Resort Complex, Għawdex mingħajr permess?

Response (BORG, TONIO)

Saru investigazzjonijiet mill-Pulizija, u meta dawn jintemmu jittieħdu proċeduri skond il-liġi jekk ikun hekk indikat.
Leg 9 PQ #31768 Sitting 705 2002-02-27 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Taxxa — Part-timers

Question

Jista' l-Ministru jgħid hemmx il-ħsieb li jintmissu l-paramentri tal-part-timers dwar ħlas ta' 15% taxxa finali tad-dħul? Jekk iva, x'inhuma il-pjani tal-gvern?

Response (DALLI, JOHN)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-Avviżż Legali Numru 321 tal-2001, Gazzetta tal-Gvern Numru 17,180 tas-27 ta' Diċembru 2001 li fih regoli li jemendaw ir-Regoli dwar xogħol Part-time.
Leg 9 PQ #31657 Sitting 704 2002-02-27 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Tobba — Vat Receipts

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kien hemm xi tibdil dwar l-obbligu ta' ħruġ ta' riċevuti fiskali min-naħa tat-tobba dwar is-servizzi li joffru? Fid-dawl tal-fatt li kien hemm membri tal-professjoni medika li ġew irrapurtati li qalu fuq Radju Privat li billi it-tobba huma exempt without credit, huma għandhom jagħtu ir-riċevuta biss lill min jitlobielhom kif wkoll li ma għandhomx aktar l-obbligu li jagħtuha fuq Vat Receipt propja, jista' l-Ministru jgħid jekk sar dan it-tibdil, meta sar u għaliex dan it-tagħrif ma sarx wieħed pubbliku?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li permezz ta' l-Avviż Legali 274/2000 mill-1 ta' Jannar 2001, servizzi offruti minn tobba ma baqgħux klassifikati bħala eżenti bil-kreditu iżda bħala eżenti bla kreditu. F'dan ir-rigward taħt il-liġi tal-VAT, persuna li toffri servizzi bla kreditu mhix meħtieġa li toħroġ irċevuta fiskali. Dan ma jeżenthomx mill-obbligu li joħorġu rċevuta normali kif mitluba taħt xi liġijiet oħrajn.
Leg 9 PQ #31670 Sitting 704 2002-02-27 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Monetary Aggregates

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien il-fattur ewlieni li skond il-media release tal-Bank Ċentrali ta' Malta dwar monetary aggregates (02/2002) wassal biex jkun hemm żieda ta' madwar Lm 110 f'riservi matul is-sena li għaddiet? Jekk dan kien dovut għall-portfolio investment flows, dawn kienu ta' natura long jew short-terms? U jekk dawn huma ta' natura short-term, tista' tkun din ix-xejra waħda faċilment riversibbli?

Response (DALLI, JOHN)

Din hi storja oħra vvintata mill-medja Laburista. Ta min jinnota li l-Onorevoli Interpellant qed isaqsi wara li l-medja Laburista ħarġet bil-qlajja tagħha. Ta min jgħid ukoll li l-medja soċjalista skantat li l-Gvern ma ħariġx jiftaħar b'din iż-żieda. Ngħidlu li llum aħna nifhmu li Malta qed tħaddem suq ħieles u għalhekk mhux każ li toqgħod tagħmel plejtu fuq dawn l-affarijiet. In-naħa l-oħra għadhom ma fehmux din ir-rejalta'. Xorta waħda ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ż-żieda ta’ madwar Lm110 miljun fir-riservi tal-Bank Ċentrali fl-2001 tirrefletti t-tranżazzjonijiet kollha fil-bilanċ tal-pagamenti tal-pajjiż matul is-sena kollha kemm hi. Peress li l-istatistika dettaljata dwar il-bilanċ tal-pagamenti fl-aħħar tliet xhur tas-sena għad m’humiex magħrufa, wieħed ma’ jistax igħid jekk din iż-żieda ġietx kollha minn tranżazzjonijiet fil-kont kapitali u finanzjarju, kif donnu qed jassumi l-Onor. Brincat, jew fil-kont kurrenti. Ta’ min ifakkar hawn li wkoll meta tkun daħlet l-informazzjoni kollha dwar il-bilanċ tal-pagamenti, dejjem jibqa’ numru ta’ tranzazzjonijiet li ma’ jkunux jistgħu jiġu identifikati. Għalhekk, fl-istatistika ta’ kull pajjiż wieħed isib entrata msejħa “errors and ommissions”. Jekk l-Onor Brincat jinnota sew, fl-istatistika ppublikata ta’ l-ewwel disa xhur ta’ l-2001, kien hemm “errors and ommissions” posittivi ta xi Lm56 miljun. Dawn setgħu kienu tranzazzjonijiet kemm ta’ natura kurrenti kif ukoll kapitali. Iżda wkoll kieku ż-żieda ġrat kollha fil-kont kapitali u finanzjarju, xorta waħda għad m’aħniex f’qagħda li ngħidu kemm minn dan il-kapital hu ta’ natura long-term jew short-term. L-esperjenza tgħallimna pero’ li, dment li għad għandna xi kontrolli fuq il-moviment tal-kapital, il-biċċa l-kbira tal-investiment short-term li jiġi minn barra jispiċċa f’depożiti mal-banek. U peress li l-banek huma soġġetti għal regolamenti stretti fuq currency exposure, l-Onor. Brincat jista’ jserraħ rasu li m’hemm l-ebda periklu ta’ xi ħruġ qawwi ta’ riservi li s-sistema finanzjarja ma’ tiflaħx għalih. Waqt li nirringrazzja lill-Onor Interpellant talli fakkarna li r-riservi tal-Bank Ċentrali żdiedu b’madwar Lm110 miljun is-sena l-oħra , nfakkru wkoll li d-dħul ta’ kapital ġo pajjiż, ukoll jekk ikun ta’ natura short-term, jirreffletti fiduċja fil-munita u fit-tmexxija ekonomika tal-pajjiż.
Leg 9 PQ #31749 Sitting 704 2002-02-27 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Taxxi — Refunds

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huma l-ammonti ta' refunds dovuti mid-dipartiment tat-taxxi għal kull waħda minn dawn is-snin ta' stima u kemm hu n-numru ta' taxpayers in għandhom refund dovut lilhom mid-dipartiment għal kull waħda minn dawn l-istess snin ta' stima? - snin ta' stima 1998 - 1997 -1996 - 1995 - 1994 -1993 u pre-1993. Kemm mit-tax payers li talbu lid-dipartiment għal refund kellhom it-talba tagħhom milqugħa? Kemm minn dawn it-taxpayers għad għandhom it-talba tagħhom pendenti?

Response (DALLI, JOHN)

Nqiegħed fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba fuq kemm huma l-ammonti ta' refunds dovuti mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni. Ma jinżammu l-ebda rekords dwar l-informazzjoni l-oħra mitluba fl-Interpellanza.