Legislature:
Category:
Reset
Active:

Traffic Lights

Question

Jista' l-Ministru jara li isiru xi traffic lights fi Triq Kampanella, San Ġwann, minħabba li diversi ġenituri jkunu jridu jaqsmu bit-tfal tagħhom biex jeħduhom l-iskola?

Response (GALEA, ĊENSU)

Tajt struzzjonijiet lid-Direttorat għat-Toroq u dak għall-Maniġġ tat-Traffiku biex jikkunsidraw is-suġġerimenti magħmula mill-Onor. Interpellant.

ETC

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinvestiga mal-ETC il-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu under separate cover li allegatament ilha tirreġistra għax-xogħol xi disa snin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numru 31826 fil-5 ta' Marzu 2002, f'Seduta Numru 707.
Leg 9 PQ #32332 Sitting 714 2002-03-13 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

L-Iklin — Dwal

Question

Jista' l-Ministru jgħid jistax jitwaħħal xi forma ta' street lighting qrib Palma Farmhouse, Sqaq Ħwawar, l-Iklin minħabba d-dlam li hemm f'din l-area abitata?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta’ l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tiġi ikkunsidrata flimkien ma’ talbiet oħra simili.
Leg 9 PQ #32143 Sitting 713 2002-03-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti legali tal-Airmalta? Kemm qed jitħallsu?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ma nħossx li jkun fl-interess kummerċjali ta’ l-Air Malta li nippubblika d-dettalji mitluba.
Leg 9 PQ #32147 Sitting 713 2002-03-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Gozo Channel — Sponsorship

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-iskop li l-Gozo Channel tagħmel sponsorship ta' programmi televisivi bħal 'Bondi Plus' meta għandha monopolju tas-suq? Kemm għamlet telf il-kumpanija fis-sena 2001?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tajjeb jingħad li l-policy ta' reklamar tal-kumpanija Gozo Channel hi li tippromwovi lil Għawdex bħala destinazzjoni ewlenija u mhux biex tippromwovi s-servizz tal-Kumpanija. Ninsab infurmat li matul il-perjodu bejn Settembru u Diċembru 2001 u bejn Jannar u April 2002, il-Gozo Channel iddeċidiet li tirreklama permezz ta' sponsorship jew reklamar dirett fuq tlitt programmi tat-televiżjoni li jintwerew fuq l-istazzjonijiet Public Broadcasting Services, Net Television u Super One Television. Ir-reklamar fuq dawn il-programmi kien aċċennat fuq is-sigurta' u s-servizz tal-Kumpanija nnifisha. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija ta' min ifakkar li r-rendikont finanzjarju tal-Kumpanija jingħata waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali. Din hija proċedura normali li dejjem ġiet applikata matul is-snin.
Leg 9 PQ #32217 Sitting 713 2002-03-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Gozo Channel

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li ġie approvat li jsir cost cutting exercise fil-Gozo Channel minħabba l-performance finanzjarja ħażina tal-kumpanija?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tajjeb jingħad li bħalma tagħmel kull kumpanija kummerċjali, il-Gozo Channel kontinwament tipprattika l-kunċett ta' 'cost cutting' biex b'hekk fejn tista' tnaqqas l-ispejjeż u b'hekk tkabbar il-qliegħ. M'hemmx dubju li minn meta daħlu fis-servizz il-vapuri l-ġodda, kien hemm titjib sostanzjali fis-servizz li jingħata lill-klijent li jaqsam bejn iż-żewġ gżejjer. Madanakollu, kif diġa' ħabbret kemm il-darba l-kumpanija, il-vapuri l-ġodda żiedu wkoll l-ispejjeż ta' l-operat, partikolarment minħabba dawn ir-raġunijiet: 1. konsum aktar ta' fuel 2. żieda fl-ekwipaġġ tal-vapur li kellha ssir minħabba raġunijiet statutorji ta' sigurta' 3. spejjeż għola ta' assikurazzjoni relatata mal-vapur tal-vapuri 4. deprezzament jew charter fees 5. żieda fl-ispejjeż tal-manutenzjoni tal-vapuri Ukoll, kif is-servizz jitjieb, u anki n-numru ta' vjaġġi jiżdiedu, aktar u aktar nies qed jaqsmu bejn Malta u Għawdex. Imma, iż-żieda fin-numru ta' passiġġieri u karozzi li qasmu mhux qed tiġi riflessa f'żieda proporzjonali ta' bejgħ. Dan minħabba l-fatt illi ż-żieda saret fil-kategorija ta' biljetti sussidjati, li tapplika għar-residenti Għawdxin. Il-Gvern, MIMCOL kif ukoll il-Gozo Channel qed jimmoniterjaw is-sitwazzjoni, u sa fejn jistgħu, jieħdu l-passi neċessarji sabiex titranġa il-performance tal-Gozo Channel. Sadanittant, ġie deċiż li jitwaqqaf is-servizz tal-katamaran minħabba nuqqas ta' konkorrenza.
Leg 9 PQ #32220 Sitting 713 2002-03-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Control Tower — Parking Area

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm swiet il-parking area li saret ħdejn il-control tower? Kien hemm xi tender biex ingħata dan ix-xogħol? Jista' l-Ministru jippreżenta l-pjanti ikkonċernati u jindika jekk kienx hemm xi permess mill-Planning Authority għal din il-car park? F'hiex kien jikkonsisti x-xogħol li sar?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-parking area li saret ħdejn il-Control Tower swiet Lm4,072. Dan ix-xogħol ingħata wara li inġabru kwotazzjonijiet skond il-proċeduri stabbiliti tal-kumpanija. Ix-xogħol sar wara l-ħruġ tal-permess meħtieġ, li jġib in-numru PA03890/00, mill-Awtorita’ ta’ l-Ippjanar. Dan ix-xogħol kien jikkonsisti f’bini ta’ bankini, kurduni, pavimenti, żebgħa ta’ sinjali fuq il-pavimenti u dawl tal-parking area. Kopja tal-pjanti relattivi qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

ETC — Life Long Learnning

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 31842?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Korporazzjoni ta' Xogħol u Taħriġ torganiżża bosta programmi u skemi għal nies li qegħdin ifittxu mpjieg kif ukoll oħrajn li jinsabu jaħdmu u jixtiequ jtejbu l-ħiliet tagħhom. Fost dawn wieħed jista' jsemmi l-programmi relatati ma' xogħol f'uffiċċju, dawk fis-snajja differenti, Business Management, programmi fl-informatika, il-programm ta' Empowerment skills for women u kif ukoll il-programmi kollha li jaqgħu taħt in-Night Institute for Further Technical Education (NIFTE) fost oħrajn. Dawn l-inizjattivi kollha jaqgħu taħt il-kunċett ta' life long learning li tiġbor fiha viżjoni fejn iċ-ċittadini jibqgħu jitgħallmu tul ħajjithom kollha u mhux biss sakemm isibu mpjieg.
Leg 9 PQ #32270 Sitting 713 2002-03-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Fringe Benefits

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb l-aħħar żewġ mistoqsijiet tal-PQ 31913?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li m'għandi xejn x'inżid mar-risposta li tajt fil-mistoqsija parlamentari nru. 31913 f'seduta 709.
Leg 9 PQ #32078 Sitting 712 2002-03-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Applikazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga f'hiex waslet l-applikazzjoni PA 02034/01?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-applikazzjoni PA 2034/01 hija fi stadju ta` rikonsiderazzjoni wara li kienet rifjutata fit-3 ta` Settembru 2001. It-talba għal rikonsiderazzjoni ġiet sottomessa fl-aħħar ta` Settembru u fil-preżent din l-applikazzjoni qiegħda tistenna li tingħata data biex tinstema` quddiem il-bord.
Leg 9 PQ #32079 Sitting 712 2002-03-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta

Question

Billi l-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament għandhom kont in dispute ta' Lm 145.92 mal-korporazzjoni Enemalta fid-dawl taċ-ċaħdiet uffiċjali li huma bagħtu lill-korporazzjoni permezz ta' l-avukat tagħhom, jista' jsir xi arranġament bonarju biex din il-pendenza tiġi konkluża b'mod sosdisfaċenti għaż-żewġ naħat, l-aktar fid-dawl ta' l-insistenza li huma ġew billed intortament?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li skond ir-rekords tal-Korporazzjoni Enemalta fl-account tal-familja li qed issir referenza għaliha ma tirriżulta ebda relazzjoni ma' l-ammont imsemmi. Fil-fatt kollox jindika li l-kontijiet tħallsu għajr għall-aħħar kont li ħareġ fi Frar li għadda. Jekk hemm xi kont ieħor, ikun apprezzat jekk l-Onorevoli Membru jagħtini l-ammont tal-kont li qed jirreferi għalih.

Pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid hemmx xi raġuni għaliex il-pensjonata li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament ma irċevetiex żieda għall-għoti tal-ħajja mal-pensjoni li irċeviet ftit ilu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-każ tal-persuna ndikata minnu ġie nvestigat u l-persuna ġiet infurmata bil-miktub dwar dan.
Leg 9 PQ #32081 Sitting 712 2002-03-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Gżira — Bouverie Str

Question

Jista' l-Ministru jgħid minħabba fid-dawl li hemm fil-parti ta' fuq ta' Bouverie Street Gżira jista' jsir strret lighting adegwat lejn in-nofs ta' din il-parti u dan minħabba fil-periklu ta' serq u abbużi bid-droga li jista' jkun hemm fl-inħawi?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li x-xogħol meħtieġ fit-triq imsemmija għandu jsir flimkien ma' xogħolijiet oħra simili.

Allowance ta' Mard

Question

Jista' l-Ministru jara jekk il-pensjonata li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament hijiex intitolata għal xi allowance ta' mard minħabba l-kondizzjoni tal-bronki kroniċi li tbati bihom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata minnu ser tiġi nfurmata bl-eżitu tal-każ tagħha.
Leg 9 PQ #32115 Sitting 712 2002-03-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar San Luqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet mifruxa l-infezzjoni li ħadu diversi pazjenti tal-Isptar San Luqa minħabba il-virus li seta kien hemm f'xi apparat tal-għajnejn ġewwa l-istess sptar? Kemm il-każ ġie identifikat? Din il-problema issa ġiet mitigata?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-istatistika mitluba ma tinżamx.

Flooding

Question

Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi biex tiġi rimedjata l-problema eċċessiva ta' flooding li jkun hemm f'Rue D'Argens, l-Imsida minħabba ċerti culverts li saru dan l-aħħar?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 31838 (Seduta 708).
Leg 9 PQ #32012 Sitting 711 2002-03-11 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Tax Compliance Unit

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn kemm ilha topera it-tax compliance unit, jista' jiġi kkalkulat l-under payment f'taxxa tad-dħul li seta kien hemm mill-kumpaniji u individwi investigati s'issa?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-Tax Compliance Unit tista tgħid biss l-underpayment fuq il-każi li tinvestiga u m'hiex f'pożizjoni li testrapola u timmaġina ċifri globali.
Leg 9 PQ #32015 Sitting 711 2002-03-11 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Tax Compliance Unit

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-persuna li isimha qed nibgħat under separate cover għadha qed tagħmel xogħol ta' konsulenza għat-tax compliance unit taħt il-kappa tal-Malta University Services?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna mindikata m'għandiex xogħol ta' konsulenza għat-Tax Compliance Unit bħal issa, la taħt il-kappa tal-MUS u l-anqas fil-kapaċita personali tagħha. L-uniku xogħol ta' konsulenza li għamlet din il-persuna għat-Tax Compliance Unit kien meta tqabbdet, flimkien ma' persuna oħra, mill-MUS biex tagħmel review tal-Benchmarking exercise maħdum mill-uffiċċjali tat-TCU. Dan l-eżerċizzju ingħalaq f'Awwissu tat-2001.
Leg 9 PQ #32016 Sitting 711 2002-03-11 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Ambaxxati

Question

Filwaqt li matul il-waqfa tiegħu f'Ċipru, l-Prim Ministru Spanjol Aznar ħabbar il-ftuħ ta' Ambaxxata f'Ċipru, jista' jgħid jekk waqt iz-zjara tal-Prim Ministru Spanjol f'Malta kienx hemm impenn min-naħa spanjola biex tinfetaħ l-ambaxxata tagħhom mill-ġdid f'pajjiżna anke u b'reċiproċita għall-ambaxxata li aħna ftaħna f'Madrid xi żmien ilu? Jista' jgħid jekk il-Gvern Malti huwiex jipprova jirrikorri għar-reċiprocita dwar ftuħ t'ambaxxati f'Malta minn dawk il-Gvernijiet li aħna ftaħna ambaxxati fil-bliet kapitali tagħhom?

Response (BORG, JOE)

Infakkar lill-Onorevoli Interpellant illi l-Ambaxxata Spanjola f'Malta kienet ingħalqet matul l-Amministrazzjoni Laburista preċedenti wara li l-Gvern Malti dak iż-żmien, iffriża l-applikazzjoni ta' Malta għal sħubija fl-Unjoni Ewropea. Meta Malta, minnufih wara l-Elezzjoni ta' 1998, irrijattivat din l-applikazzjoni, il-Gvern Spanjol daħħal mill-ġdid lil pajjiżna fost il-pajjiżi meqjusa bħala prijoritarji għall-ftuħ ta' Ambaxxata Spanjola fihom. Il-Gvern Spanjol, għalhekk, bi ħsiebu jiftaħ Ambaxxata f'Malta malli jkun jista'. F'rigward tat-tieni parti tal-Mistoqsija, ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Gvern Malti jiftaħ ambaxxati f'pajjiżi oħra skond il-ħtiġijiet u l-interessi ta' pajjiżna.
Leg 9 PQ #32038 Sitting 711 2002-03-11 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Privatization Unit

Question

Dwar PQ 31756 jista' l-Ministru jagtħi tagħrif dwar l-ammont globali li l-privatization unit ħallset f'konsulenzi lil dawn il-kategoriji: - avukati - accountant - banek u konsulenti oħra?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ma' jkunx prudenti li din l-informazzjoni tkun reveluta minħabba li hi ta' natura kummerċjali. Barra min hekk l-Privatisation Unit huwa marbut bi ftehim ta' kunfidenzjalita' mal-konsulenti.