Jista' il-Ministru jikkonferma li minħabba l-qtugħ ta' 10% tal-Ministeru tal-Finanzi minn nefqa awtoriżżata tad-dipartimenti u intrapriżi tal-Gvern hemm ċerti teams tal-MITTS li spiċċaw bla xogħol x'jipproċessaw u b'hekk il-ħaddiema se jiġu sparpaljati ma teams oħrajn tal-MITTS fuq bażi temporanja?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li bħala parti mill-programm ta' żvilupp kontinwu matul dawn l-aħħar xhur, il-MITTS Ltd allokat diversi impjegati minn fuq attivitajiet msejjħa bħala non-core, għal fuq attivitajiet li huma core jew ta' qasam speċjalizzat bħal per ezempju, e-government, m-government, u Internat Technoligies. Il-MITTS Ltd qegħda wkoll tinvesti fi training speċjalizzat għall-impjegati tagħha, biex b'hekk tkun tista' tkattar il- valuri tal-ħaddiema tagħha fil-qasam tat-teknoloġija.
Jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li l-Ministeru ħareġ ċerti implementation dates għall-ċerti proġetti ta' IT mingħajr konsultazzjoni ma' min se jkun involut fil-MITTS?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jindika għal-liema proġetti qed jirreferi.
X'kienet in-natura tad-diskussjonijiet li saru mal-Ministru tad-Difiża Ingliż Geoff Hoon? X'livell ta' ko-operazzjoni militari hemm bħalissa ma' l-Ingilterra u x'livell mistenni jintlaħaq f'dan il-qasam fil-ġejjieni qarib? It-talbiet ta' Malta setgħu ġew influwenzati mid-deċiżjoni tal-Gvern Amerikan li jissospendi l-għajnuna militari lil Malta minħabba fl-appoġġ tal-Gvern Malti għall-International Criminal Court?
Response (BORG, JOE)
Il-laqgħa tal-Ministru tad-Difiża Ingliż Geoff Hoon miegħi kienet waħda ta' kortesija illi fiha ma ġew diskussi xejn mill-punti msemmija mill-Onorevoli Interpellant. Id-diskussjoni kienet waħda ġenerali dwar il-politika estera u ta' sigurezza komuni ta' l-Unjoni Ewropea u dwar il-provvedimenti li hemm fl-abbozz għal Trattat Kostituzzjonali għall-Unjoni Ewropea fuq din il-materja.
X'inhuma l-punti ewlenin li Malta beħsiebha tisħaq fuqhom l-aktar fit-thejjijiet għall-Ministerial Meeting ta' Cancun dwar il-kummerċ dinji? Huwa maħsub li jkun hemm konverġenza mal-pajjiż ta' l-UE dwar dan? X'qed isir biex jiġu ssalvagwardati l-erba' prinċipji bażiċi li jikkonċernaw l-investiment, il-kompetizzjoni, it-trade facilitation u t-trasparenza fil-governabbilita' li ħafna gvernijiet iqisu li m'humiex negozjabbli?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-iżvilupp ta’ Malta, pajjiz żgħir b’ekonomija miftuħa, minn dejjem kien dipendenti fuq il-kummerċ internazzjonali. Il-Gvern għalhekk minn dejjem irrikonoxxa l-importanza tal-liberalizazzjoni tal-kummerċ. Prova ta’ dan hija l-politika li ħaddimna f’dan il-qasam f’dawn l-aħħar snin. Għalhekk fil-laqgħa Ministerjali ta’ Cancun dwar il-kummerċ dinji, Malta beħsiebha taqbel fil-prinċipju ma’ proposti li jwasslu għal kummerċ aktar ħieles.
Fil-prattika, minħabba iċ-ċokon tagħha, Malta minn dejjem segwiet mill-qrib il-proposti ta’ pajjiżi u blokki ewlenin waqt negozjati internazzjonali tal-kummerċ. Fid-dawl tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropeja, il-Gvern qiegħed f’kuntatt kontinwu mal-Kummissjoni sabiex ikun hemm koordinazzjoni f’dak li għandu x’jaqsam mall-pożizzjonijiet li se jittieħdu waqt il-laqgħa li l-Organizzjoni tal-Kummerċ Dinji se torganizza f’Cancun, il-Messiku f’Settembru li ġej.
Tajjeb li wieħed jgħid li fil-prinċipju, Malta taqbel mal-pożizzjoni li qiegħda tieħu l-Unjoni Ewropeja f’dawn in-negozjati li kienu bdew wara l-laqgħa Ministerjali li kienet saret f’Doha, il-Qatar, f’Novembru 2001: li għandha tissaħħah is-sistema multilaterali tal-kummerċ dinji billi jkun hemm aktar aċċess għas-swieq, jiġu msaħħa ir-regoli tal-kummerċ u li tingħata importanza xierqa lill-bżonnijiet tal-pajjizi li qegħdin jiżviluppaw.
Malta taqbel ukoll li għandhom jibdew in-negozjati fuq l-investiment, il-kompetizzjoni, it-trade facilitation u t-trasparenza fil-governabbilita’.
Il-Gvern Malti kellu xi osservatur li attenda għall Progressive Governance Conference li ġiet organizzata f'Londra riċentement u li għaliha attendew fost oħrajn il-Prim ministru Ingliż u l-Ex President Amerikan Bill Clinton?
Response (BORG, JOE)
Il-Gvern Malti ma kellu l-ebda osservatur għall-Konferenza li l-Onoreovli Interpellant qed jagħmel riferenza għaliha.
Kemm hemm Gvernijiet apparti mill-Portugal li wiegħdu lil Malta appoġġ għal sitt membri fil-Parlament Ewropew?
Response (BORG, JOE)
Il-provvedimenti tat-Trattat Kostituzzjonali kif stabbilit mill-Konvenzjoni Ewropea jirreferu għal minimu ta' erba' deputati fil-Parlament Ewropew minn kull pajjiż membru. Il-Portugall huwa fost dawk il-pajjiżi li ma jaqbilx ma' din il-proposta, u jafferma wkoll li Malta għandu jkollha sitt membri. Numru ta' Gvernijiet oħra huma wkoll kontra minimu ta' erba' membri iżda huwa kmieni wisq biex wieħed jagħti aktar dettalji dwar il-pożizzjoni tagħhom fuq din il-materja għall-Konferenza Intergovernattiva, u fuq kif jaħsbuha dwar in-numru ta' Membri Parlamentari Ewropej li Malta għandu jkollha.
Prim Ministri barranin — Stediniet għal żjara f'pajjiżna
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm stediniet pendenti li saru mill-gvern Malti lill-Prim Ministri barranin biex iżuru pajjiżna? Liema hum?
Response (BORG, JOE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi stediniet uffiċċjali lill-Prim Ministri barranin isiru mill-Gvern Malti f'ċirkostanzi u mumenti politiċi opportuni intisi biex jissaħħu u jikkonsolidaw ir-relazzjonijiet internazzjonali ta' Malta. F'dan il-kuntest, inviti formali għal żjarat f'Malta nħarġu lill-Prim Ministri tad-Danimarka, ta' l-Eġittu, tal-Libja u ta' New Zealand.
Hemm ukoll diversi inviti pendenti oħra illi s'issa għadhom ma ġewx magħmula b'mod formali.
President tar-Repubblika — Żjarat statali lejn pajjiżi barranin
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm żjarat statali pendenti tal-President tar-Repubblika lejn pajjiżi barranin? Kemm minnhom ġew ikkonfermati u jekk fl-affermattiv, meta mistennija jsiru?
Response (BORG, JOE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-President tar-Repubblika għandu numru ta' żjarat statali pendenti u minnhom s'issa ġiet konfermata waħda. Din hija ż-żjara statali lejn l-Italja u hija mistennija li sseħħ fil-bidu tas-sena d-dieħla.
Jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li se jiġi rinegozjat il-ftehim bejn l-Albanian committee on adoptions u l-counterpart tiegħu f'pajjiżna? Jekk iva, fiex wasal dan il-proċess?
Response (BORG, JOE)
Il-ftehim li jirregola l-addozzjonijiet bejn Malta u l-Albanija li kien iffirmat fit-30 ta' Lulju tas-sena 1996, għadu fis-seħħ u mhux qed jiġi rinegozjat.
Jista' il-Ministru jgħid jekk sarux xi proposti lill-Gvern Malti biex jappoġġja sehem minn aktar pajjiżi tal-Mediterran fil-5+5 (Western Mediterranean Forum)? Jekk iva, minn min saru, liema pajjiżi jikkonċernaw u x'kienet ir-reazzjoni tal-Gvern Malti?
Response (BORG, JOE)
Waqt il-Presidenza Libjana tal-5+5, is-Segratarju tal-Kumitat Ġenerali tal-Poplu għar-relazzjonijiet Barranin u Koperazzjoni Internazzjonali, Abdel Rahman Shalgam kitibli (fit-18 ta' Frar 2003) fejn ippropona li jiddaħħlu l-Eġittu u l-Greċja f'dan il-Forum.
Fir-risposta tiegħi, jien indikajt li l-kwistjoni tat-tkabbir ta' dan il-Forum għandha titqies fil-kuntest ta' fora reġjonali oħra eżistenti. Jien issuġġerejt inoltre li din il-kwistjoni, kif ukoll il-kriterji li a bażi tagħhom jikkwalifikaw membri ġodda fil-preċess jistgħu jkunu ndirizzati informalment waqt il-laqgħa ministerjali li jmiss.
Kunsill Ewropew — Final comprehensive motoring report
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm kellhom isiru jew saru Peer Reviews mill-Kummissjoni Ewropea dwar Malta bi tħejjija għall-Final Comprehensive Motoring Report li għandu jiġi sottomess lill-Kunsill Ewropew sitt xhur qabel l-adeżjoni ta' Malta fl-Unjoni Ewropea? Dawn il-Peer Reviews liema setturi jkopru u meta saru u/jew se jsiru?
Response (BORG, JOE)
L-informazzjoni li tirrigwarda l-Peer Reviews li saru s'issa ingħatat fil-Mistoqsijiet numri 990 u 991.
S'issa hija prevista viżita oħra dwar il-Peer Review on Veterinary and Phyto f'Settembru li ġej in konnessjoni mal-Final Comprehenive Monetoring Report.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 1051 u cioe' il-gvern irnexxielu jilħaq il-mira tiegħu stess li sa l-aħħar tas-sena 2002 joffri 90% tal-basic public services hekk kif deskritti fl-e-Europe?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-basic public services tal-eEurope - 2003 action plan fihom diversi livelli ta' servizz. L-ewwel zewg livelli huma:
1) provvista ta' informazzjoni dwar is-servizz; u
2) provvista ta' formoli li jistghu jigu stampati u jintbatu bil-posta.
Il-pajjizi kandidati kienu mhegga li sa l-ahhar tas-sena 2003 ikollhom dawn il-basic public services online sa l-ewwel livell. F'dan il-kuntest il-Gvern Malti , fil-fatt, pogga aktar minn 90% tas-servizzi tieghu fuq l-Internet kemm fuq l-ewwel u t-tieni livell, sa Marzu ta' din is-sena. Il-Gvern ghamel pass sostanzjali iehor meta rnexxielu jigbor dawn is-servizzi kollha f'portal wiehed www.gov.mt li fih hemm migbura il-parti l-kbira tas-servizzi fuq iz-zewg livelli msemmija hawn fuq. Dan sar b'hidma kongunta bejn il-Ministeru li kont responsabbli minnu jien f'dak iz-zmien, il-MITTS, ic-CIMU u l-MEU.
Il-pass li jmiss - li l-pajjizi membri huma mistennija jilhqu sa l-ahhar tas-sena 2005 - huwa li dawn il-basic public services jilhqu z-zewg livelli ta' wara jigifieri li l-klijent ikun jista:
1) jwettaq transazzjoni bazika fuq l-Internet (i.e. jghaddi informazzjoni permezz ta' l-Internet);
2) li l-klijent ikun jista jwettaq transazzjoni kompluta fuq l-Internet (i.e. jghaddi l-informazzjoni, jigi awtentikat u kif ukoll [fejn applikabbli) ihallas ghal dak is-servizz)
Il-Gvern bhalissa diga nieda diversi basic public services li jkopru dawn iz-zewg livelli u huwa mistenni li sa l-ahhar ta' din is-sena jkun ukoll lahaq it-tieni mira tieghu li madwar 90% ta' dawn is-servizzi mhux biss ikunu online pero wkoll ikunu kompletament transaction-based.
Bejn is-sena 2002 u s-sena 2003 s'issa, jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm statements ta' l-Unjoni Ewropea li Malta allineat ruħha magħhom fil-Ġnus Magħquda u fl-OSCE?
Response (BORG, JOE)
B'referenza għall-Mistoqsija numru 1213, nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għalhekk it-tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jinvestiga rapporti li wasluli li fl-ambaxxata Maltija ta' Londra hemm uffiċjal għoli li saru rapporti dwaru li qed jibgħat ħafna pakketti personali Għawdex u l-Awstralja minn fuq dahar l-ambaxxata, li juża regolarment it-taxi a spejjeż ta' l-ambaxxata flok it-trasport pubbliku, li juża d-duty officers mobile phone biex iċempel lill-familjari f'Għawdex u li juża ħafna ink cartridges aktar milli jagħmlu impjegati/uffiċjali oħrajn?
Response (BORG, JOE)
Jiena tajt struzzjonijiet sabiex il-kontenut tar-rapporti li waslu lill-Onorevoli Interpellant jiġi indagat. Mill-informazzjoni li twasslitli, jirriżulta illi -
L-uffiċċjal għoli li għalih qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant hu nkarigat mill-Kummerċ, l-Affarijiet dwar l-Unjoni Ewropea, Informazzjoni, l-Istampa, Medikali u l-Komunita' Maltija fil-Kummissjoni Għolja Maltija f'Londra. Huwa jkopri ħafna xogħol li fost oħrajn jinkludi l-użu estensiv bil-posta, attendenza ta' laqgħat uffiċċjali wara l-ħin tax-xogħol, u l-pubblikazzjoni ta' tlett newsletters f'isem l-Kummissjoni Għolja Maltija f'Londra u l-METCO, f'Malta.
(a) mhux minnu li qed jintbagħtu xi pakki personali minn xi uffiċċjal fil-Kummissjoni Għolja Maltija f'Londra indirizzati Għawdex jew l-Awstralja, u li l-ispiża għalihom qed tkun koperta mill-Kummissjoni jew mill-Ministeru;
(b) l-użu ta' taxi huwa ġustifikat meta l-vettura tal-Kummissjoni ma tkunx tista' tintuża biex twassal l-uffiċċjali għal appuntamenti fuq xogħol li jkollhom barra mill-uffiċċju;
(c) l-użu tal-mobile phone ta' l-uffiċċju għal sejħiet Malta huwa ferm limitat kif jidher fil-kontijiet dettaljati li jinsabu f'idejn il-Ministeru, u anki hawn ma jirriżultax li s-sejħiet in kwistjoni saru għal skopijiet personali
(d) l-użu ta' ink cartridges minn uffiċċjal partikolari fil-Kummissjoni huwa ġustifikat minħabba l-fatt li dan l-uffiċċjal huwa nkarigat mill-istampar ta' sikwit ta' fuljetti informattivi għall-użu ta' kummerċjanti, industrijalisti u individwi oħra interessati fit-tixrid ta' tagħrif kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi.
Affarijiet Barranin — Uffiċjali fil-karigi ta' directors general
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk fil-preżent hemmx uffiċjali fil-karigi ta' directors general fil-ministeru ta' l-affarijiet barranin?
Response (BORG, JOE)
Fl-istruttura tal-Ministeru tiegħi, kif inhija mqassma sal-lum, ma jeżisti ebda post approvat fil-livell ta' Direttur Ġenerali fuq Skala 3 ta' l-iskala ta' salarji għal Uffiċċjali Pubbliċi.
Studenti Maltin/Ċiniżi — Mutual recognition of academic degrees
Question
Minħabba l-istudenti Maltin u Ċiniżi li jistudjaw fl-universitajiet rispettivi tagħhom, jista' il-Ministru jgħid jekk jeżistix mutual recognition of academic degrees bejn l-Universita' ta' Malta u l-awtoritajiet edukattivi Ċiniżi li jaf bih il-ministeru?
Response (BORG, JOE)
Bħal issa, Malta għaddejja f'negozjati maċ-Ċina fuq ftehim dwar mutual recognition of academic degrees.
Jista' il-Ministru jgħid x'kuntatti diplomatiċi saru mal-Korea t'Isfel f'dawn l-aħħar xhur? Hemm xi ħsieb ta' koperazzjoni bilaterali ekonomika bejn iż-żewġ pajjiżi?
Response (BORG, JOE)
F'dawn l-aħħar xhur il-kuntatti li saru mal-Korea t'Isfel kienu jinkludu n-nominazzjoni ta' Konslu Onorarju għal Malta fil-Korea t'Isfel kif ukoll iż-żjara ta' l-Ambaxxatur Salvu Borg fi tmiem it-terminu tiegħu bħala Ambaxxatur mhux residenti għall-Korea t'Isfel, li ma' tulha kellu laqgħat mal-Viċi Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Kummerċ u diversi uffiċċjali għolja fil-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin u l-Kummerċ.
Rigward il-koperazzjoni bilaterali ekonomika bejn Malta u l-Korea t'Isfel, f'Ġunju li għadda delegazzjoni ekonomika mill-Korea t'Isfel żaret Malta fejn kellha diversi laqgħat bil-għan li jissaħħu r-rabtiet kummerċjali u l-possibilitajiet ta' investiment ġdid fis-settur industrijali u l-qasam tat-teknoloġija. Il-programm ta' din iż-żjara kien jinkludi 'seminar' organiżżat mill-METCO.
Hemm ukoll il-ħsieb li jinbdew diskussjonijiet dwar il-possibilita ta' twaqqif ta' Kummissjoni Mħallta bejn iż-żewġ pajjiżi.
Il-Gvern Malti qed jippjana xi anti-spam initiatives biex jiġi in line mad-direttiva tal-UE dwar privatezza u kommunkazzjoni elettronika? Il-Gvern iddeċieda jekk jipprovdix xi forma ta' protezzjoni kontra l-ispam lill corporate u individual e-mail users? Il-Gvern jaqbel mal-fehma alternattiva li miżuri ebsin anti-spam ixekklu l-buisness to buisness commerce filwaqt li oħrajn jisħqu dwar il-fatt li e-mail li jkun unsolicited jista' xorta waħda joħloq il-problemi għall-kummerċ elettroniku?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.