Jista' il-Ministru jara li l-health authorities jinvestigaw il-miżbla li hemm qrib l-istabiliment Golden Harvest fil-Gżira?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li l-investigazzjonijiet neċessarji minn uffiċjali tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika saru fl-24 ta` Ottubru 2002 fil-post indikat, jiġifieri f'Misraħ Turu Colombo, Gżira.
Ġie nnotat akkumulu ta` skart fuq il-bankina quddiem il-'Golden Harvest' u ġie infurmat is-sindku tal-Kunsill Lokali Gżira, sew verbalment, kif ukoll bil-miktub sabiex dan l-iskart jitneħħa mill-aktar fis possibbli.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, inqatagħlu l-benefiċċju supplimentari? X'tibdil kien hemm fiċ-ċirkostanzi li seta wassal għal dan?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant mhix intitolata għall-Allowance Supplimentari għax ma tissodisfax it-test tal-meżżi.
Ninsab infurmat ukoll li ma kienetx intitolata għal din l-Allowance lanqas is-sena l-oħra għall-istess raġuni.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li t-tender 242 konnessa ma' l-istamperija tal-gvern ġiet irtirata?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tender nru. 242 ġiet ikkanċellata mid-Direttur Ġenerali tal-Kuntratti wara li dan ġie nfurmat mill-Uffiċju tal-Prim Ministru li l-proġett maħsub mhux ser isir. Għaldaqstant ma kienx xieraq li jinbeda xi proċess ta' aġġudikazzjoni.
Jista' il-Ministru jgħid it-take-away li ser ikun hemm fin-naħa t'isfel ta' Bellavista Street, San Ġwann għandux trading licence? Jekk iva, ir-residenti ġew ikkonsultanti mill-awtoritajiet kompetenti?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-regolamenti l-ġodda dwar liċenzji ta' stabbilmenti bħal dak imsemmi f'din il-mistoqsija jaqgħu taħt l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu. Għaldaqstant nissuġġerixxi li din il-mistoqsija ssir ill-Ministru ikkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-penthouse fi Triq il-Fuxa, San Ġwann għandhiex il-permessi tal-MEPA?
Response (BORG, TONIO)
Minħabba li m`huwiex ċar għal liema sit qed jirreferi l-Onor. Interpellant, peress li Triq il-Fuxa hija kollha kommessa bl-iżvilupp, nitlob lill-Onor. Membru jkun aktar speċifiku.
Jaf il-Ministru li f'Naxxar Road, San Ġwann hemm żewġ stabilimenti separati (wieħed confectioner u l-ieħor supermarket) li għandhom roler door bejniethom li jinfetah kull nhar ta' Ħadd biex it-tnejn jiftħu attaparsi bħala confectioners minkejja l-liċenzji separati li għandhom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li dan il-każ qed jiġi ittrattat mill-pulizija.
B'riferenza għall-każ li tressaq quddiem l-arbitru - dettalji dwaru qed jintbagħtu under separate cover - li qed jikkontendi li l-pensjoni tiegħu ta' Lm251 kull erba' ġimgħat hija inqas minn ta' ħaddieħor, jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonferma kemm huwa intitolat bħala ġuvni u kemm kien ikun intitolat li kieku kien miżżewweġ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Kif indika l-Onor. Interpellant fil-Mistoqsija tiegħu, il-każ in kwistjoni huwa sub-judice quddiem l-Arbitru mahtur skond l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali u għalhekk mhux opportun li nikkumenta dwar dan il-każ speċifiku.
Li nista' ngħid b'mod ġenerali hu li, fil-każ ta' pensjoni taż-żewġ terzi mħallsa skond l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali, ir-rata ta' din il-pensjoni ma tiddependix mill-istat ċivili tal-pensjonant jew pensjonanta.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li postal operators mal-Maltapost li xogħolhom kien jiġġedded sena b'sena issa qed jiġġedded għal żmien ferm inqas kull darba? Kemm hemm ħaddiema mal-kumpannija li qegħdin b'dawn it-tip ta' kuntratti?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li fid-dawl ta' l-eżerċizzju ta' l-istrutturar, il-kumpanija Maltapost kellha l-ħtieġa li timpjega Postal Operators fuq bażi ta' kuntratt ta' xogħol għal żmien definit. Peress li dan l-eżerċizzju wasal fl-aħħar biex ikun implimentat, dawn il-kuntratti ġew imġedda għal żmien qasir.
Bħalissa in-numru ta' Postal Operators fuq dan it-tip ta' kuntratt huwa ta' wieħed u tletin.
B'riferenza għall-domandi preċedenti dwar l-istess suġġett, jista' il-Ministru jinvestiga l-fluctuations fil-kurrent tad-dawl li jinsab għaddej għar-residenti li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament billi minkejja li r-residenti bidlulhom l-arloġġ u l-wiring tad-dawl għadhom bl-istess problema li kellhom fi snin imgħoddija?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab ifurmat li l-manutenzjoni meħtieġa għandha ssir flimkien ma' xogħolijiet oħra simili.
Jista' il-Ministru jwieġeb l-ewwel parti ta' mistoqsija parlamentari 36046, cioe` peress li t-tagħrif huwa mitlub fl-interess pubbliku, iwieġeb mistoqsija 35853 cioe', peress li l-liġi tas-sigurta' soċjali tipprovdi għall-ħlas ta' bolla tat-tieni klassi minn min jaħdem għal rasu u min għandu xi dħul minn investimenti u dan l-aħħar id-dipartiment tat-taxxi interni ħareġ xi karti biex jitlob dawn it-tip ta' bolli, jista' il-Ministru jgħid kemm inġabru flus minn mindu ħarġu dawn il-karti, u kif inhuma maqsumin, self-employed u self-occupied?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li matul Settembru, d-Dipartiment tat-Taxxi Interni ħareġ demand notices (SSC1) lill-dawk il-kontributuri li jħallsu bolla tat-tieni klassi u li jaħdmu għal rashom (self-occupied) u li għandhom kontribuzzjonijiet mhux imħallsa għas-snin 1999 - 2001.
Sa l-ewwel ġimgħa ta' Ottubru nġabru Lm85,000 minn dawn l-arretrati.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36046 li oriġinarjmanet saret lill-Ministru tal-Finanzi u cioe`: Wara li d-dipartiment tat-taxxi interni ħareġ karti għal ġbir ta' bolli tat-tieni klassi, self-employed u self-occupied, u jien informat li ħafna nies qed imorru fid-dipartiment u qed jintalbu japplikaw għal ċertifikat ta' eżenzjoni, jista' jgħid għaliex nies li qed imorru fl-uffiċċji distrettwali qed jgħidulhom li dawn m'għadhomx jeżistu? Peress li qatt ma kien hemm emenda ta' dan it-tip fil-liġi, hemm xi ħsieb li ssir?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għal perjodu qasir, applikazzjonijiet għal eżenzjoni mill-ħlas tal-kontribuzzjonijiet ma kienux qed jiġu proċessati. Madanakollu dan il-proċess reġa beda u applikazzjonijiet qed jintlaqgħu għal perjodu mill-1 ta' Jannar, 1998. Din l-applikazzjoni tista' ssir f'xi Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36062 u jgħid kemm kien hemm garanziji ġodda min-naħa tal-gvern matul is-sena 2002 sabiex ikopru self minn entitajiet, awtoritajiet, organizzazzjonijiet u fondazzjonjijiet ikkontrollati mill-gvern? Ser isir jew sar xi self minn barra l-pajjiż in konnessjoni ma' l-isptar il-ġdid? Jekk iva, għal kemm jammonta dan is-self? Ser ikun garantit mill-gvern
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li kien hemm disa' (9) garanziji li nħarġu mill-Gvern favur istituzzjonijiet finanzjarji għal self magħmul jew krediti meħuda minn entijiet pubbliċi bejn l-1 ta' Jannar u l-aħħar ta' Settembru ta' din is-sena. Tlieta (3) minn dawn il-garanziji huma tiġdid ta' oħrajn li għalqu: il-kumplament huma garanziji ġodda. L-'exposure' tal-Gvern b'dawn il-garanziji telgħet bi Lm15.3 miljuni.
Jista' il-Ministru jara li jissewwa l-fanal, li ilu mkisser, mal-bozza li hemm f'nofs Triq St Albert, Gżira (in-naħa t'isfel) quddiem block B, Pinto buildings)
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni relattiva.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34771 u ċioe jista' l-Ministru jgħid għalkemm ninsabu eżentati bħalissa, il-gvern studja l-impatt li sħubija sħiħa fl-UE iġġib magħha minħabba l-fatt li malli nissieħbu it-tour operators jkollhom jibdew japplikaw it-tour operators margin scheme, xi 15-17% VAT fuq il-margin tal-btajjel tagħhom għall-Malta? Ma taħsibx li dan ser jolqot f'mod negattiv il-kompetittivita' tagħna?
Response (REFALO, MICHAEL)
Infurmat li għal dak li għandu x’jaqsam mat-Tour Operators Margin Scheme, din se tidħol fis-seħħ hekk kif Malta tidħol membru fl-Unjoni Ewropea. Din hija taxxa fuq il-marġni tal-qliegħ ta’ packages mibjugħin minn tour operators, bir-rata tkun ta’ 17.5%. Din l-iskema tapplika għal kull tour operator Ewropew li jbiegħ package li jkun se jiġi kkunsmat f’destinazzjoni li hija fi ħdan l-Unjoni Ewropea.
Waqt li din l-iskema se tidħol fis-seħħ mad-dħul eventwali ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, se jkun hemm tnaqqis fit-taxxa magħrufa bħala Air Passenger Duty b’effett mill-1 ta’ Novembru 2002. It-taxxa ta’ l-Air Passenger Duty fuq bejgħ ta’ economy seats ser tonqos b’75%, waqt li dik fuq premium seats se tonqos b’50%. B’hekk ir-rata ta’ din it-taxxa fuq bejgħ ta’ seats se tiġi konformi ma’ dik ta’ pajjiżi membri fl-Unjoni.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm appelli pendenti mad-dipartiment tal-VAT? Kemm minnhom imorru lura għall-VAT (bejn l-1995 - l-1997)? Kemm minnhom ikopru ic-CET? Kemm minnhom huma konnessi mal-VAT li ġiet fis-seħħ fl-1.1.99?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif tidher hawn taħt :
VAT 1995 - 888
CET 1997 - 329
VAT 1998 - 222
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm credits tac-CET pendenti li għadhom ma inħadmux? Għal kemm jammontaw?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta' credits pendenti tas-CET huwa ta' 448 li jammontaw għal Lm423,151. Dawn qegħdin jiġu ċċekkjati flimkien ma' talbiet oħrajn għal refunds biex ikun żgurat li huma korretti qabel isir il-ħlas.
B'riferenza għall-domandi preċedenti dwar l-istess suġġett, f'hiex waslu l-investigazzjonijiet dwar allegat abbuż mill-VAT minn importatur ta' l-aluminium profiles? Il-pulizija iddaħlu f'xi stadju biex jinvestigaw? Jekk iva, meta u nstabitx id-dokumentazzjoni kollha meħtieġa?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onoroevoli Interpellant li d-Dipartiment tad-Dwana għadu qed jistenna r-riżultat ta' nvestigazzjonijiet li qed isiru dwar xi dokumentazzjoni relatata mas-suġġett u malli jkun possibbli jkompli l-proċeduri skond ma jirriżulta bil-parteċipazzjoni tal-pulizija jekk dan ikun indikat fiċ-ċirkustanzi.
Peress li t-tagħrif huwa mitlub fl-interess pubbliku, jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 35853 cioe', peress li l-liġi tas-sigurta' soċjali tipprovdi għall-ħlas ta' bolla tat-tieni klassi minn min jaħdem għal rasu u min għandu xi dħul minn investimenti u dan l-aħħar id-dipartiment tat-taxxi interni ħareġ xi karti biex jitlob dawn it-tip ta' bolli, jista' il-Ministru jgħid kemm inġabru flus minn mindu ħarġu dawn il-karti, u kif inhuma maqsumin, self-employed u self-occupied?
Wara li d-dipartiment tat-taxxi interni ħareġ karti għal ġbir ta' bolli tat-tieni klassi, self-employed u self-occupied, u jien informat li ħafna nies qed imorru fid-dipartiment u qed jintalbu japplikaw għall-ċertifikat ta' eżenzjoni, jista' il-Ministru tas-sigurta' soċjali jgħid għaliex nies li qed imorru fl-uffiċji distrettwali qed jgħidulhom li dawn m'għadhomx jeżistu? Peress li qatt ma kien hemm emenda ta' dan it-tip fil-liġi, hemm xi ħsieb li ssir?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fir-rigward ta' l-ewwel parti tal-mistoqsija l-informazzjoni qeda tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra. Fir-rigward ta' tieni parti nitlob lill-Onorevoli Interpellant jgħaddi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.