Dipartimenti governattivi — Disaster recovery plan
Question
Jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk id-dipartimenti tal-gvern fejn il-MITTS għandhom disaster recovery plan effettiv? Liema huma dawk li m'għandhomx?
Response (GATT, AUSTIN)
L-Onorevoli għandu jinnota li fil-postijiet kollha fejn il-MITTS Ltd topera jittieħdu 'back-ups' kuljum filwaqt li 'restores' ta' dawn il-'back-ups' jiġu testjati fuq bazi skedata, dan filwaqt li regoli stretti ta' 'house keeping' kif suppost jiġu segwiti.
F'dawn l-aħħar tlett snin il-MITTS Ltd investit konsideralment fis-sigurta primarjament billi ġie mwaqqaf 'Disaster Recovery Centre' li preżentament ikopri tlett applikazzjonijiet kritiċi (Common Data Base, eMail u Department Accounting) kif ukoll ġie mwaqqaf dipartiment fi ħdan il-MITTS Ltd li jieħu ħsieb is-Sigurta u Riskji fir-rigward tal-Informazzjoni (Information Security and Risk Management Department).
Ta' min jinnota wkoll li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru riċentament ħareġ ċirkulari fejn is-Segretarji Permanenti ġew informati dwar il-'Policy' fuq is-sigurta ta' l-informazzjoni li l-Gvern għandu jaddotta li hija bbażata fuq l-ISO 17799 standard.
Fl-istess ħin il-Ministeri kienu qegħdin jiġu mitluba biex iwaqqfu Security Steering Committee u, jaħtru Uffiċjal għal Ministeri rispettivi tagħhom biex jieħdu ħsieb is-sigurta ta' l-Informazzjoni, kif ukoll biex jipprovdi il-leadership neċessarju u jieħdu azzjoni addatata fuq livell ministerjali f'dan ir-rigward.
Following amendments to the income tax act and the income tax management act interest began accruing on tax refunds due to taxpayers in respect of year of assessment 1999 onward. Tax refundable relating to prior years remained interest free. As a result, the later refunds are being paid first. Expatriates and non-residents are among those due pre-1998 refunds. Excessively delayed refunds reflect negatively on Malta's credibility as a financial services centre of repute.
Could the Honourable Minister please inform us as to the amount of tax refundable to expatriate and non-resident tax payers relating to the year of assessment 1999 and prior, and if a repayment plan exists, by what date these amounts will be settled?
Response (DALLI, JOHN)
There are two refunds due to Expatriates and Non-Resident taxpayers for Y/A 1999, except for those taxpayers that may have submitted a late return.
Refunds due prior to Y/A 1999 are as follows:
531 temporary residents with work permits
LM 399,902
3 temporary residents (entertainers)
LM3,598
158 temporary residents (settlers)
LM126,152
533 Non-residents
LM330,817
MIMCOL — Ftehim kollettiv fi ħdan il-kumpanniji parastatali
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li l-MIMCOL se twaqqaf unit apposta sabiex jieħu ħsieb il-ftehim kollettiv fi ħdan il-kumpanniji parastatali kollha? Jekk iva, dan ifisser li dan il-ftehim se jkun responsabbilta' tal-ministeru tiegħu?
Response (GATT, AUSTIN)
Huwa l-Gvern li se jwaqqaf Collective Bargaining Unit bil-għan li jieħu ħsieb u jagħti parametri lill-kumpaniji parastatali u entitajiet oħra fejn il-Gvern għandu interess. Il-MIMCOL ser tkun parti minn dan il-Unit. Hi se jkollha l-funzjoni li tagħti l-għajnuna lill dan il-Unit b'mod amministrattiv, użu ta' riċerka fil-qasam ta' ftehim kollettiv u konsulenza, kemm legali kif ukoll fil-qasam ta' relazzjonijiet industrijali.
Il-Collective Bargaining Unit se jkun presedut minn rappreżentant tal-Ministeru tal-Finanzi.
Jista' il-Ministru jgħid jekk kenux ġew finalizzati t-taħdidiet mal-JICA expert dispatch programme tal-Ġappun sabiex nirċievu assistenza teknika mill-gvern Ġappuniż?
Response (BORG, JOE)
Il-Japanese International Co-operation Agency (JICA), l-aġenzija tal-Gvern Ġappuniż responsabbli mill-implimentazzjoni ta' programmi ta' kooperazzjoni teknika, ilha sa mill-aħħar tat-tmeninijiet tipprovdi 'l Malta assistenza teknika fuq bażi regolari. Kienu diversi dawk il-Maltin li matul is-snin ibbenefikaw minn din l-assistenza b'korsijiet ta' taħriġ f'oqsma varji ta' attivita' u ta' studju.
L-expert dispatch programme hija skema tal-JICA responsabbli biex tipprovdi u tibgħat esperti Ġappuniżi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw f'oqsma ta' attivita' li jinħtiġilhom l-assistenza esperta tagħhom.
Is-sena l-oħra, l-Gvern ta' Malta għażel li jissottometti disa' proposti għal assistenza esperta ta' dan it-tip għan-nom ta' diversi dipartimenti u korporazzjonijiet governattivi. Ir-rikjesta għadha qed tiġi ikkunsidrata mill-Awtoritajiet Ġappuniżi li, f'Mejju li għadda, ngħataw informazzjoni ulterjuri konnessa ma' dawn il-proposti, liema informazzjoni hija intiża sabiex tgħinhom jistudjaw aħjar ir-rikjesta mill-Gvern ta' Malta.
Nispera li nkun f'pożizzjoni ninforma lill-Onorevoli Interpellant f'qasir żmien bl-eżitu ta' din ir-rikjesta għall-assistenza teknika.
Financial transactions permezz ta' payment gateway
Question
Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jibdew isiru financial transactions tad-dipartiment tat-taxxa permezz tal-payment gateway kif kien propost oriġinarjament? Huwa minnu li sal-lum għad hemm oġġezzjonijiet tal-Ministeru tal-Finanzi dwar dan għaliex ma jridux iħallsu persentaġġ ta' l-ammonti tat-transazzjonijiet finanzjarji lill-kumpanniji li lilhom ġie outsourced dan ix-xogħol fuq il-gateway?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li huwa ppjanat li fil-futur il-payment gateway jibda jintuża għal numru kbir ta' servizzi elettroniċi.
Għadu kmieni biex nirrispondi għat-tieni mistoqsija peress li bħalissa l-Ministeri konċernati qegħdin jiddiskutu l-parametri finanzjarji li bihom se tkun qegħdha topera din il-payment gateway.
Jikkonsidra l-Ministru li hemm nuqqas ta' kompatibilita' dwar il-fatt li l-MITTS li għandha rwol operational u ic-CIMU li hija aktar involuta f'xogħol ta' policy u ta' regolatur għandhom l-istess chairman?
Response (GATT, AUSTIN)
Iċ-CIMU m'għandhiex funzjoni ta' regolatur. Fejn jidħlu l-MITTS, iċ-CIMU tistabbilixxi t-'technical standards' għal sistemi ta' informazzjoni li jħaddem il-Gvern waqt illi l-MITTS tibni u tħaddem dawn is-sistemi. Ir-regolatur - jekk tista' issejjaħlu hekk - hi l-'Malta Standards Authority' li tfassal 'standards' għall-pajjiż kollu.
Jista' il-Ministru jgħid kemm qed titħallas il-kumpannija TERRANET għall-outsourcing li sar lilha fuq il-payment gateway?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kumpanija Terranet qed titħallas is-somma ta' LM12,000 fis-sena għal xogħol li ngħata lilha fuq il-payment gateway.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-ministeru tiegħu huwiex qed jaħdem fuq ISSP strategic plan għall-information technology għas-snin li ġejjin? Fiex wasal dan? Ġie approvat? Meta mistenni li jibda jiġi attwat?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
B'kollox kemm kien hemm pazjenti Maltin li telgħu Londra għall-kura u li ngħataw għajnuna jew appoġġ mis-sezzjoni medika fil-kummissjoni Ingliża ta' pajjiżna f'Londra fis-snin 2001 u 2002?
Response (BORG, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-sezzjoni medika fil-Kummissjoni Għolja Maltija f'Londra tat l-għajnuna kollha meħtieġa lil 360 pazjent Malti flimkien ma' skorta ta' 524 persuna oħra bejn tobba, infermiera u qraba matul l-2001 u lil 341 pazjent Malti flimkien ma' skorta ta' 446 matul l-2002.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqgħet il-mixed commission bejn Malta u Spanja mill-bidu tas-sena 2001 sal-lum u x'kienu s-suġġetti diskussi?
Response (BORG, JOE)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi minn meta kien iffirmat il-Ftehim Kulturali bejn Malta u Spanjna fl-1976, il-Kummissjoni Mħallta prevista taħt il-provvedimenti ta' l-istess Ftehim, iltaqgħet sitt darbiet biex tiddiskuti u tibni programmi ta' kooperazzjoni fl-oqsma ta' l-edukazzjoni, kultura, xjenza, teknoloġija u komunikazzjonijiet.
Is-sitt sessjoni tal-Kummissjoni Mħallta ltaqgħet f'Madrid f'Mejju tal-2000 u qablet fuq programm ta' attivitajiet li jkopru s-snin 2000-2002. Il-perijodu li matulu il-Programm kellu jibqa fis-seħħ gie awtomatikament estiż sakemm il-Kummissjoni Mħallta taqbel li tifformula programm ġdid fis-sessjoni li jmiss. Dan il-programm jipprovdi, fost oħrajn, għal boroż ta' studju.
Jista' il-Ministru jgħid jekk kienx ġie ffirmat il-ftehim ta' koperazzjoni turistika mal-gvern Spanjol li dwaru hemm riferenza fir-rapport ta' ħidma tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin għas-snin 2001 u 2002?
Response (BORG, JOE)
Il-ftehim għal kooperazzjoni fil-qasam tat-turiżmu bejn iż-żewġ Ministeri rispettivi tat-turiżmu għadu ma ġiex iffirmat.
Id-delegat Spanjol li kellu jżur Malta f'Novembru li għadda sabiex jiffirma il-ftehim minn naħa ta' Spanja fil-fatt ma' setax jiġi f'Novembru u għalhekk il-Gvern Malti u dak Spanjol issa qed ifittxu l-okkażjoni xierqa biex dan iseħħ fl-iqsar żmien.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm euromed focal points fil-ministeri kollha? Minn min huwa kompost id-dipartiment tal-Mediterran fi ħdan il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin?
Response (BORG, JOE)
Id-Dipartiment responsabbli għall-inizjattivi u attivitajiet tal-Mediterran fi ħdan il-Ministeru tiegħi huw kompost minn Ambaxxatur irtirat mis-Servizz li huwa impjegat fuq bażi kontrattwali u li għandu rwol ewlieni bħala EuroMed Coordinator, flimkien ma' żewġ uffiċċjali pubbliċi fil-Klassi Diplomatika.
Tul il-ftit snin li ilu mwaqqaf, id-Dipartiment niseġ firxa ta' tmintax-il focal point fil-Ministeri kollha tal-Gvern, b'mod li jintlaħqu l-interessi b'dimensjoni Mediterranea ta' kull wieħed minn dawn il-Ministeri.
Jista' il-Ministru jgħid jekk kienx twaqqaf il-kunsill kummerċjali bejn Malta u t-Tuneżija li dwaru hemm riferenza fir-rapport annwali aħħari tal-ministeru tiegħu?
Response (BORG, JOE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi f'Ottubru tal-2001, il-Gvernijiet ta' Malta u tat-Tuneżija rrikkmandaw it-twaqqif ta' kunsill kummerċjali sabiex jgħin fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet u skambji kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi.
Għalkemm il-kunsill propost sallum għadu ma twaqqafx, qed isiru konsultazzjonijiet mad-dipartimenti u entitajiet konċernati sabiex jiġu stabbiliti l-proċeduri relevanti għat-twaqqif ta' dan il-kunsill.
Malta/Tuneżija — Memorandum fuq konsultazzjonijiet politiċi
Question
Jista' il-Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-memorandum fuq konsultazzjonijiet politiċi bejn il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin ta' Malta u dak tar-Repubblika tat-Tuneżija?
Response (BORG, JOE)
Kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant, qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Memorandum dwar konsultazzjonijiet bejn il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ta' Malta u dak tat-Tuneżija, li kien iffirmat fl-10 ta' Mejju tal-2001 u li daħal fis-seħħ fl-istess data.
Settur tas-software — Twaqqif ta' software capability enhancement process
Question
Jaqbel il-ministeru li għandu jiġi mwaqqaf software capability enhancement process sabiex isir upgrading tal-kwalita' tas-settur tas-software lokali ħalli jagħmel qabżiet akbar fil-kwalita'?
Response (GATT, AUSTIN)
Ikun apprezzat jekk l-Onor Interpellant jispecifika aktar xi jrid ifisser nit-terminu software capability enhancement software.
F'dan il-qasam il-Gvern jemmen li il-capability enhancement mhux tas-software izda tal-hiliet tal-haddiema u l-istudenti Maltin u ghalhekk qieghed jahdem bis-shih biex jiftiehem ma' kumpannji multi-nazzjonali biex, flimkien ma' l-istituzzjonijiet edukattivi Maltin, ikomplu jharrgu lill-istudenti Maltin fl-aktar zvillupi recenti f'dan il-qasam.
Fid-dawl tar-relazzjoni tal-kummissarju Ewropew għall-intrapriża u l-information society dwar cyber security and the European network and information security agency, jista' il-Minisru jgħid jekk Malta kenitx mistiedna għal dan il-European parliament public forum, u jekk iva, fuq liema livell ħadet sehem? X'inizjattivi qed jieħu l-ministeru flimkien ma' l-awtoritajiet kompetenti biex jilqa' għall-problemi ta' cyber security li jmorru lil hinn minn sempliċi data protection? Saru xi kuntatti ma' l-awtoritajiet kompetenti biex Malta tkun attrezzata biex tikkumbatti l-hekk imsejjaħ cyber crime?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat
Delegazzjoni mir-Repubblika tal-Korea — Żjara f'Malta
Question
Billi f'Lulju, 2001 kienet żaret Malta delegazzjoni mir-Repubblika tal-Korea biex tiddiskuti l-kandidatura tagħha biex tospita Expo 2010, jista' il-Ministru jgħid x'pożizzjoni ħa l-gvern Malti?
Response (BORG, JOE)
Kienu diversi d-delegazzjonijiet mill-Korea li żaru Malta fis-snin 2001 u 2002 bl-intenzjoni li jitolbu appoġġ għall-kandidatura ta' pajjiżhom biex jospita l-EXPO 2010. Fl-istess żminijiet, żaru wkoll Malta delegazzjonijiet minn pajjiżi oħrajn, bħal dawk mir-Russja u miċ-Ċina, li kellhom bliet li kienu kandidati biex jospitaw din l-eżibizzjoni.
Tul iż-żjara uffiċċjali tiegħu fiċ-Ċina f'Ottubru 2002, il-Prim Ministru Malti kien għarraf uffiċċjalment lill-Gvern Ċiniz li l-Gvern ta' Malta kien se jagħti l-appoġġ għall-kandidatura Ċiniża għal dan l-avveniment. Matul is-132 Assemblea Ġenerali tal-Bureau International des Expositions (BIE), li ltaqgħet f'Monaco bejn it-2 u t-3 ta' Diċembru 2002, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tiegħi wettaq din id-deċiżjoni billi xeħet il-vot ta' Malta għaċ-Ċina. B'maġġoranza assoluta, id-delegati tal-BIE dak in-nhar kienu għażlu li EXPO 2010 jiġi ospitat mill-belt Ċiniża ta' Shanghai.
Pajjiżi membri tal-Commonwealth — Laqgħa dwar l-użu u t-tħaddim ta' l-informatika
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'follow-up kien hemm għall-proposta tal-Prim Ministru Malti fil-laqgħa tac-CHOGM tas-sena l-oħra biex jonqos id-distakk fl-użu u t-tħaddim ta' l-informatika fost il-pajjiżi membri tal-Commonwealth?
Response (BORG, JOE)
Il-proposta tal-Prim Ministru Malti dwar id-distakk fl-użu u t-tħaddim ta' l-informatika fost il-pajjiżi membri tal-Commonwealth fil-fatt kienet saret f'laqgħa tal-Commonwealth High Level Review Group li kienet inżammet fi New York f'Settembru tas-sena 2000. Permezz ta' din il-proposta, s-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth kien intalab sabiex jorganiżża grupp ta' esperti fuq l-informatika sabiex jeżamina din il-problema, u jipproponi metodi u attivitajiet li permezz tagħhom ikun jista' jitnaqqas id-distakk fl-użu ta' l-informatika fil-pajjiżi tal-Commonwealth.
Ir-rapport li tlesta ġie addottat mill-Prim Ministri fil-laqgħa taċ-CHOGM li saret fi Brisbane f'Marzu tas-sena l-oħra. Ir-rakkomandazzjonijiet li saru f'dan ir-rapport qed jiġu attwati mis-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth. Din il-materja se tkompli tiġi diskussa matul il-laqgħa li jmiss taċ-CHOGM li se tinżamm fin-Niġerja f'Diċembru 2003.