Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sliema — Housing

Question

B'riferenza għall-mistoqsija preċedenti dwar il-każ ta' housing tal-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk dan il-każ urġenti ta' housing huwiex qed jingħata l-kunsiderazzjoni xierqa mill-awtoritajiet kompetenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jiena nfurmat illi l-każ qed ikun ikkunsidrat.
Leg 9 PQ #35500 Sitting 790 2002-09-24 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Pjan Nazzjonali ta' Żvilupp — MCESD

Question

Jista' il-Ministru jgħidilna x'timeframes għandu l-gvern għat-tħejjija u l-ippubblikar tal-pjan nazzjonali ta' żvilupp? X'rwol ser ikollu l-MCESD f'dan kollu?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-Onorevoli Interpellant japprezza li t-tfassil ta' Pjan Nazzjonali ta' Żvilupp irid isir b'għaqal u galbu biex jiġi żgurat li l-għajnuna finanzjarja li Malta tkun eliġibbli għaliha bħala parti integrali mill-ftehim li jirregola d-dħul eventwali tal-pajjiż fl-Unjoni Ewropea tintuża bl-aktar mod effettiv. Il-Pjan Nazzjonali jkun jista' jiġi finalizzat wara li jkun ġie diskuss fl-MCESD. Huwa mistenni li l-Pjan ikun lest fi ftit xhur oħra.
Leg 9 PQ #35475 Sitting 789 2002-09-24 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Taxxa

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk huwiex ġust li persuni akkomodati fi djar ta’ l-anzjani tal-gvern ikunu suġġetti għall-ħlas tat-taxxa anke fuq dak li jikkontribwixxu lill-welfare fund tad-dar li jkunu jagħmmru fiha?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-artikolu 26 ta’ l-Att dwar it-Taxxa jipprojbixxi deduzzjonijiet li jkunu, fost l-oħrajn, ta’ natura domestika jew privata jew spejjeż li ma jkunux saru għal kollox u biss għall-produzzjoni ta’ l-income. Għalhekk il-kontribuzzjonijiet magħmulin lill-welfare fund minn persuna li tirrisjedi f’dar ta’ l-anzjani tal-gvern ma jistgħux jingħataw bħala deduzzjoni mill-income. Ta’ min wieħed jgħid li dawn il-kontribuzzjonijiet huma spiża privata daqskemm hija privata l-ispiża li jkollha tagħmel persuna li tibqa’ tgħix fid-dar tagħha. Għal din ir-raġuni mhux biss huwa ġust li dawn il-kontribuzzjonijiet ma jingħatawx bħala tnaqqis imma, għall-kuntrarju, ma kienx ikun ġust kieku persuni li jirrisjedu f’dar ta’ l-anzjani jkollhom deduzzjonijiet filwaqt li dawk li jgħixu f’darhom ma tingħatalhomx id-deduzzjoni.
Leg 9 PQ #35476 Sitting 789 2002-09-24 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Air Malta

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x’passi ħadet jew se tieħu l-Air Malta dwar impjegat fuq il-kotba tagħha akkużat bil-pedufilja?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Carer — Gżira

Question

B'riferenza għall-mistoqsija 34320 datata 26.06.02 dwar il-persuna li d-dettalji qed jintbagħtu separatament fejn kienet saret talba għas-servizzi ta' carer biex tgħina taħsel il-premises li tgħammar fihom, tistax tinvestiga dan il-każ billi minkejja li applikat fil-pront għas-servizz, dan għadu sal-lum ma ingħatalhiex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna li d-dettalji ntbagħtu separatament sarilha l-assessment fit-18 ta' Lulju 2002 jiġifieri ġimgħa wara li applikat. Il-Bord tal-Allokazzjoni tas-Servizz ittratta l-każ fit-30 ta' Lulju u ġew approvati sagħtejn fil-ġimgħa. Billi ma kien hemm ebda Casual Social Assistants available biex jagħtu servizz lil din l-anzjana, qegħdin jittieħdu l-passi kollha neċessarji biex dan is-servizz jibda jingħata kemm jista' jkun malajr.
Leg 9 PQ #35328 Sitting 788 2002-09-23 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Safar — Nefqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa l-mawra riċenti tiegħek fl-Awstralja u New Zealand?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qieghda tingabar u tinghata twegiba f’xi seduta ohra.

Housing

Question

Meta fond rekwiżizzjonat mill-housing ikun se jinbiegħ mis-sid lill-inkwilin, jista’ l-Viċi Prim Ministru jgħid x’inhi l-proċedura dwar ħruġ ta’ de requisition u kemm normalment idum il-proċess mindu jsir il-bejgħ? Min se jixtri jkun irid jippreżenta wkoll kopja tal-konvenju jew sempliċement kopja tal-kuntratt?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jiena infurmat illi meta l-inkwilin ta' post rekwiżizzjonat ikun jixtieq jixtrih, hu għandu jitlob il-permess tad-Dipartiment. Wara li dan jingħata u jsir il-kuntratt, id-Dipartiment jinvestiga l-inkwilin għadux joqghod fil-post u jneħħi r-rekwiżizzjoni.
Leg 9 PQ #35411 Sitting 788 2002-09-23 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

World Summit

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb parti mill-mistoqsija 35204 li tikkonċerna l-ministeru tiegħek, jista' jgħid kemm telgħet in-nefqa totali - inklużi passaġġi ta' l-ajru - fuq id-delegazzjoni li inti mexxejt fl-Afrika t'isfel in konnessjoni mal-world summit for sustainable development?

Response (BORG, TONIO)

Il-parti tan-nefqa tad-delegazzjoni mħallsa mill-Ministeru għall-Intern u l-Ambjent għal World Summit for Sustainable Development li nżammet fl-Afrika t`Isfel kienet ta` Lm13,997.42. Dan l-ammont ikopri l-ispejjeż taż-żjara tas-Segretarju Parlamentari, is-segretarju privat tiegħu, żewġ uffiċjali tal-ministeru, uffiċjal mill-MEPA, konsulent tal-ministeru, uffiċjal tal-Ministeru ta` l-Affarijiet Barranin u rappreżentant mill-Għaqdiet Mhux Governattivi. L-ispiża tkopri l-passaġġ u l-akkomodazzjoni tar-rappreżentant mill-Għaqdiet Mhux Governattivi. Kull delegazzjoni kienet mitluba li tinkludi tali rappreżentant.
Leg 9 PQ #35469 Sitting 788 2002-09-23 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Fringe Benefits

Question

Issa li ilha fis-seħħ għal xi żmien il-Fringe Benefits Tax, jista` il-Ministru jgħid kif ħadmet fil-prattika kif ukoll jekk il-gvern huwiex sodisfatt bil-livell ta’ compliance milħuq?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li m'għandi xejn x'inżid mar-risposta li tajt fil-mistoqsija parlamentari nru. 31913 f'seduta 709.
Leg 9 PQ #34851 Sitting 787 2002-09-18 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Reġistru Elettorali — Msida

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li inħarġitilhom card ġdida dan l-aħħar ma jidhrux fir-reġistru elettorali ta' April 2002 fl-istess triq indikata?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Il-familja indikata tidher fir-Registru Elettorali ta’ April 2002 fi Triq Sant’ Andrija, Msida, wara li parti mit-Triq it-Torri nghatat l-isem gdid ta’ Triq Sant’ Andrija. Il-karta ta’ l-identita` l-gdida inharget kif suppost fuq Triq it-Torri, Msida, wara li f’Mejju 2002 ngibdet l-attenzjoni ta’ l-Ufficcju Elettorali waqt it-tigdid tal-karti ta’ l-identita` fl-iskola ta’ l-Imsida. Fir-Registru Elettorali li jmissu jkun ippubblikat f’Ottubru li gej, din il-familja ser tidher fi Triq it-Torri, Msida, sakemm ma ssirx xi applikazzjoni ghal xi tibdil ta’ l-indirizz sat-30 ta’ Settembru 2002.
Leg 9 PQ #35283 Sitting 786 2002-09-18 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

San Gwann — Artijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid ta' min hu t-titlu ta' l-art li hemm annessa mal-ground tal-football ta' San Gwann?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li biswit il-ground tal-futbol ta` San Ġwann hemm żewġ biċċiet art li huma tal-Gvern, waħda fuq in-naħa ta` Misraħ Ċentawrja, li hija mogħtija bi qbiela lil individwu u l-oħra fuq in-naħa ta` Vjal ir-Rihan u li hija riservata bħala estensjoni għall-iskola primarja ta` San Ġwann.
Leg 9 PQ #35284 Sitting 786 2002-09-18 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Football Clubs

Question

Jista' il-Ministru jgħid jistgħax il-gvern jikkunsidra bħala għajnuna għall-clubs tal-football: a) duty free exemption fuq importazzjoni ta' sythetic turf b) sussidju fuq id-dawl u l-ilma tal-pitches tal-football c) il-ħruġ ta' garanzija għall-banek kummerċjali Maltin biex jiffaċilta' self mill-clubs tal-football?

Response (DALLI, JOHN)

Qiegħed ngħaddi dawn il-kummenti lill-Ministeru tal-Edukazzjoni, Kultura u Sport għall-konsiderazzjoni fil-kuntest tal-politika proattiva li għandu l-Gvern biex jinċentiva l-isports. Pjan effettiv ma jsirx bil-pezzi bukkuni imma bi pjan koordinat u koerenti kif qed jiġi. Tajjeb wieħed ikun jaf jekk, meta l-Onorevoli Membru kien Ministru tal-Finanzi ftit ilu, hu ħasibx fuq dawn l-affarijiet. Jew forsi mill-oppożizjoni kollox jidher aktar faċli.
Leg 9 PQ #35206 Sitting 785 2002-09-17 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Gvern Malti

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern Malti vis a vis l-Iraq fid-dawl ta' l-iżviluppi ta' dan l-aħħar?

Response (BORG, JOE)

Il-Gvern Malti qed isegwi mill-qrib u b'attenzjoni s-sitwazzjoni kif qed tiżviluppa dwar l-Iraq u l-pożizzjoni li qed jieħdu ċerti pajjiżi fil-konfront ta' din is-sitwazzjoni. Il-Gvern Malti itenni li l-aħjar meżżi ta' soluzzjoni huma dawk paċifiċi, diplomatiċi u ta' djalogu u jsostni l-pożizzjoni tal-Ġnus Magħquda li l-Iraq għandu jirrispetta r-rieda tal-komunita' internazzjonali li l-ispetturi tal-Ġnus Magħquda għandhom jitħallew jagħmlu xogħolhom mingħajr kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet skond ir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill ta' Sigurta' tal-Ġnus Magħquda.
Leg 9 PQ #35207 Sitting 785 2002-09-17 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Bank Ċentrali

Question

Jista' il-Ministru jgħid huwiex minnu li l-bank ċentrali għandu pjani biex iqabbad konsulent barrani ġdid? Jekk iva, f'liema dipartiment mistenni jsir dan?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li huwa nformat tajjeb. Bi sħab mal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u taħt il-programm ta’ assistenza teknika ta’ l-istess FMI, il-Bank Ċentrali se jingaġġa lil Dr Alexander Markowski bħala konsulent ekonomiku għal perjodu ta’ sena minn Ottubru 2002. Dr Markowski għandu kapaċitajiet akademiċi qawwija fl-ekonomija u l-ekonometrika u ħadem b’mod prattiku għal ħafna snin fuq dan ix-xogħol. Hu għandu wkoll esperjenza vasta tal-ekonomija Maltija peress li f’dawn l-aħħar għaxar snin ġie Malta kemm-il darba sabiex jagħti pariri lil Bank taħt assistenza teknika pprovduta mill-FMI. Fil-fatt il-kontribut tiegħu kien determinanti għall-iżvilupp tal-mudell ekonometriku tal-Bank. F’dan l-istess kuntest huwa mistenni li Dr Markowski issa jaħdem flimkien ma’ uffiċjali fid-Dipartiment tal-Ekonomija tal-Bank fuq revizjoni u tibdil fil-mudell ekonometriku tal-Bank. Se jagħti wkoll pariri fuq metodi oħra kif jista’ jsir tbassir ekonomiku għal perjodi qosra jew medji. Barra minn hekk ikun mistenni li jagħti pariri fuq aspetti relatati mar-responsabiltajiet li għandu l-Bank fil-qasam tal-politika monetarja. Peress li l-Bank diġa rċieva ħafna assistenza teknika mingħand il-FMI (kif diġa’ ntqal aktar ‘il fuq, il-FMI kien ħallas l-ispejjeż kollha sabiex dan l-istess espert serva ta’ konsulent għal għaxar snin), din id-darba l-ispejjeż tal-konsulenza bejn wieħed u ieħor se jinqasmu bejn il-Bank Ċentrali u l-FMI.
Leg 9 PQ #35252 Sitting 785 2002-09-17 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Dipartiment ta' l-Artijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid tistax tikkonferma dak li r-residenti ta' Qratas Str, Swieqi/l-Ibraġġ saru jafu mill-Ministeru tat-Trasport li t-triq ma tistax tiġi asfaltata għaliex għadha ma ġietx esproprijata mill-Gvern? Jekk iva, fiex wasal il-proċess ta' esproprijazzjoni u meta mistenni li jiġi konkluż?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi id-Dipartiment tal-Artijiet ma għandu l-ebda talba għall-esproprjazzjoni ta` Triq il-Qratas, Swieqi/Ibraġġ.
Leg 9 PQ #35278 Sitting 785 2002-09-17 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Maltapost

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kienet ir-reazzjoni tal-Maltapost għat-talba formali li saritilha minn għadd ta' ħaddiema dwar bdil ta' ħinijiet tax-xogħol bid-data tas-26.07.2002?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li t-tibdil tal-ħinijiet tax-xogħol fil-Maltapost qed ikun diskuss ma' l-unions ikkonċernati.

San Gwann — Drenaġġ

Question

B'riferenza għall-mistoqsija 34313 ta' 20.06.2002 fejn kont ġejt mgħarraf li kellhom jittieħdu passi biex jiġi istallat is-servizz tad-drenaġġ għall-familja li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, billi is-sitwazzjoni baqgħet l-istess minn dak iż-żmien 'il hawn, jista' il-Ministru jgħid tistgħax tingħata priorita' lil din it-talba ġusta?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-'easement' għal dan ix-xogħol qiegħed fi stat avvanzat għaliex bħala Dipartiment, diġa' tħallsu l-'professional fees' lil-Land Department. Għaldaqstant għandha tiġi ppubblikata dalwaqt. It-tender ġiet ippreparata u tkun ippubblikata wara li jkun hemm il-permessi msemmija sabiex id-Dipartiment ikun jista' jidħol fi propjeta privata.
Leg 9 PQ #35281 Sitting 785 2002-09-17 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kummissjoni Elettorali

Question

B'riferenza għall-mistoqsija preċedenti fejn kont ġbidt l-attenzjoni li xi residenti fi Triq San Gwann tal-Għargħar, San Gwann, qegħdin imniżżlin fir-reġistru elettorali bħala residenti ta' l-Imsida, tista' tgħid x'passi ittieħdu mill-kummissjoni elettorali dwar dan?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li Triq San Gwann tal-Gharghar hija maqsuma fuq zewg lokalitajiet, jigifieri fuq San Gwann u Msida, it-tnejn fid-disa’ distrett elettorali. Irrizulta minn spezzjoni li ghamlet il-Kummissjoni Elettorali fuq il-post illi l-persuni indikati f’Mistoqsija Parlamentari numru 34312, ghandhom kunjom differenti u attwalment jghixu fl-istess dar minkejja li l-persuna specifikata mill-Onorevoli Membru kellha l-isem tad-dar imnizzel ftit differenti minn ta’ l-ohrajn. Ghaldaqstant il-persuna koncernata giet notifikata li fir-registru elettorali li jmissu jkun ippubblikat f’Ottubru ta’ din is-sena, d-dettalji taghha ser jidhru, kif suppost, fi Triq San Gwann tal-Gharghar, Msida.
Leg 9 PQ #35188 Sitting 784 2002-09-17 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Visas

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-mixed commission li ltaqgħet dan l-aħħar fi Tripli qamet il-kwistjoni tal-visas bejn Malta u l-Libja? Tista' tagħti dettalji dwar l-aħħar żviluppi f'dan ir-rigward?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-kwistjoni tal-visas tqajmet fil-mixed commision u tħalliet għal diskussjoni fid-dettal mill-ministeri tal-Intern taż-żewġ pajjiżi. Matul id-diskussjonijiet li saru jiena xejjint l-argument li qed jagħmlu x'uħud f'Malta li pajjiżna m'għandux jingħaqad mal-Ewropa għax m'hux fl-interess tal-Libja li jsir dan. Jiena spjegajt li d-deċiżjonijiet li nagħmlu nagħmluhom fl-interess ta' Malta u li anzi, b'Malta fl-Ewropa, ir-relazjonijiet bejn Malta u l-Libja jieħdu relevanza akbar. Iż-żewġ pajjiżi huma fuq il-fruntieri bejn żewġ kontinenti u żewġ blokki politiċi u ekonomiċi, l-Unjoni Ewropeja u l-Unjoni Afrikana. Huwa għajb għal dawk li fil-ferneżija li jissaboteġġjaw lil pajjiżna b'kull mod, jippruvaw jagħmlu bsaten fir-roti anke fir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Libja.