Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #38430 Sitting 863 2003-02-03 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

LIMSUK

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-aħħar żviluppi dwar il-LIMSUK? Kemm sar kummerċ barrani permezz ta' din l-intrapriża fis-snin 1999, 2000, 2001 u 2002 rispettivament? Kemm saru board meetings tal-kumpannija f'Malta s-sena l-oħra? Kemm saru board meetings fil-Libja fl-istess sena?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #38431 Sitting 863 2003-02-03 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

GDP

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma rapporti li se ssir reviżjoni tal-kejl tal-GDP u jekk iva, x'wassal għal dan?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tajjeb jingħad li sa ftit tas-snin ilu, in-National Accounts ta' Malta kienu għadhom jiġu kumpilati skond is-System of National Accounts 1968. Peress li teżisti metodoloġija aktar żviluppata minn din is-sistema, mill-1997 'l hawn, l-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika beda jaħseb biex jibdel is-sistema tal-kejl tal-Prodott Gross Domestiku għal din il-metodoloġija aktar moderna. Biex taqleb minn sistema ta' National Accounts għal oħra, jinħtieġu snin twal ta' preparazzjoni serja u ħidma b'reqqa kbira. Hekk sar u għadu qed isir sabiex naqilbu għall-metodoloġija imsejħa European System of Accounts 1995 li fl-aktar aspetti mportanti tagħha tixbaħ ħafna lis-System of National Accounts 1993. It-tibdil għal sistema ġdida ta' kejl tal-Prodott Gross Domestiku huwa skond l-obbligi li għandu l-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika li jipproduċi statistika uffiċċjali skond l-aktar metodoloġiji aġġornati.
Leg 9 PQ #38432 Sitting 863 2003-02-03 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Lottu Pubbliku — Privatizzazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-aħħar żviluppi dwar il-privatizzazzjoni tal-Lottu Pubbliku?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa qegħdin isiru diskusjonijiet bejn il-Maltco Concortium u il-Lotto Receivers Union.
Leg 9 PQ #38433 Sitting 863 2003-02-03 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

MOBC — Privatizzazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm kumpanniji barranin li wrew interess fil-privatizzazzjoni tal-MOBC? Liema kienu? Kemm kien hemm kumpanniji Maltin li wrew l-istess interess? Liema kienu?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li kien hemm ħmistax il-kumpanija li wrew interess fil-privatizzazzjoni ta' l-MOBC. Minħabba li marbutin b'Confidentiality Agreement minix liberu li nsemmi l-kumpanija.
Leg 9 PQ #38307 Sitting 858 2003-01-27 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tas-Saħħa

Reġistrazzjoni tal-mediċini

Question

F'hiex wasal il-proċess il-ġdid tar-reġistrazzjoni tal-mediċini? Minn min qed isir dan ix-xogħol preparatorju? Tista' tagħti indikazzjoni tar-range tar-registration fees li ser ikunu nvoluti?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-proċess il-ġdid tar-reġistrazzjoni ta' mediċini li qed isir mill-Medicines Regulatory Unit fid-Diviżjoni tas-Saħħa wasal fi stat avvanzat u jkun lest biex jinbeda meta jiġu stabbiliti l-fees. F'dak li għandu x'jaqsam ma fees ġew mħejjija diversi għazliet li fil-preżent qed jiġu studjati u analizzati.
Leg 9 PQ #38199 Sitting 855 2003-01-21 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Vat — Vat Inspectors

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 38071 u ċioe' dawk li għandhom I.D. Card ta' VAT inspectors kollha għandhom l-istess benefiċċji u kondizzjonijiet tax-xogħol? X'kienet ir-raġuni li fi stadju partikolari ngħata x-xogħol ta' VAT inspectors lis-suldati?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-VAQT Inspectors kollha għandhom l-istess benefiċċji u kundizzjonijiet tax-xogħol, li minn żmien għal żmien, jingħataw doveri diversi skond l-eżiġenzi u l-ħtiġijiet tad-Dipartiment. Għall-bidu tas-sena 2001, numru ta' Revenue Security Personnel ġew assenjati mad-Dipartiment tal-VAT fejn ġew allokati dmirijiet partikolari relatati mal-kariga tagħhom bħala membri tar-Revenue Security Corps.

Msida — Triq Santa Venera

Question

Jista' l-Ministru jara li tiġi nvestigata l-qagħda ta' Triq Santa Venera, fl-Imsida qrib numru 21, billi minħabba kif tinsab maqluba, spiss qed ikun hemm flooding fil-kantina tad-dar kull meta tagħmel ix-xita?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi wara li ġiet spezzjonata t-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant irriżulta illi l-bankina quddiem ir-residenza hija f'livell iktar baxx mill-kumplament tal-bankini. Biex il-problema ta' flooding tiġi eliminata l-bankina trid togħla madwar 2 jew 3 pulzieri. Dan ikun jista' jsir wara li s-sid ta' din ir-residenza jgħolli l-għetibi tal-post u tar-remissa tiegħu.
Leg 9 PQ #37984 Sitting 850 2003-01-16 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Msida — Triq Sta. Venera - bozza

Question

Jista' l-Ministru jara li titwaħħal bozza faċċata tar-residenza 47, Triq Sta. Venera, Msida minħabba d-dlam li hemm fl-inħawi?

Response (BONNICI, JOSEF)

Din it-talba ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tkun ikkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra bħalha.
Leg 9 PQ #38071 Sitting 850 2003-01-16 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

VAT — VAT inspectors

Question

Dawk li għandhom I.D. Card ta' VAT inspectors, jista' l-Minsitru jgħid jekk hux kollha għandhom l-istess benefiċċji u kondizzjonijiet tax-xogħol? X'kienet ir-raġuni li fi stadju partikolari ngħata x-xogħol ta' VAT inspectors lis-suldati?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li risposta għal din il-mistoqsija ser tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #37971 Sitting 846 2003-01-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Dipartiment tat-Taxxi Interni — Kontijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm kontijiet tat-taxxa fuq id-dħul li kienu statute barred fis-snin 1999, 2000, 2001 u 2002?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-dipartiment mhux konxju minn xi kontijiet tat-taxxa fuq id-dħul statute barred fis-snin imsemmija fl-Interpellanza. Kull sena id-diversi sezzjonijiet tad-Dipartiment iduru u jipproċessaw dawk il-formoli li jkunu se jiġu preskritti sa l-aħħar tas-sena rispettiva.
Leg 9 PQ #37972 Sitting 846 2003-01-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

San Ġwann — Triq Ugo Carbonaro - Maisonettes

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-maisonettes li nbnew fil-parti tal-wied ta' Ugo Carbonaro Str, San Ġwann għandhomx permessi tal-bini tal-MEPA? Jekk iva, meta nħarġu? Hemm il-ħsieb li jinħarġu aktar permessi tal-bini faċċata tal-parti mibnija tat-triq?

Response (BORG, TONIO)

Huwa mifhum li l-Onorevoli Interpellant qiegħed jagħmel referenza għal tlett permessi PA 5801/00 li nħareġ fid-19 ta` April 2001, PA 2195/01 li nħareġ fit-13 ta` Awissu 2001, u PA 6235/00 li nħareġ fil-15 ta` Ġunju 2001. Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat illi faċċata ta` dawn il-maisonettes jinsab barra il-limiti ta` żvilupp u għalhekk bil-policies tal-lum mhux possibli jingħataw permessi għal bini residenzjali.
Leg 9 PQ #37954 Sitting 845 2003-01-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Sussidju fuq servizz tad-dawl

Question

Tista' l-Korporazzjoni Enemalta on humanitarian grounds tikkonsidra xi forma ta' sussidju fuq is-servizz tad-dawl tal-familja, id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, minħabba li għandhom tifla ta' tmien snin li tagħmel madwar 12-il siegħa użu mill-kidney machine fid-dar kuljum?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tajjeb jingħad li l-Korporazzjoni Enemalta minn żmien għal żmien u fuq bażi regolari tirċievi talbiet għal xi forma ta' sussidju. Wieħed jifhem li kważi kull talba jkollha r-raġunijiet validi tagħha. Madanakollu l-Korporazzjoni ma tistax tilqa' dawn it-talbiet, inkluża t-talba attwali, għal raġunijiet ovvji.

Trasport pubbliku — Rotta minn Taż-Żwejt għall-Belt

Question

Tista' l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku tinvestiga jekk tistax tiqsar ir-rotta tal-karozzi tal-linja minn Taż-Żwejt għall-Belt minħabba li l-biċċa l-kbira tar-rotot jieħdu madwar siegħa?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li r-rotta 41 minn Taż-Żwejt għall-Belt li tgħaddi mill-lokalitajiet ta' San Ġwann, Sliema (Savoy), Gżira u tal-Qroqq ma tistax tiġi mqassra jekk mhux għad-detriment li taqdi l-lokalitajiet imsemmija.

Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali — Children's allowance

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinvestiga fiex waslet l-applikazzjoni pendenti għaċ-children's allowance tal-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata bil-każ tagħha.
Leg 9 PQ #37957 Sitting 845 2003-01-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

VAT — Importazzjoni ta' aluminium profiles

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet l-investigazzjoni dwar il-każ li kont qajjimt bosta xhur ilu dwar allegata evażjoni mill-VAT f'każ li jikkonċerna l-importazzjoni ta' aluminium profiles?

Response (DALLI, JOHN)

L-Onorevoli Interpellant jifhem li dan it-tip ta' investigazzjonijiet jieħdu fit-tul u malli jkun possibbli jkompli l-proċeduri skond ma jirriżulta bil-parteċipazzjoni tal-pulizija jekk dan ikun indikat fiċ-ċirkustanzi.
Leg 9 PQ #37958 Sitting 845 2003-01-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

UE — Liġi tal-ITCs

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma dak li implika l-kap tal-MIC f'workshop dwar l-UE u s-servizzi finanzjarji waqt seminar tal-Kamra ta' l-Avukati li l-liġi tal-ITCs (International Trading Companies) trid tiġi emendata biex tiġi konformi mar-regoli tal-UE?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li jiena nfurmat li wara li saru l-verifikazzjonijiet meħtieġa, jirriżulta illi l-interpellant għandu nformazzjoni skorretta. Infatti l-kap tal-MIC innifsu ikkonferma li ma kienx minnu dak li hemm implikat fil-PQ, u li qatt ma ngħad dak id-diskors. Nikkonferma li ma hemmx ħtieġa ta' emendi fil-liġi attwali sabiex l-ITC's jiġu konformi mal-liġijiet tal-Unjoni Ewropea. Dawn huma qlajjiet intiżi biex jissabuttaġjaw lill-pajjiż li ma jagħmlu xejn ħlief ifixxklu l-imħuħ u jgerrxu l-investement. Għajb għal min jivvinthom u għal min jipperpettwahom.

ETC — Talab biex persuna tiġi offruta mpjieg

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid xi prospetti hemm li l-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, jiġi offrut impjieg mill-ETC?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata ser tiġi ntervistata mill-uffiċjal tal-Korporazzjoni. F'din l-intervista wieħed ikun jista' jiddiskuti l-prospetti ta' mpjiegi u diversi dettalji oħra.
Leg 9 PQ #37836 Sitting 844 2003-01-13 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Meter tad-dawl

Question

Jista' jiġi vverifikat il-meter tad-dawl tal-familja, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, minħabba l-kontijiet eċċessivi li qegħdin jirċievu?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li sabiex ix-xogħol meħtieġ ikun jista' jsir, il-konsumatur irid japplika formalment għand il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma.

Djar ta' l-anzjani — Casual domestic workers

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 27734 ta' l-24.07.01, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern huwiex beħsiebu jagħmel lill-casual domestic workers fid-djar ta' l-anzjani ħaddiema tal-post?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għadhom għaddejjin it-taħditiet ħalli l-impjieg tal-Casual Domestic Workers jiġi regolariżżat.