Jista' il-Ministru jgħid jekk sarx xi ftehim ta' koperazzjoni konsulari bilaterali ma' xi pajjiż membru ta' l-Unjoni Ewropea sabiex jippermetti lil dan il-consular corps jagħti s-servizz tiegħu lil dawk li ġejjin minn pajjiżi fejn m'għandniex ambaxxati jew career consul u li jkunu qed ifittxu li jiksbu visa għal Malta? Jekk iva, meta sar u ma' min?
Response (BORG, JOE)
Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim ma' pajjiż membru fl-Unjoni Ewropea dwar kooperazzjoni konsulari fuq bażi bilaterali. Permezz ta' dan il-ftehim, l-Ambaxxati u ċerti Konsolati ta' dan il-pajjiż jkunu jistgħu joħorġu visa għal Malta taħt kundizzjonijiet li jkunu qablu bejniethom iż-żewġ pajjiżi.
Mhux eskluż li ftehim bħal dan li għadu qed jiġi diskuss jintlaħaq fil-ġejjieni ma' pajjiżi oħrajn membri ta' l-Unjoni Eworpea.
Peress li n-negozjati għadhom għaddejjin, ma jkunx prudenti li tingħata aktar informazzjoni għalissa.
Ftehim bejn Malta u l-Libja — Kumitat inter-ministerjali
Question
Jista' il-Ministru jikkonferma li kien hemm kumitat inter-ministerjali sabiex jagħmel review tal-ftehim bilaterali bejn Malta u l-Libja ħalli jiġi żgurat li dawn il-ftehim huma konformi ma' l-esiġenzi ta' l-Unjoni Ewropea? Minn min kien kompost?
Response (BORG, JOE)
Nikkonferma li ġie mwaqqaf kumitat inter-ministerjali sabiex jagħmel review tal-ftehim bilaterali bejn Malta u l-Libja ħalli jiġi żgurat li dawn jikkonformaw ma' l-acquis communautaire.
Il-kumitat jikkonsisti minn:
Dr Anthony Borg Barthet, Avukat Ġenerali tar-Repubblika, Kap tal-Kumitat;
Dr Godwin Grima, Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Ġustizzja u Affarijiet Interni;
Dr Josette Zerafa, Direttriċi (legali) Fid-Direttorat ta' l-Unjoni Ewropea;
Mr Patrick V Cassar, Assistent Direttur fid-Direttorat tar-Relazzjonijiet Bilaterali;
Mr Peter Paul Mallia, Desk Officer fid-Direttorat tar-Relazzjonijiet Bilaterali.
Jista' il-Ministru jgħid lil min qed tappoġġja Malta għal siġġu fuq l-Executive board tal-UNESCO fl-elezzjonijiet ta' Ottubru 2003?
Response (BORG, JOE)
L-elezzjonijiet għall-Bord Eżekuttiv tal-UNESCO jsiru b'vot sigriet, u għaldaqstant mhux għaqli li wieħed jistqarr pubblikament lil min Malta se tapoġġja fl-elezzjonijiet li se jsiru lejn l-aħħar ta' Ottubru 2003.
Ċerti pożizzjonijiet li se tieħu Malta f'dawn l-elezzjonijiet għadhom qed jiġu negozjati ma' pajjiżi oħrajn. Madankollu, jiena lest li ngħaddi l-informazzjoni dwar il-ftehim li ntlaħqu sa issa b'mod kunfidenzjali lill-Onorevoli Interpellant.
L-ambaxxati barranin Maltin ġieli ħadu sehem f'xi attivitajiet organizzati minn fondazzjonijiet politiċi barranin fil-pajjiżi konċernati? Jekk iva, meta u x'kien is-sehem tagħna?
Response (BORG, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi x-xogħol diplomatiku ta' Ambaxxatur jinkludi, fost oħrajn l-osservanza u l-istudju mill-qrib u l-interpretazzjoni ta' l-iżviluppi politiċi tal-pajjiż/i li huwa jkun akkreditat għalihom. F'dan is-sens l-Ambaxxaturi, bħala prassi diplomatika, huma mistennija li jattendu konferenzi, seminars u laqgħat politiċi ta' natura akkademika u diplomatika organiżżati minn istituti, fondazzjonijiet jew entitajiet speċjaliżżati fir-relazzjonijiet internazzjonali.
Jekk id-domanda qed tirreferixxi għall-fondazzjonijiet politiċi bħal dawn, allura r-risposta hija fil-pożittiv u l-attendenza mill-Ambaxxaturi hija waħda varja.
Jekk, minn naħa l-oħra, l-Onorevoli Interpellant qed jirreferixxi għall-attivitajiet organizzati minn partiti politiċi fil-pajjiżi akkreditati, allura l-attendenza mill-Ambaxxaturi hija dejjem waħda ta' osservatur diplomatiku u l-attendenza riċenti hija kif ġej:
L-Awstralja
06 - 08 Ġunju, 2003
It-tielet Konvenzjoni tal-Partit Liberali
Il-Ġermanja
23 ta' Mejju, 2003
1 ta' Ġunju, 2003
17 ta' Ġunju, 2003
140 anniversarju ta' l-SPD
SPD Bundesparteitag
CDU Wirtchafstag 2003
L-Ingilterra
14 ta' Ġunju, 2003
"
Conference of Enlargement of the European Union
" miżmuma fil-
House of Commons
L-Italja
24 ta' Frar, 2003
18 - 19 ta' Lulju, 2003
Seminar organiżżat
mill
-Alleanza Nazionale "Mentre l-Europa guarda ad Est. Una politica per il Mediterraneo".
Konferenza organizzata mis-
Socialist International - "Democracy Building in
Iraq".
It-Tuneżija
F'Lulju ta' l-2003
Il-Kungress ta' l-RCD
(Constitutional Democratic Rally)
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm ambaxxati li qed jippjanaw attivitajiet biex ifakkru l-40 sena mill-kisba ta' l-Indipendenza ta' pajjiżna s-sena d-dieħla? Liema huma? Dawn se jkunu kollha sponsored?
Response (BORG, JOE)
Kif ikun xieraq, l-Erbgħin anniversarju mill-kisba ta' l-Indipendenza ta' Malta is-sena d-dieħla se jitfakkar permezz ta' attivitajiet f'Malta, kif ukoll barra minn Malta. Inizjattivi li jiġu ssuġġeriti f'dan ir-rigward mill-Ambaxxati Maltin ta' barra jiġu nkwadrati, fil-waqt propizju, u koordinati mill-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin f'Malta, skond il-bżonn.
Jista' il-Ministru jikkonferma jekk il-MITTS hijiex tikkonsidra li tadotta d-Danish document management system? Jekk iva, x'kuntatti saru ma' l-awtoritajiet Daniżi f'dan ir-rigward?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena infurmat li l-MITTS Ltd mhijiex tikkonsidra li tadotta d-Danish Document Management System.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra is-CV's ta' l-Ambaxxaturi Matlin residenti barra l-pajjiż li nħatru mis-sena 2002 'il quddiem?
Response (BORG, JOE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra is-CVs ta' l-Ambaxxaturi Maltin residenti barra l-pajjiż li nħatru mis-sena 2002 'l quddiem.
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ħatriet t'Ambaxxaturi ġodda flimkien ma dawk li, fil-perijodu msemmi, ġew assenjati pajjiżi ġodda, huma kif jidher hawn taħt:
Isem
Data tal-Ħ
atra
Pajjiż
Mr Carmel J Aquilina
21-03-2002
Copenhagen (minn Madrid)
Dr Joseph Cassar
01-04-2002
Moscow (minn Ruma)
Mr Edward Melillo
16-05-2002
Ruma
Ms Cecilia Attard Pirotta
29-07-2002
Madrid
Dr Abraham Borg
09-08-2002
Albanija, FAO, Iżrael Svizzera
Mr Ives de Barro
01-09-2002
Tunis (minn Canberra)
Mr Alfred Falzon
01-09-2002
Stockholm
Dr Ivan Fsadni
01-09-2002
Canberra
Mr John Lowell
23-01-2003
Washington
Mr Walter Balzan
01-04-2003
Vienna (minn New York)
Mr Victor Camilleri
01-04-2003
New York (minn Brussels)
Mr Saviour Borg
01-07-2003
Geneva (minn Beijing)
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-aħħar żviluppi dwar il-fifth financial protocol Taljan?
Response (BORG, JOE)
Il-Ħames Protokoll dwar Assistenza Ekonomika, Teknika u Finanzjarja qiegħed taħt l-eżami tal-Kummissjoni għall-Affarijiet Barranin tas-Senat Taljan.
Hekk kif is-Senat jerġa' jiftaħ wara l-btala tas-sajf, il-Protokoll, wara li jkun approvat mill-istess kummissjoni, għandu jkun ippreżentat lis-Senat sabiex jittieħed vot fuqu.
Wara s-Senat ikun għad jonqos li l-Protokoll jgħaddi minn proċedura simili fil-Parlament Taljan, jiġifieri l-ewwel jiġi kkunsidrat mill-Kummissjoni għall-Affarijiet Barranin tal-Parlament biex imbagħad jitressaq għall-vot parlamentari.
Kemm, liema kienu u meta ġew fil-portijiet tagħna vapuri tal-gwerra li kienu nuclear powered?
Response (BORG, JOE)
Bejn l-2001 sal-lum, daħlu Malta żewġ sottomarini li jaħdmu b'enerġija nukleari. Dawn kienu s-sottomarin Ingliż Superb f'Novembru 2001 u dak Amerikan Dallas f'Settembru 2002. Dan ta' l-aħħar kien daħal fl-ibħra territorjali Maltin, iżda mhux fil-port.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 1271 tista' twieġeb it-tieni parti tal-mistoqsija li kienet issaqsi x'livell ta' koperazzjoni militari hemm bħalissa ma l-Ingilerra u x'livell mistenni jintlaħaq f'dan il-qasam fil-ġejjieni qarib?
Response (BORG, JOE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jindirizza l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Qasam tas-servizzi finanzjarji — ICT Based services
Question
Billi l-MFSA qed tagħmel tajjeb li tinkoraġixxi l-iżvilupp ta' ICT Based Services fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi koperazzjoni mal-ministeru tiegħu f'dan ir-rigward?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħti aktar dettalji dwar xi jrid ifisser bit-termini ICT based services li qed tizviluppa l-MFSA, sabiex inkun nista' inwieġeb il-mistoqsija bl-aħjar mod possibli.
Jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex mistenni s-sehem Malti fit-Thessaloniki Exhibition dwar l-10 acceding countries ta' l-Unjoni Ewropea? Jekk iva, kemm se jiġi jiswa sehem il-gvern Malti?
Response (BORG, JOE)
Qiegħed nassumi li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għat-68 edizzjoni ta' l-Esebizzjoni Internazzjonali ta' Thessaloniki li nżammet bejn is-sitta u l-erbagħtax ta' Settembru, 2003.
Sallum Malta qatt ma ħadet sehem f'din l-Esebizzjoni, u ma jidhirx li hemm interess mis-setturi relevanti biex jieħdu sehem.
Din is-sena il-European Centre of Communication and Culture, ibbażat f'Thessaloniki qed jorganiżża manifestazzjoni dwar l-għaxar pajjiżi ġodda fl-Unjoni Ewropea.
L-Ambaxxata Maltija f'Ateni pprovdit il-materjal publiċitarju dwar Malta mitlub mill-organiżżaturi biex jintwera f'jum Malta, ma dawk ta' pajjiżi oħra.
Ma kienx hemm spejjeż peress li l-organiżżaturi qed joffru dan is-servizz bla ebda ħlas.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm pajjiżi li ġew avviċinati minn Malta għall-appoġġ għall-kandidatura tagħha għall-IMO council?
Response (BORG, JOE)
Malta avviċinat lill-pajjiżi kollha, li huma membri sħaħ ta' l-Organiżżazzjoni Internazzjonali Marittima u li jammontaw għal mija u disgħa u ħamsin, biex jappoġġjaw il-kandidatura Maltija għall-Kunsill ta' l-IMO.
Il-Gvern Malti qed jippjana xi anti-spam initiatives biex jiġi in line mad-direttiva tal-UE dwar privatezza u kommunkazzjoni elettronika? Il-Gvern iddeċieda jekk jipprovdix xi forma ta' protezzjoni kontra l-ispam lill corporate u individual e-mail users? Il-Gvern jaqbel mal-fehma alternattiva li miżuri ebsin anti-spam ixekklu l-buisness to buisness commerce filwaqt li oħrajn jisħqu dwar il-fatt li e-mail li jkun unsolicited jista' xorta waħda joħloq il-problemi għall-kummerċ elettroniku?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant lill-Ministru kkonċernat.
Dwar is-Servizz Pubbliku l-Gvern diġà ħa passi sabiex jirriduċi l-volum ta’ “spam” li jasal għand l-uffiċjali li għandhom l-“e-mail account”.
Sptar Mater Dei — Offerta għal xiri ta' apparat mediku
Question
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 1193, jista' il-Ministru jgħid jekk saritx diskussjoni mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Taljan dwar l-offerta għal xiri ta' apparat mediku minn Consortium Taljan għall-isptar Mater Dei?
Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 1213 u cioe' jgħid bejn is-sena 2002 u s-sena 2003 s'issa, jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm statements ta' l-Unjoni Ewropea li Malta allineat ruħha magħhom fil-Ġnus Magħquda u fl-OSCE?
Response (BORG, JOE)
Bejn l-1 ta' Jannar 2002 u l-11 ta' Lulju 2003, id-data tal-Mistoqsija ta ' l-Onorevoli Interpellant, Malta alineat ruħha ma' mitejn u ħamsa u ħamsin stqarrija ta' l-Unjoni Ewropea li saru fil-laqgħat tal-Ġnus Magħquda fi New York, kif ukoll ma' tliet mija u wieħed u erbgħin stqarrija li l-Unjoni Ewropea għamlet fil-laqgħat ta' l-OSCE.
X'ħidma saret mit-Technology Venture Fund mindu twaqqaf? Kemm intlaqgħu applikazzjonijiet? Kemm minnhom ġew ipproċessati favorevolment? Min huwa responsabbli għad-deċiżjonijiet eżekuttivi u konsultattivi ta' dan il-fund?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li minn mindu twaqqfet it-Technology Venture Fund kien hemm proċess ta’ konsultazzjoni u laqgħat ma' diversi stakeholders.
Sa llum kien hemm 6 applikazzjonijiet li minnhom gew approvati 4, waħda ma ġietx approvata u l-klijent ta’ l-aħħar waħda għad irid jgħaddi aktar informazzjoni.
Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet ma' 6 klijenti oħra li wrew interess għall-assistenza mit-Technology Venture Fund.
Id-deċizjonijiet eżekuttivi jittieħdu mill-Bord tad-Diretturi tal-MDC u l-IPSE filwaqt li dawk konsultattivi jittieħdu mill-Board of Governors tat-Technology Venture Fund.