Jista' l-Ministru jgħid jekk ġewx ingaġġati nies mal-MIA mindu tħabbar li kien intlaħaq ftehim ta' privatizzazzjoni parzjali mal-consortium li ser jissieħeb mal-kumpanija? Jekk iva, kemm ġew ingaġġati nies, f'liema gradi u kemm minnhom kienu full-time u/jew part-time
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li mis-27 ta' April 2002, data li fiha tħabbar li kien intlaħaq ftehim ta' privatizzazzjoni parzjali mal-consortium li ser jissieħeb mal-kumpanija MIA ġew impjegati fuq bażi full-time żewġ technicians, żewġ Customer Service Assistants, Skrivan u ħames apprentisti.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari nru. 34836 li originarjament saret lil Viċi Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x'inhi r-raġuni li l-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu under separate cover għadha ma ġietx mitluba tgħid jekk tridx taqleb iċ-ċens tad-dar tagħha fil-HE ta' San Gwann għal wieħed perpetwu kif ġew mistoqsija residenti oħrajn fl-istess parti ta' l-Estate?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern, filwaqt li tikkunsidra kull talba lli tirċievi biex ċens temporanju jinqaleb għal wieħed perpetwu, ma tibgħatx għan-nies minn jeddha. Fil-fatt il-każijiet li kien hemm fil-Housing Estate f`San Ġwann fejn iċ-ċens inqaleb għal wieħed perpetwu kienu saru wara talba bil-miktub miċ-ċenswalisti rispettivi. Fil-każ tar-resident li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant jidher li dan qatt ma għamel talba fir-rigward u għalhekk, jekk dan ir-resident huwa interessat li jagħmel hekk, huwa għandu jikteb lit-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jikkonferma kategorikament li ma hemm ebda ksur tad-Data Protection Act fil-mod li bih l-entitajiet li qed jiġbru t-tagħrif dwar it-tax payers għat-Tax Compliance Unit qed jagħmlu xogħolhom?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern għandu d-dmir u l-obbligu li jiġbor informazzjoni minn għand entitajiet skond il-liġijiet eżistenti tal-pajjiż u dan isir fl-interess pubbliku, u l-infurzar kontra l-evażżjoni tat-taxxa hu fl-interess pubbliku.
Nista nikkonferma kategorikament li l-Gvern ser jagħmel ħiltu kollha biex din il-liġi ma tinkisirx.
Jista' l-Ministru jgħid liema huwa dawk l-entitajiet li bħalissa qed jipprovdu lit-Tax Compliance Unit b'tagħrif sabiex jgħinuha tibni sistema ta' data warehousing fuq it-tax payers Maltin u Għawdxin? Hemm xi ħsieb li jiżdiedu inputs minn entitajiet oħrajn fil-ġejjieni qarib? Jekk iva, liema huma dawn l-entitajiet u meta mistenni jsir?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-Tax Compliance Unit bħalissa qed tiġbor informazzjoni fuq taxpayers għas-sistema ta' Data Warehousing tagħha minn dawn l-entitajiet-
1) is-sistema tal-VAT,
2) is-sistema tad-Dwana,
3) is-sistema VERA (Reġistrazzjoni tal-Vetturi),
4) ir-Reġistru tal-Kumpaniji tal-MFSC,
5) il-Common Data Base (Reġistrazzjoni Ċivili).
Għadu kif sar ftehim biex is-sistema tal-Capital Transfer Duty (Kuntratti ta' bejgħ ta' proprjeta) u s-sistema tal-Liċenzji tal-Kummerċ (Trading Licences) ikunu ukoll parti mid-Data Warehouse li qed tiżviluppa it-TCU. Dawn iż-żewġ sistemi ser ikunu attivi fil-ġimgħat li ġejjin.
Huwa maħsub li fil-ġejjini qarib informazzjoni minn entitjaiet oħra tkun inkluża ukoll fid-Data Warehouse. Fost oħrajn dawn huma :
- Is-sistema tad-DAS (informazzjoni fuq kuntratti tal-Gvern) tad-Dipartiment tat-Teżor
- Ir-reġistru tal-Yachts u pleasure boats
- Is-sistema Eureka tar-Reġistru Pubbliku (reġistrazzjoni ta' bejgħ ta' proprjeta' u ipoteki)
- Informazzjoni mill-Awtorita' tal-Ippjanar fuq applikazzjonijiet tal-bini.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li inħarġitilhom card ġdida dan l-aħħar ma jidhrux fir-reġistru elettorali ta' April 2002 fl-istess triq indikata?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ka¿ inghadda lill-Kummissjoni Elettorali ghall-investigazzjonijiet mehtiega. Ghaldaqstant naghti twegiba hekk kif jien inkun infurmat bir-ri¿ultat ta’ dawn l-investigazzjonijiet.
Jista' l-Ministru jgħid jistgħux jittieħdu passi biex ma jibqax ikun hemm flooding fil-parti t'isfel ta' Triq it-Torri, l-Imsida kull meta jkun hemm xi maltempata?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq qed iħejji pjan għall-proġett li jelimina l-għargħar fi Triq il-Wied u Triq Mannarinu u l-Lokalita' msemmija mill-Onor. Interpellant qiegħda mdaħħla wkoll f'dan il-pjan.
Jista' l-Ministru jgħid billi t-traffiku ħiereġ minn Triq it-Torri l-Imsida għal Triq il-Wied, l-Imsida isibha diffiċli ħafna biex jaqsam għall-Main Road, jistgħawx jiġu ikkunsidrati traffic lights fl-inħawi ħalli jiffaċilitaw il-flow tat-traffiku b'anqas periklu għas-sewwieqa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Direttorat għall-Maniġġ tat-traffiku u lid-Direttorat għat-Toroq biex jaraw x'jista' jsir.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34771 u ċioe jista' l-Ministru jgħid għalkemm ninsabu eżentati bħalissa, il-gvern studja l-impatt li sħubija sħiħa fl-UE iġġib magħha minħabba l-fatt li malli nissieħbu it-tour operators jkollhom jibdew japplikaw it-tour operators margin scheme, xi 15-17% VAT fuq il-margin tal-btajjel tagħhom għall-Malta? Ma taħsibx li dan ser jolqot f'mod negattiv il-kompetittivita' tagħna?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għadha ma waslitx l-informazzjoni kollha relattiva biex tkun tista’ tingħata tweġiba.
B'referenza għal mistoqsija parlamentari nru. 34634, ninforma lill-Ministru li qed nirreferi għad-djar li twaqqgħu faċċata ta' fejn inbnew il-housing units il-ġodda fl-Imsida.
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Awtorita` qeghda f`kuntatti ma` l-izviluppatur sabiex jittiehdu il-passi rimedjali u immedjati halli jinzamm is-sid nadif minn debris u materjal iehor ta` bini. Barra minnhekk l-Awtorita` ser tesigi ma` min huwa responsabbli sabiex is-sit tal-progett jigi mdawwar b`hoarding adekwat skond kif imponut fil-kundizzjonijiet tal-permess.
Jista' l-Ministru jgħid fid-dawl ta' dak li qed iseħħ fid-dinja ta' madwarna, il-Gvern Malti beħsiebu jieħu xi passi dwar il-corporate fraud u/jew corporate abuse ?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li kif jaf sew, fl-1995 il-gvern ħa ħsieb li jgħaddi liġi ġdida u sostanzjali dwar il-kumpanniji, li fost ħwejjeġ oħra, introduċiet miżuri ġodda u pieni ħorox kontra diversi reati u aġir illeġittimu da parti tal-amministraturi tas-soċjetajiet u l-awdituri tagħhom. Ħafna minn dawk il-miżuri kienu ibbażati fuq il-provedimenti tal-liġi ingliża u fl-opinjoni tal-gvern huma suffiċjenti u adatti sabiex jipprovdu qafas kontra dan it-tip ta aġir.
Din il-liġi ser tkompli tissaħħaħ permezz ta diversi emendi li biħsiebu iressaq quddiem din il-Kamra fix-xhur li ġejjin.
Barra minn dan ninsab ċert li l-Accountancy Board qiegħed attent jissorvelja l-iżviluppi msemmija fid-domanda u qieghed iħejju liġi ġdida li għandha tipprovdi għal rijorganizazzjoni tal-professjoni tal-accountancy biex tissaħħah il-professjonalita u s-sorveljanza.
Ngħid ukoll li f’Ottubru ta’ l-2001, il-Borża ta’ Malta ħarġet Kodiċi ta’ Prinċipji li jittrattaw dwar il-“Corporate Governance” applikabbli għall-kumpaniji kkwotati.
Dawn il-prinċipji jirrepetu u jispjegaw il-prinċipji bażiċi nklużi fil-liġi dwar il-kumpaniji w ikomplu jżidu fuq dawn il-prinċipji bażiċi ta’ liġi biex kumpaniji kkwotati jilħqu livell għoli fit-tmexxija tagħhom, ibbażata fuq trasparenza li x-shareholders kollha u l-partijiet interessati jkunu ttrattati bl-istess mod, u fuq kollox, fuq “accountability”.
Dawn il-Prinċipji huma mfasslin biex jinkoraġġixxu lill-kumpaniji kkwotati biex :
· jipprovdu tmexxija fejn ikun hemm “accountability” lejn ix-shareholders
· ikun hemm trasparenza fit-transazzjonijiet kollha li jinvolvu il-Board tad-Diretturi; direttur individwali; senior managers u uffiċċjali oħra tal-kumpanija f’posizzjoni ta’ fiduċja; u
· jipproteġu lix-shareholders minn abbuż potenzjali minn dawk li għandhom f’idejhom it-tmexxija tal-kumpanija.
Jista' l-Ministru jgħid billi sa tmiem ix-xahar li għadda kellha titwaqqaf il-merger bejn il-METCO, l-MDC, u l-IPSE fost oħrajn tistgħax tgħid jekk din il-fusion saritx? Jekk le, għaliex? X'inhi l-policy tal-gvern, li jħott xi ftit mill-istrutturi preżenti sabiex jevita dupplikazzjoni ta' xogħol, jew inkella jżomm l-istrutturi kollha eżistenti, u joħloq filata ġdida biex tikkordina l-ħidma ta' dawn il-korporazzjonijiet u entitajiet?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-ħsieb dikjarat tal-Gvern huwa dak li l-funzjonijiet, li fil-preżent huma responsabbli għalihom l-MDC, il-METCO u l-IPSE, jiġu inkorporati f'entita' waħda bl-isem ta' l-Enterprise Malta. Qatt ma kien intiż li din l-entita' ġdida titwaqqaf qabel l-aħħar xhur tas-sena, wisq anqas sa l-aħħar ta' Ġunju.
Il-ħolqien ta' l-Enterprise Malta huwa maħsub ukoll biex jiġi evitat duplikazzjoni ta' riżorsi fejn dan diġa' jeżisti. Madanakollu, qabel kull kunsiderazzjoni oħra, l-għan ewlieni huwa dak li jiġu integrati flimkien numru ta' attivitajiet li kollha għandhom x'jaqsmu ma' l-iżvilupp industrijali f'pajjiżna u hekk din il-funzjoni kruċjali tiġi koperta b'mod aktar effettiv.
Għalhekk mhux daqstant kwistjoni li l-istrutturi preżenti jinżammu jew jinħattu, iżda li jiġu integrati fi struttura ġdida, struttura attwali li tkun fl-aħjar qagħda possibbli sabiex tindirizza r-rejaltajiet ta' llum.
Jista' l-Ministru jgħid tistax titkompla titwaqqa' l-kamra antika li parti minnha diġa' hi mwaqqgħa li hemm kantuniera f'St. Venera Road, Msida ma' Valley Road, Msida minħabba li din qed tispiċċa bħala rubbish dump għall-inkonvenjent tar-residenti ta' l-inħawi?
Jista' l-Ministru jgħid billi l-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament ġiet notifikata mill-planning authority li l-fond li qed tgħix fih jinsab għat-twaqqiegħ tistgħax tgħid jekk dawn humiex ser jingħataw akkommodazzjoni alternattiva xierqa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali għandu d-dmir joffri akkomodazzjoni alternattiva f'kull każ meta xi inkwilin jinħareġ minn daru għal proġett tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jgħid hemmx xi ħsieb li Triq it-Torri, l-Msida li illum tinsab maqsuma fi tnejn, dawn iż-żewġ partijiiet tat-triq jiġu linked flimkien permezz ta' xi fly-over minħabba l-inkonvenjenza kbira u l-periku li r-residenti għandhom biex imorru minn parti għall-oħra tat-triq u f'każ ta' emerġenza qed jkun diffiċli biex dawn ir-residenti joħorġu mill-parti li joqogħdu fiha?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tajt struzzjonijiet lid-Direttorat għat-Toroq biex jikkunsidra s-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid jistgħux jitneħħa l-arblu tal-Maltacom li mhux qed jintuża u jitwaħħal arblu tad-dawl ħalli jipprovdi servizz ta' bozza qrib ir-residenza Delmar Edelweiss, Triq it-Torri, l-Imsida minħabba l-inkonvenjent li jeżisti bħalissa?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-arblu tal-Maltacom li qed issir riferenza għalih qed jintuża. Miegħu hemm imqabbdin diversi cables tat-telefon u ġonot. Dawn il-cables kellhom jinqalgħu minn mal-faċċati tad-djar u jitwaħħlu temporanjament ma' dan l-arblu minħabba li qed isir xogħol ta' bini.
Għaldaqstant jekk jitwaħħal arblu tad-dawl ħdejn l-arblu tal-Maltacom, il-cables tat-telefon u l-ġonot li hemm fuq l-arblu tal-Maltacom ikunu jistgħu jitwaħħlu ma' l-arblu tad-dawl. Wara, l-arblu tal-Maltacom ikun jista' jitneħħa.
Sadanittant it-talba ġiet riferuta wkoll lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra simili.
Jista' l-Ministru jgħid hemmx xi ċans li l-health clinic li hemm San Gwann annessa mal-għassa tal-pulizija titkabbar minħabba li ma hemmx privatezza adegwata u lanqas waiting area xierqa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-proposta ta` l-Onor. Interpellant diġa` ġiet mistħarrġa mid-Dipartiment tal-Kura Primarja u fil-preżent jidher li ma hux possibbli li l-Berġa ta` San Ġwann titkabbar.
Jista' l-Ministru jgħid minħabba x-sharp bend li hemm fi Triq Gjacinti, San Gwann, jista' t-traffiku joħroġ flok jidħol mill-parti ta' fuq tat-triq? Jistgħu jittieħdu passi biex il-karozzi tal-linja ma jibqgħux jgħaddu minn din it-triq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lill-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta biex tara x'jista' jsir.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-billing system il-ġdida tal-Maltacom għada mhix taħdem sew, kif suppost?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li kuntrarjament għal dak li qed jingħad fil-mistoqsija, il-Billing System il-ġdida fil-fatt qed taħdem u l-kontijiet qed joħorġu kif ippjanat. Kif kien ippjanat ukoll, qed jiġu implimentati modules ġodda. Hu maħsub li s-sistema tintuża wkoll f'setturi oħra tal-Maltacom Group.