Jista' il-Ministru jgħid billi fil-white paper dwar il-privatizazzjoni kienet issemmiet il-possibilita' tal-privatizazzjoni tal-Libjan Arab Maltese Holding Company tista' tgħid xi progress sar f'dan ir-rigward mill-1999 'l hawn?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li għalissa din il-privatizazzjoni mhux qiegħda tiġi kkunsidrata.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-bank ċentrali qed iżommx l-istess tbassir dwar ir-rata ta' tkabbir ta' l-ekonomija Maltija li issemmiet fir-rapport annwali tal-bank jew huwiex il-każ li minn dak iż-żmien 'l hawn din ġiet riveduta 'l isfel?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li jekk jikkonsulta r-rivista ta’ kull tliet xhur tal-Bank Ċentrali ta’ Ġunju 2002 (paġna 6) għandu jsib li t-tbassir tal-Bank dwar ir-rata ta’ tkabbir ta’ l-ekonomija Maltija ma ġietx riveduta ‘l isfel iżda baqgħet l-istess bħal dik li ngħatat fir-rapport annwali tal-Bank, jiġifieri bejn 2.5% u 3%. Minn meta ħarġet ir-rivista mbagħad, saru magħrufa estimi riveduti għall-infieq kapitali tal-Gvern u dan wassal sabiex issa qed titbassar rata ta’ tkabbir għas-sena 2002 li tista’ tilħaq it-3.3%. Wieħed ma’ jridx jinsa pero’ li fil-klima ta’ inċertezza li fiha tinstab l-ekonomija globali bħalissa, it-tbassir ekonomiku huwa eżerċizzju diffiċli ħafna. Għalhekk, kemm fil-fatt tikber l-ekonomija Maltija sa l-aħħar ta’ din is-sena jiddependi mhux ftit fuq kif u meta jirpiljaw il-pajjiżi li magħhom nagħmlu l-kummerċ.
Jista' il-Ministru jgħid sarux xi studji mill-gvern Malti, il-bank ċentrali jew l-MFSC dwar il-european savings tax directive? Jekk iva, tista' tagħti aktar tagħrif dwar dan?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-european savings tax directive li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant għadha biss proposta tal-Kummissjoni għal direttiva li tista' tinbidel sakemm issir direttiva. Għalhekk f'dan l-istadju l-Gvern Malti qed josserva l-iżviluppi li qed ikun hemm dwar din il-proposta għal direttiva u meta jkun il-waqt jieħu dawk il-passi li jkun hemm bżonn f'dan ir-rigward.
Jista' il-Ministru jgħid kemm telgħet in-nefqa totali - inklużi passaġġi ta' l-ajru - fuq id-delegazzjoni li inti mexxejt fl-Afrika t'isfel in konnessjoni mal-world summit for sustainable development?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-parti tan-nefqa tad-delegazzjoni mħallsa mill-Ministeru għall-Politika Soċjali li kienet tkopri l-ispejjeż taż-żjara tiegħi u s-segretarju privat tiegħi fil-World Summit for Sustainable Development li nżammet is-South Africa kienet ta' Lm2,348.47. Dwar l-ispiża tal-kumplament tad-delegazzjoni Maltija li kienet immexxija mis-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent mitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid jistgħax jagħti d-dettalji tal-kuntratt tac-CEO il-ġdid tal-Air Malta? Jista' jqiegħed kopja tal-kuntratt fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BONNICI, JOSEF)
Is-salarju mħallas mill-Air Malta liċ-Chief Executive Officer huwa ta' sittin elf lira fis-sena, li prattikament huwa l-istess bħal dak taċ-Chief Executive tat-Tarzna ta' Bormla kif intqal fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 25901. Tajjeb jingħad li l-Gvern preċedenti kien impjega żewġ Chief Executives barranin fit-Tarzna ta' Bormla. Bħal ma sar fil-każ taż-żewġ Chief Executives barranin tat-Tarzna, f'dan il-każ hemm performance allowance kif ukoll xi allowances li għandhom x'jaqsmu ma' rilokazzjoni u abitazzjoni. Dawn it-tip ta' allowances huma normali li jkunu inklużi fil-pakkett tar-remunerazzjoni meta l-ingaġġ isir mis-suq internazzjonali.
Tajjeb jingħad li ċ-Chief Executive Officer ta' l-Air Malta għandu wkoll responsabbilta' fil-kumpanija Azzurrair. Infatti huwa ser jokkupa l-kariga ta' Deputat Chairman. Għal din il-kariga huwa ser jirċievi remunerazzjoni li hija sinifikament anqas minn dik li ser jirċievi mingħand l-Air Malta. Peress li l-Azzurrair topera mis-suq Taljan għal swieq kemm fl-Ewropa kif ukoll barra, kif ukoll peress li għandha shareholders privati, ma naħsibx li jkun fl-interess kummerċjali ta' l-istess kumpanija li nagħti aktar dettalji.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li qatt ma ġiet offruta xogħol xieraq mill-ETC minkejja li ilha tirreġistra żmien twil?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li fil-25 ta' Ġunju 2002, il-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet imsejħa għal intervista ma' l-employment advisor tagħha fil-Korporazzjoni għat-Taħriġ u x-Xogħol iżda ma setgħetx tattendi peress li kienet qed issegwi kors fil-literacy, provdut mill-Korporazzjoni. Dan il-kors beda fil-11 ta' Frar 2002 u mistenni jispiċċa fl-20 ta' Awissu 2002.
Jista' l-Ministru jikkonferma rapporti li l-WSC qiegħda tikkunsidra li tagħti x-xogħol tal-meter reading lill-privat?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li bħalissa kemm il-Korporazzjni għas-Servizzi ta' l-Ilma kif ukoll il-Korporazzjoni Enemalta għandhom diskussjonijiet għaddejjin sabiex jaraw jekk jistgħux jimplimentaw sistema aktar moderna u aktar effiċjenti għall-qari ta' l-arloġġi. F'dan l-istadju qed tiġi kkunsidrata l-introduzzjoni ta' teknoloġija aktar moderna biex il-qari ta' l-arloġġi isir b'mod aktar effettiv biex b'hekk jitjieb is-servizz mogħti miż-żewġ Korporazzjonijiet.
Jista' l-Ministru jgħid tistax tiġi kkunsidrata t-talba ta' l-iskrivana mal-WSC li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament biex tiġi ttrasferita mill-uffiċċju ta' Ħal Luqa għall-Belt għall-raġunijiet familjari?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferita lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma li min-naħa tagħha qed tikkunsidrha.
Jista' l-Ministru jikkonferma rapporti li f'garage li hemm taħt blokk fil-Gżira (l-indirizz qed jintbagħat separatament) li tidħol għalih minn Bouverie Str, Gżira qed isir xogħol ta' spray mingħajr permess?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi dan l-ilment qed ikun investigat mill-Pulizija.
Jista' l-Ministru jgħid tistax tissewwa dik il-ħofra kbira li hemm f'nofs Rue D'Argens, Gżira, quddiem l-ex garage ta' Gasan Motors fl-istess triq minnħabba l-periklu li qegħda tikkawża għas-sewwieqa u pedestrians?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq diġa ħa l-passi neċessarji biex isir il-patching li kien hemm bżonn isir fi Triq Rue D'Argens, Gżira.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk l-isprall li hemm quddiem ir-residenza li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament sarx bil-permess tal-MEPA jew le, minħabba l-inkonvenjent li dan qed ikun għan-nies li jgħaddu fuq il-bankina kif ukoll li jkunu deħlin u ħerġin minn din ir-residenza?
Response (BORG, TONIO)
Għalkemm qatt ma saret talba lill-Awtorita` ta` l-Ippjanar, ninsab infurmat illi fl-1994 is-sid tal-garaxx ta` fejn sar l-isprall kien ottjena xi permessi neċessarji mingħand id-Dipartiment tat-Toroq skond numru tal-permess 1029/94/0766 maħruġ fil-18/10/94. Infurmat ukoll illi x-xogħol li sar kien approvat ukoll mill-Kunsill Lokali tal-Gżira.
Jista' il-Ministru jgħid x'kienet ir-reazzjoni tal-gvern Malti għall-interess li wrer l-awtoritajiet Libjani li jkollhom bank f'Malta? Wrer xi interess fil-Bank of Valletta?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ma naħsibx li hu għaqli li nirrejaġixxi għal spekulazjonijiet bħal dawn.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari nru. 34833 u cioe jista' l-Ministru jgħid jekk il-Maltapost tistax tagħti assigurazzjoni li mhix se jkollha redundancies? X'kien l-eżitu tal-kwestjonarju Maltapost future directions fejn ġie propost lill-ħaddiema tibdil li ser jolqot direttament is-social life patterns tagħhom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Bħal kull entita' oħra li għandha aktar ħaddiema milli hemm bżonn għax-xogħol li għandha, il-Maltapost qed tfittex xogħol ġdid biex tikber u jkollha xogħol għall-ħaddiema tagħha.
Għaldaqstant tfassal business plan li mistenni jitressaq quddiem il-Bord tad-Diretturi dalwaqt.
Ir-riżultat tal-kwestjonarju jittieħed in konsiderazzjoni fit-tibdil meħtieġ.
B'referenza għall-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tista' tiġi ikkunsidrata għall-xogħol xieraq għall-persuni bi bżonnijiet speċjali? Il-history tagħha huwa available on file.
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ma tirriżultax li hi reġistrata bħala disabled mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ.
Jista' l-Ministru jgħid kemm applikaw nies fl-Enemalta għall-vacancy ta' STOs? Kemm kien hemm postijiet vakanti? X'wassal biex din l-applikazzjoni twaqqgħet? Huwa minnu li din id-darba spiċċaw kien hemm aktar applikanti mis-soltu għax ma kienx hemm insistenza fuq l-HDT certificate? Meta mistennija joħorġu applikazzjonijiet ġodda għall-dawn il-postijiet? Din id-darba l-Korporazzjoni biħsiebha tinsisti fuq ċertifikat tal-HTD?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li matul dawn l-aħħar xhur il-Korporazzjoni Enemalta ma ħarġitx applikazzjonijiet għal mili ta' postijiet fil-grad ta' Senior Technical Officer.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ħaddiem li jagħmel xogħol ta' maintenance f'lukanda huwa intitolat għall-paga doppja meta jiddaħħal xogħol bis-shift nhar ta' Ħadd?
Response (GONZI, LAWRENCE)
A bażi tal-paragrafu 5 ta' l-Avviż Legali 43/90, kull ħaddiem fuq xogħol ta' maintenance f'lukanda huwa ntitolat għal sahra bir-rata ta' ħlas doppju, għall-ħin kollu li jaħdem fil-Ħdud. Ir-Regolament ma jagħmel l-ebda distinzjoni għall-xogħol li jkun fuq sistema ta' shift.
Jista' l-Ministru jgħid f'hiex waslu l-ilmenti mal-pulizija tal-familja mill-Gżira li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u residenti oħrajn ta' l-inħawi dwar il-fatt li hawker tal-pitrolju qrib tagħhom qed juża l-premises tiegħu bħala loading area għall-ħinijiet eċċessivi tal-ġurnata, kif ukoll li jbiegħ il-pitrolju minn ġo l-abitat matul il-ġimgħa kollha, bil-ħdud b'kollox? Dan mhux ta' sogru kbir għar-residenti tal-inħawi li qed ikun hemm ħażna kbira ta' pitrolju fl-abitat f'din it-triq partikolari?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-ipparkjar quddiem il-fond li rrefera għalih l-Onorevoli Interpellant huwa għat-tgħabija bejn is-7.00am u l-11.00am u bejn is-1.00pm u 5.00pm mit-Tnejn sas-Sibt. Dan l-istess fond huwa kopert b`liċenzja għal ħażna ta` pitrolju. Infurmat ukoll illi l-Pulizija ser tkompli issegwi dan l-ilment sabiex ma jkunx hemm ksur tal-liġi.
Jista' l-Ministru jgħid kif jipparagunaw il-figuri tal-finanzi pubbliċi għall-ewwel ħames xhur tas-sena mal-projected figures tal-Ministeru tiegħu.
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li dan il-paragun diġa' sar b'mod dettaljat ħafna, proprju bil-figuri Jannar/Mejju 2002 paragunati ma' l-istimi għas-sena kollha, kemm fil-Gazzetta tal-Gvern tat-28 ta' Ġunju 2002 kif ukoll bil-kummentarju maħruġ mill-Uffiċċju ta' l-Istatistika, immedjatament wara.
Nerġansostni li dawn il-paraguni jistgħu jagħtu stampa ħażina billi d-dħul u l-ħruġ tal-Gvern m'humiex konsistenti xahar b'xahar u billi l-Gvern għadu jikkontja fuq bażi ta' cash flow.
Jista' l-Ministru jikkonferma li billi ma kien hemm l-ebda żidiet fil-pagi ikkontemplati fil-kontro-proposti li ntbagħtu lill-unions għall-ftehim kollettiv ta' tliet snin minn Jannar 2002, ifissirx li l-Gvern qed jirrikorri għall-wage freeze li tant ikkritika fl-imgħoddi?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-pożizjoni tal-Gvern dwar il-ftehim hu pubbliku u jafu kullħadd, wara iż-żidiet li ngħataw dan l-aħħar u li tant ġew kritikati mill-oppożizjoni, l-Gvern isostni li m'hemmx lok għal żidiet f'dan il-collective agreement.
L-oppożizzjoni trid tiddeċidi l-pożizjonji tagħha u ma tibqgħax tgħix fil-konfużjoni tal-popolariżmu, li tikritika l-Gvern meta jgħati ż-żidiet u tikritika l-Gvern meta jgħid li mhux ser jgħati żidiet.