Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li meta faqqgħet il-kwistjoni tal-11 ta' Settembru, 2001 il-gvern Malti ma ikkunsidrax li jagħmel il-gvern Ċiprijott li neħħa l-airport taxes għall-perjodu ta' tliet xhur, liema perjodu issa ġie estiż għas-sajf li qegħdin fih minħabba li kellhom a soft market? L-istess seta applika għall-prezz tal-aviation fuel ex-Malta, għaliex jekk l-operators ma jkollhomx margini ta' qliegħ adegwat nistgħu nispiċċaw fil-qagħda li ninsabu fiha illum li klijenti li jmorru jibbukkjaw btala għal Malta jgħidlulhom li għal Malta kollox mimli, meta l-fatti jirriżultaw mod ieħor?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-istrateġija tagħna kienet differenti minn dik ta' Ċipru u mmirata lejn l-operatur sew f'reklamar kif ukoll f'roħs ta' prezzijiet. Minkejja li s-suq għadu dipress, ir-riżultati tagħna huma aħjar min dawk ta' Ċipru fis-swieq ewlenini bħal dawk ta' l-Ingilterra u l-Ġermanja.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li meta il-Prim Ministru qal li r-ristrutturar tat-Tarznari qed iżid fil-momentum tiegħu u li qed jiġu ikkunsdrati joint ventures ġodda għall-istess tarznari ma jidhirx li kellu jitlaqqa it-task force f'dawn l-aħħar xhur minħabba fit-terms of reference speċifiċi tiegħu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Onor. Membru jaf li l-iskemi ta' rtirar volontarju għalqu fil-31 ta' Mejju li għadda. Wara li għalaq dak il-proċess, kellu jsir eżerċizzju li janaliżża r-riżultat ta' l-iskemi u jidentifika l-opportunitajiet li jistgħu jkunu miftuha għat-tarznari fid-dawl tal-pjan ta' ristrutturazzjoni.
Din l-analiżi tinkludi wkoll studju dwar il-qagħda finanzjarja tat-tarznari, inkluż id-dejn akkumulat tul is-snin, kif ukoll studju dwar it-titolu fuq l-art li għandhom f'idejhom ż-żewġ tarznari.
Sadanittant il-Gvern kompla bil-kuntatti li kellu ħalli jidentifika dawk l-inizjattivi ġodda li huma fattibbli, anke permezz ta' joint ventures.
It-Task Force titlaqqa' malli dan kollu jkun ġie stabbilit.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Maltapost tistax tagħti assigurazzjoni li mhix se jkollha redundancies? X'kien l-eżitu tal-kwestjonarju maltapost future directions fejn ġie propost lill-ħaddiema tibdil li ser jolqot direttament is-social life patterns tagħhom?
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati investimenti minn barra l-pajjiż bejn tmiem Marzu u tmiem Ġunju 2002 taħt l-investment registration scheme?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-total ta' investiment minn barra l-pajjiż li ġie rreġistrat mill-bidu tas-sena sa Ġunju taħt l-Investment Registration Scheme ilaħħaq mal-200 miljun.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu under separate cover għadha ma ġietx mitluba tgħid jekk tridx taqleb iċ-ċens tad-dar tagħha fil-HE ta' San Gwann għal wieħed perpetwu kif ġew mistoqsija residenti oħrajn fl-istess parti ta' l-Estate?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta għal din il-Mistoqsija l-aħjar tingħata mid-Dipartiment tal-Artijiet.
Jista' l-Ministru jgħid huwiex minnu li l-programm televisiv Viva Malta qed jittelgħa fuq PBS b'nefqa ta' madwar Lm1000 fil-ġimgħa liema ħlas isir mill-MIC, liema kuntratt ingħata mingħajr ma ġew mitluba quotations minn għal anqas tlett kumpaniji stabbiliti ħafna biex jipproduċu dan il-programm? Jekk le, kemm qed jiġi jiswa kull programm f'din is-sensiela lill-MIC?
Response (BORG, JOE)
Il-Malta Information Centre ikkummissjona permezz ta' direct order bl-awtoriżżazzjonijiet meħtieġa lid-ditta Where's Everybody? sabiex tipproduċi s-serje korrenti tal-programm 'Viva Malta', li huwa msejjes fuq l-edizzjonijiet preċedenti tal-programm li l-istess ditta kienet oriġinarjament tellgħet. Din is-serje korrenti ta' 'Viva Malta' tikkonsisti fi tletin xandira ta' tliet minuti l-waħda. Tħallset is-somma komplessiva ta' LM3,750, li magħha tiżdiet il-VAT, għall produzzjoni tax-xandiriet kollha.
Jista' l-Ministru jgħid jekk intlewx il-postijiet vakanti mal-financial intelligence analysis unit? Jekk le, liema imtlew u liema għadhom vakanti? X'rimunerazzjoni qegħda titħallas lill-karigi li imtlew, fosthom tac-chairman?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Board tal-Financial Intelligence Analysis Unit qed jaħdem biex jimtlew il-postijiet ta' Direttur, ta' Analisti u ta' Skrivan. Wara sejħa għal applikazzjonijiet saru l-intervisti għall-mili ta' kariga ta' Direttur u dawk ta' Analisit. Fil-waqt illi l-Bord diġa' identifika persuna għal post ta' Direttur, ma jdumux ma jsiru l-intervisti finali għall-Analisti.
Il-membri tal-Bord, inkluż iċ-Chairman, sa issa għadhom m'humiex jirċievu rimunerazzjoni.
B'riferenza għad-domanda preċedenti tiegħi dwar allegat abbuż tad-dwana minn importatur ta' l-aluminium profile, il-VAT no. tad-ditta konċernata li dwarha wasluli allegazzjonijiet ta' irregolaritajiet qed nibgħatu separatament?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li qed isiru l-investigazzjonijiet dwar il-każ imsemmi u nittama li nkun nista' nirraporta malli jkolli xi tagħrif x'ngħati.
Jista' l-Ministru jgħid jistgħux jittieħdu passi biex min hu responsabbli jiġbor id-debris li qed jakkumula minħabba t-tħaffir tal-pedamenti f'Valley Road, Msida fuq il-proġett li jinsab għaddej minħabba l-inkonvenjent kbir għar-residenti tal-inħawi?
Response (BORG, TONIO)
L-Onor. Interpellant hu mitlub jiċċara għal liema sit ta` żvilupp qed jirreferi. Dan minħabba t-tul estensiv ta` Triq il-Wied, l-Imsida.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk St. Joseph garages f'St. Anthony Str, San Gwann humiex joperaw mingħajr il-permessi meħtieġa? Dan fid-dawl ta' ilmenti tar-residenti li qed jkun hemm inkonvenjent kbir bl-ispray painting minħabba x-xogħol ta' carpentry li qed isir fl-abitat? Nifhem li l-pulizija mill-għassa ta' San Ġiljan żaru dawn il-premises.
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mir-records disponibbli ma jirriżultax illi l-Pulizija tad-Distrett ta` San Ġiljan kellha xi lmenti kif imsemmi mill-Onorevoli Interpellant. Minn spezzjoni li saret mill-Pulizija f`dawn il-garages, li skond ma jien infurmat huma channel drive, instab li hemm garage wieħed li għandu għodda ta` mastrudaxxa. Meta mistoqsi mill-Pulizija, is-sid ta` dan il-garage stqarr li f`dan il-garage huwa jaħdem biss xi għamara għalih stess. Dan jagħmlu bejn il-5.00pm u s-7.00pm u mhux kuljum. Madankollu l-Pulizija ser tkompli ssegwi l-ilment magħmul mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid għalkemm ninsabu eżentati bħalissa, il-gvern studja l-impatt li sħubija sħiħa fl-UE iġġib magħha minħabba l-fatt li malli nissieħbu it-tour operators jkollhom jibdew japplikaw it-tour operators margin scheme, xi 5-17% VAT fuq il-margin tal-btajjel tagħhom għall-Malta? Ma taħsibx li dan ser jolqot f'mod negattiv il-kompetittivita' tagħna?
Response (REFALO, MICHAEL)
Peress li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar, tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jikkonferma li ex-uffiċjal tas-Swiss Air ser jinħatar CEO ta' l-Air Malta? Jekk iva, x'wassal lil Air Malta tingaġġa expatriate għal din il-kariga wara li dan ix-xogħol sar f'mod fejjiedi mill-Maltin sal-lum?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ma naħsibx li la jkun prudenti u lanqas fl-interess tal-kumpanija li f'dan l-istadju tiġi ppubblikata nformazzjoni ta' din ix-xorta.
Jista' l-Ministru jgħid meta bdew it-taħdidiet ma' l-awtoritajiet Taljani dwar il-ħames financial protocol? Ġie stabbilit it-terminu ta' żmien li ser jkopri dan il-protocol? L-ammont tal-protocol diġa' ġie determinat jew għad irid jiġi innegozjat?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-negozjati bejn Malta u l-Italja dwar il-Ħames Protokoll Finanzjarju kienu bdew taħt l-amministrazzjoni preċedenti u qed jitkompla ma' l-amministrazzjoni preżenti.
L-oqsma li ser jiġu nklużi taħt dan il-protokoll, kif ukoll l-ammont u t-tul tiegħu għadhom qed jiġu diskussi.
Jista' l-Ministru jgħid liema kienu l-banek kummerċjali barranin li sal-lum sar kuntatt magħhom dwar investiment propsettiv fil-Bank of Valletta?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li qegħdin fi stadju avanzat f'dan il-proċess u ma' jkunx għaqli li wieħed jiżvela nformazzjoni dwar dan il-proċess.
Billi l-gvern jidher li jrid jagħmel enfasi fuq diversi proġetti viżibbli kif ikkonfermat f'ċirkulari riċenti tas-segretarju permanenti OPM lis-segretarji permanenti, jista' l-Ministru jgħid jekk dawn il-proġetti jinvolvux xi spiża addizzjonali għal dik li hemm fl-estimi 2002 kif ukoll kemm bi ħsiebu l-gvern jonfoq fuq kull proġett?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li meta l-Ministeru tal-Finanzi jalloka l-fondi taħt kull Vot, tkun il-prerogattiva ta' kull Ministeru għal liema skopijiet dawn il-fondi jintużaw. Fil-fatt, dawn jintużaw skond il-commitments li jkun daħal għalihom il-Ministeru rispettiv u skond il-prijoritajiet tiegħu.
Għalhekk, il-programm ta' azzjoni msemmi hu wkoll parti mill-programm tal-Gvern, jifforma parti mill-prijoritajiet ta' kull Ministeru u, bħal ma hu normali, mistenni li jmur oltre minn Diċembru ta' din is-sena.
Jista' l-Ministru jinvestiga b'urġenza rapporti li ħiereġ ħafna ilma minn block 1 tal-bini tal-gvern ta' Triq il-Gżira, tant li bosta residenti fosthom ta' block 1, dr 3, flt 3, ilhom mingħajr is-servizz ta' l-ilma?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li fil-fatt il-ħsara imsemmija issewwiet.
Jista' l-Ministru jinvestiga l-każ tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament li wara li ippruvat tgħaddi bord qalulha biex tmur taħdem minkejja li din il-persuna qatt ma ħadmet f'għomorha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata minnu ser tkun ikkuntattjata dwar il-każ tagħha fil-ġranet li jmiss.
Jista' l-Ministru jgħid l-ETC tistax tinvestiga l-każ tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament li għandha 26 sena li tinsab tirreġistra għax-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jindika x'mistennija tinvestiga l-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ dwar il-persuna ndikata.