Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dipartiment ta' l-Ekonomija — Esportazzjoni ta' prodotti Maltin

Question

Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra x'kienu r-riżultati li rnexxielu jagħmel id-Dipartiment ta' l-Ekonomija fi ħdan il-Ministeru f'termini ta' kuntratti, xogħol, investiment jew ordnijiet ta' prodotti Maltin għall-esportazzjoni? F'kull każ, jista' il-Ministru jikkonsidra li dan l-esperiment kien ta' suċċess? Kemm tammonta l-ispiża totali (salarji, safar u spejjeż oħra) li għamel dan id-dipartiment minn kemm ilu li twaqqaf?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-għan ewlieni tad-Diviżjoni tal-Politika Ekonomika huwa li tipprovdi pariri tekniċi lill-Gvern fit-tfassil tal-politika ekonomika tiegħu u fl-immaniġġjar tad-diversi oqsma tal-ekonomija. Id-Diviżjoni, għandha wkoll ir-responsabbilta’ ta’ relazzjonijiet ekonomiċi internazzjonali, filwaqt li d-Direttorat tas-Sorveljanza tas-Suq huwa responsabbli għall-koordinazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ sorveljanza tas-suq u tat-tfassil ta’ programmi settorali ta’ sorveljanza tas-suq. Għalhekk id-Diviżjoni m’hijiex direttament responsabbli għall-kuntratti, xogħol, investiment jew ordnijiet ta’ prodotti Maltin għall-esportazzjoni.

Antennas ta' mobile phones

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jinforma lill-Kamra jekk l-antennas tal-mobile phone li hemm installati viċin il-bini tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin ġewx imwaħħla wara konsultazzjoni ma' esperti kompetenti ta' l-Awtorita' tas-Saħħa u li tħares lill-ħaddiema mill-perikli? U f'kull każ, jista' jinforma kemm hi l-qawwa ta' raġġi li dawn l-antennas jittrasmettu fl-inħawi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Skond il-parametri stabbiliti r-rapport interministerjali maħruġ f’Awissu 2000, bit-titolu “Report on Recommendations for Limiting Human Exposure to Time – Varying Electric Magnetic and Electromagnetic Fields in the Frequency Range from Ohz to 300GHz”. Il-każ imsemmi mill-Onor. Interpellant ma jaqgħax taħt ir-responsabbilta’ ta’ l-Awtorita’ għas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol.
Leg 10 PQ #1537 Sitting 35 2003-09-29 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Vetturi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm għandu karozzi fil-Ministeru kollu nklużi l-ambaxxati? Kemm minnhom jaħdmu bil-petrol u kemm minnhom jaħdmu bid-diesel? Kemm għandu xufiera jew impjegati oħra mal-ministeru (inklużi l-ambaxxati) li jsuqu l-istess karozzi? Kemm saru inċidenti fuq l-istess karozzi f'dawn l-aħħar ħames snin u cioe' minn Settembru 1998 sa Awissu 2003? Kemm tammonta l-ispiża totali? Kemm tammonta l-ispiża ta' insurance premiums li jħallas il-ministeru għall-istess karozzi?

Response (BORG, JOE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Ministeru taż-Żgħażagħ u Kultura — Inizjattivi favur iż-żgħażagħ

Question

Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra x'kienu l-inizjattivi internazzjonali li ħa jew li qed jagħmel il-Ministeru favur iż-żgħażagħ minn wara l-elezzjoni 2003? F'kull każ, ittieħdu passi sabiex issir konsultazzjoni ma' Ministeri jew għaqdiet ta' NGO's li fihom hemm l-interessi taż-żgħażagħ fuq is-suġġett?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn wara l-elezzjoni 2003 : 1. Ġie mwaqqaf is-Segretarjat tal-Euromed Youth Platform. Malta ħadet l-inizjattiva li l-kwartieri ġenerali tal-Platform ikunu hawn Malta permezz ta' fondi mill-Unjoni Ewropea u b-koperazzjoni mill-Ministeru għaż-żgħażagħ u Kultura. L-għan ta' dan il-Platform huwa li jġib flimkien żgħażagħ mill-Ewropa u mill-Mediterran. Dan il-platform ġie varat Malta bejn is-17 u l-21 ta' Settembru 2003 permezz ta' laqgħa għal madwar 100 żagħżugħ u żagħżugħa mill-pajjiżi firmatarji tad-dikjarazzjoni ta' Barcellona kif ukoll mill-pajjiżi li ser jissieħbu fl-Unjoni Ewropea s-sena ddieħla. 2. B'inizjattiva bejn il-Kunsill ta' l-Ewropa u l-Gvern Malti, 30 youth leader minn diversi għaqdiet internazzjonali ġew Malta għal żjara ta' xahar. Matul din iż-żjara dawn il-Youth Leaders attendew kors ta' taħriġ li kien immirat biex jingħataw tagħlim fil-lingwa Ingliża partikolarment fuq terminoloġija relatata ma' xogħol fil-qasam taż-żgħażagħ; Jagħti l-faċilita' lill-parteċipanti biex : jsiru jafu aktar dwar il-ħajja politika, soċjali u kulturali ta' Malta; jiffamiljarizzaw ruħhom mad-diversi asptti tal-qasam taż-żgħażagħ fuq livell lokali, nazzjonali u internazzjonali. Jinkoraġixxi kuntatt bejn għaqdiet Ewropej taż-żgħażagħ; Jippromwovi aktar mobilita' fost iż-żgħażagħ. 3. 55 żagħżugħ/a Maltin ipparteċipaw mill-programm ta' skambji organizzati mill-Ministeru taż-Żgħażagħ u Kultura f'international youth meetings fil-Ġermanja u fl-Italja; 4. 6 Youth Leaders Maltin minn diversi għaqdiet mhux governattivi attendew training course ġewwa Peseckendorf fil-Ġermanja fuq stedina tal-Council of cultural youth education in the land Saxony-Anhalt, Germany. Diversi għaqdiet Maltin ġew mistiedna jinnominaw parteċipant; 5. Żewġ delegati żgħażagħ ser jirrapreżentaw lil Malta fil-First Education Youth Summit of the Commonwealth fl-Iskozja. Id-delegati ġew magħżula mill-Junior College. 6. Fil-ġranet li ġejjin mistennija tiġi delegazzjoni Ċiprijotta biex ikomplu jsiru laqgħat bl-iskop li jissaħħu r-relazzjonijiet eżistenti bejn dawn iż-żewġ pajjiżi fil-qasam taż-żgħażagħ. Għal din iż-żjara qed issir konsultazzjoni mal-Young Enterprise. 7. Fis-settur kulturali saret ħidma sabiex jiżdiedu l-opportunitajiet għal parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u l-aċċessibilita’ tagħhom għal siti storiċi fost dawn kien hemm il-kunċerti tat-12 ta’ Settembru b’ħidma ma’ Summer Schools, Workshops fiċ-Ċentru ta’ Kreattivita’ ta’ San Ġakbru. Matul dawn ix-xhur saret ħidma sabiex : Jitfassal il-programm ta’ ħidma għas-sena li ġejja. Il-ħsieb hu li jsiru aktar proġetti ta’ outreach f’lokalitajiet fejn jiltaqgħu ż-żgħażagħ u li d-Dipartment taż-żgħażagħ jaħdem akar fuq proġetti ta’ sħubija ma organizazzjonijiet bħal Sedqa. Matul dawn ix-xhur kompla għaddej ix-xogħol fuq it-tfassil ta’ politika nazzjonali għaż-żgħażagħ. Għall-ewwel darba din ser tkun bbażata fuq metodoloġija stabbilita’ mill-Kunsill ta’ l-Ewropa. Review team magħmul minn esperti żar Malta u tkellem ma’ diversi stakeholders. It-tfassil ta’ din il-politika issa wasal fi stadju avvanzat. Nhar is-Sibt 4 ta’ Ottubru sejjer ikun organizzat seminar ta’ konsultazzjoni ma’ għaqdiet.

Raħal Ġdid — Każ ta' housing

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jinvestiga l-każ ta' housing (file no. H17965) billi l-persuni konċernata toqgħod f'garage li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li spetturi ta’ l-Awtorita’ tad-Djar għamlu diversi tentattivi biex jispezzjonaw il-garage fejn kien iddikjara li joqgħod l-applikant, anke wara li għamlu appuntament, iżda qatt ma ġew murija l-post. Barra minn hekk ġew infurmati li ħadd ma joqgħod f’dan il-garage. Għalhekk l-applikazzjoni ġiet kanċellata.
Leg 10 PQ #1528 Sitting 34 2003-09-24 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Spiża tas-safar

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża tas-safar tal-Ministeru minn Jannar 2003 sal-lum? Kemm għad fadal fondi għas-safar mill-allokazzjoni tal-Budget? Kemm mill-ispiża tas-safar intnefqu mill-Ministru u s-Segretarju Privat, mis-Segretarju Permanenti, mid-Direttorat Multilaterali u mid-Direttorat Bilaterali? Jista' jgħid x'riżultat tanġibbli nġieb minn dan is-safar?

Response (BORG, JOE)

L-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 10 PQ #1529 Sitting 34 2003-09-24 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ambaxxaturi/Kummissarji għolja Maltin — Laqgħat

Question

Jista' il-Ministru jelenka l-laqgħat li kellhom l-Ambaxxaturi/Kummissarji Għolja Maltin rappreżentanti permanenti residenti f'Ruma, Londra, Moska, Stockholm, Copenhagen, The Hague, Ateni, Madrid u Canberra matul dawn l-aħħar sentejn? X'kienu s-suġġetti diskussa, ma' min saru l-laqgħat u x'ħareġ konkret minn dawn il-laqgħat?

Response (BORG, JOE)

Il-laqgħat li kull rappreżentant permanenti Malti li qed iservi barra minn Malta ikollu waqt il-qadi ta' dmirijietu huma kotrana u ta' kull xorta. L-eżerċizzju biex jinġabar tagħrif dettaljat dwar kull laqgħa li kellhom dawk ir-rappreżentanti permanenti indikati mill-Onorevoli Membru f'dawn l-aħħar sentejn huwa massiċċ. Għaldaqstant, sakemm ma ningħatax raġuni għaliex qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar l-informazzjoni mitluba.
Leg 10 PQ #1530 Sitting 34 2003-09-24 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Xiri ta' karozzi ġodda

Question

Jista' il-Ministrujgħid kemm inxtraw karozzi ġodda mill-Ministeru matul dawn l-aħħar sena u nofs u x'tip ta' karozzi nxtraw? Għal min inxtraw u kemm kienet l-ispiża biex inxtraw dawn il-karozzi?

Response (BORG, JOE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 10 PQ #1531 Sitting 34 2003-09-24 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Uffiċjali ntitolati għall-fuel b'xejn

Question

Jista' il-Ministru jgħid min huma dawk l-uffiċjali fil-Ministeru li huma ntitolati għall-petrol u/jew diesel b'xejn? X'kienet in-nefqa għal dawn il-fuels matul dawn l-aħħar sentejn? Jista' jelenka din in-nefqa skond kull uffiċjal?

Response (BORG, JOE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 10 PQ #1532 Sitting 34 2003-09-24 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Manutenzjoni tal-lift

Question

Peress li f'mistoqsija parlamentari 32801 il-Ministru nforma lill-Kamra li l-ispiża għall-manutenzjoni għal lift tal-Ministeru kienet laħqet Lm1,916 fuq perjodu ta' tliet snin u nofs sa Marzu 2002, jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra kemm intnefqu flus fuq il-lift minn April 2002 sa Lulju 2003 u kemm-il darba waqaf jaħdem l-istess lift matul l-istess perjodu? Jista' iserraħ ras il-ħaddiema ta' l-istess Ministeru li l-ispejjeż li qed jintnefqu fuq il-lift m'humiex flus fil-ħela iżda investiment sabiex titnaqqas l-inkonvenjenza li ta' spiss hija ta' uġiegħ ta' ras għal min jaħdem fl-istess bini?

Response (BORG, JOE)

Matul il-perijodu indikat fil-Mistoqsija intefqu LM1,093.44 fuq il-lift. Fl-istess perjodu l-lift waqaf 65 darba. Nixtieq inserraħ ras l-Onorevoli kollega li l-flus li jintefqu fuq il-lift sabiex dan jinżamm fl-aħjar stat ta' effiċjenza possibbli huma kollha meqjusa bħala investiment għall-kumdita ta' l-impjegati.
Leg 10 PQ #1533 Sitting 34 2003-09-24 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Soqfa/bini strutturali

Question

Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-perit tal-Gvern jew tal-privat qattx sabu xi diffikulta' sabiex jiċċertifikaw li s-soqfa jew xi bini strutturali tal-Ministeru kien jinsab f'kondizzjoni perikoluża? Jekk le, jista' jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra ir-rapporti li saru mill-istess periti dwar l-istat tas-soqfa tal-Ministeru?

Response (BORG, JOE)

Jien infurmat illif'dawn l-aħħar snin ma ntalabx li jsir rapport dwar l-istat tas-saqaf tal-Ministeru. Ħemm il-ħsieb li jsir survey ta' Palazzo Parisio qabel ma jsir il-proġett ta' l-estenzjoni tal-bini tal-Ministeru.

MOBC — Uffiċjal għoli

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li uffiċjal għoli tal-MOBC qed iservi wkoll bħala fuel consultant għall-korporazzjoni Enemalta? Jekk iva, kemm jagħti ħin servizz fil-ġimgħa u kemm jitħallas tal-konsulenza tiegħu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li uffiċjal tal-MOBC bħalissa qed iservi wkoll bħala konsulent taċ-Chairman u l-Bord tal-Korporazzjoni. Il-konsulent jiġi mgħajjat skond l-esiġenzi u l-ħteġijiet taċ-Chairman u l-Bord u qed jesiġi xogħol speċifikat. Ir-remunerazzjoni tiegħu hi ta’ Lm8,000 fis-sena.
Leg 10 PQ #1523 Sitting 33 2003-09-24 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għat-Turiżmu

MTA — Infiq mhux awtorizzat f'wieħed mill-uffiċini

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet dwar infiq allegatament mhux awtorizzat f'uffiċċju tal-MTA? Jikkonferma li l-uffiċċju konċernat kien dak ta' Amsterdam? Huwa minnu li l-persuna nkarigata minnu spiċċat ħadet promotion għal director international affairs?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-investigazzjonijiet jinsabu fi stat avvanzat u hemm persuna sospiża. Mhix etika għalhekk li f'dan l-istadju nagħti aktar tagħrif.
Leg 10 PQ #1524 Sitting 33 2003-09-24 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għat-Turiżmu

MTA — Infiq ta' flus fuq overseas travel

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm intnefaq fuq overseas travel mill-MTA is-sena li għaddiet u din is-sena s'issa? Kemm intnefaq fuq konsulenti fl-istess medda ta' żmien? Kemm hemm ħaddiema tal-MTA koperti b'personal insurance schemes privati a spejjeż tal-MTA innifisha?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

San Ġwann — Vjal ir-Rihan - zebra crossing

Question

B'riferenza għaż-zebra crossing li hemm Vjal ir-Rihan San Ġwann bejn id-Delta Home Centre u l-ex BDS Showroom, jista' il-Ministru jgħid x'passi beħsiebu jieħu l-gvern billi din iż-zebra crossing hija unsafe kemm għall-adulti u t-tfal li jużawha matul il-jum? Jikkonferma li kien hemm nies li ġarrbu inċidenti proprju f'din iż-zebra crossing minħabba l-location tagħha? Huwa minnu li saret xi talba mill-kunsill lokali biex isiru xi alterazzjonijiet għal din iż-zebra crossing location u jekk iva, x'inhi l-pożizzjoni tal-gvern ċentrali? Għaliex ma saritx centre strip fl-area meta hemm centre strip fil-kumplament tat-triq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi l-Awtorita' dwar it-Trasport u l-Kunsill Lokali ta' San Ġwann qegħdin f'kuntatt biex jaraw hemmx lok li z-zebra crossing imsemmija ssir Pelican Crossing, peress illi, minn meta tneħħa l-parking area, it-triq twessgħat, bil-konsegwenza li l-vetturi qed jgħaddu b'aktar veloċita. S'issa l-Awtorita' għad m'għandha l-ebda rapport dwar każi ta' inċidenti f'din il-lokalita.
Leg 10 PQ #1526 Sitting 33 2003-09-24 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Maltin Awstraljani — Passaport Malti

Question

Jikkonferma l-Ministru li Maltin Awstraljani li jakkwistaw passaport Malti mill-uffiċċju tal-Kummissjoni Għolja fl-Awstralja wara li jibagħtu għadd ta' dokumenti mitluba, qegħdin isibu li fil-fatt l-applikazzjoni tagħhom għall-passaport u ċittadinanza doppja ma jfissru xejn meta dawn imorru Malta? Jekk dan huwa minnu, dan ma jfissirx li l-gvern Malti mhuwiex jirrispetta d-deċiżjonijiet ta' l-istess nies li jibgħat huwa stess f'Canberra f'ambaxxata li tqum lill-poplu Malti eluf kbar ta' liri kull sena? Jaf ukoll li meta dawn il-Maltin mill-Awstralja jiġu Malta b'passaport li jkun maħruġ minn idejn uffiċjali governattivi Maltin f'Canberra, xorta waħda qegħdin jintbagħtu Kastilja meta jmorru biex japplikaw għal xi liċenzja tas-sewqan jew ID card sabiex jakkwistaw ċertifikat li juri li fil-fatt għandhom tassew ċittadinanza doppja?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Membru li l-unika Awtorita` li tista` tikkonferma bil-miktub li persuna tgawdi d-dritt ta` ċittadinanza doppja huwa d-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u ta` l-Expatriates. Li jiġri f`pajjiżi barra minn Malta (u mhux fl-Awstralja biss), l-Ambaxxati jew il-Kummissjonijiet ta` Malta joħorġu passaport Malti lil dawk il-persuni li jidhru li jikkwalifikaw biex iżommu żewġ ċittadinanzi. F`Malta, meta dawn il-persuni japplikaw għal xi servizz minn xi Dipartiment tal-Gvern jew Entita` oħra jiġu mitluba biex jipprovdu ittra mid-Dipartiment taċ-Ċittadinanza li tikkonferma li huma għandhom dritt iżommu żewġ ċittadinanzi. Ir-rwol tad-Dipartiment taċ-Ċittadinanza huwa li joħroġ tali konferma. Dan iżda ma jfissirx li l-passaport Malti mhux validu jew ma jiswa xejn kif qed jipprova jagħti l-impressjoni l-Onor. Interpellant.
Leg 10 PQ #1527 Sitting 33 2003-09-24 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ambaxxaturi f'Ruma

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża matul dawn l-aħħar sena u nofs biex żammejna żewġ ambaxxaturi f'Ruma? Fl-isfond tal-problema finanzjarja li qed jiffaċċja pajjiżna, ma kienx ikun aktar għaqli kieku ħallejna ambaxxatur wieħed ġewwa Ruma minflok tnejn, peress li x-xogħol li hemm fl-ambaxxata Maltija f'Ruma jista' faċilment isir minn ambaxxatur wieħed kif kien isir fl-imgħoddi?

Response (BORG, JOE)

Ilu bosta snin li Malta għandha żewġ Ambaxxaturi joperaw minn ġewwa l-Ambaxxata Maltija f'Ruma: sas-sena l-oħra, wieħed minn dawn l-Ambaxxaturi akkreditat għall-Italja, għall-Albanija, għall-Iżrael u għall-Isvizzera, flimkien ma' numru ta' organiżżazzjoni internazzjonali, filwaqt li kien hemm Ambaxxatur ieħor li kien akkreditat għall-Organiżżazzjoni Dinjija ta' l-Ikel (FAO). Is-sena l-oħra, inħasset il-ħtieġa li jsir tqassim aħjar tar-responsabbiltajiet rispettivi, u għalhekk illum il-ġurnata għandha Ambaxxatur akkreditat għall-Italja u għal San Marino filwaqt li l-responsabbiltajiet l-oħrajn huma f'idejn l-Ambaxxatur l-ieħor. Ghalhekk, ma naqbel xejn ma' dak li qed isostni l-Onorevoli Interpellant illi x-xogħol fl-Ambaxxata Maltija ġewwa Ruma kien isir, kif ukoll li faċilment jista' jsir, minn Ambaxxatur wieħed.
Leg 10 PQ #1484 Sitting 32 2003-09-23 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM — Sehem ta' Platoon Malti fl-RDF

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'kien l-eżitu tad-diskussjonijiet li saru bejn l-AFM u l-Missjoni Militari Taljana lejn tmiem Lulju dwar is-sehem ta' Platoon Malti mal-Kontinġent Taljan fir-Rapid Deployment Force ta' l-Unjoni Ewropea?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Filwaqt li nikkonferma li f’Lulju li għadda saru taħdidiet dwar is-suġġett, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-taħdidiet għadhom għaddejjin u qegħdin isiru mal-Ministeru tad-Difiża Taljan.
Leg 10 PQ #1485 Sitting 32 2003-09-23 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Entitajiet Maltin — Outstanding payments minn naħa Libjana

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-ammonti outstanding li għad għandhom id-diversi entitajiet Maltin x'jiġbru min-naħa Libjana? Jista' jagħti d-dettalji sħaħ kif ukoll tal-perjodu ta' dawn il-pendenzi?

Response (BORG, JOE)

Minħabba li l-entitajiet Maltin li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant huma fil-maġġor parti entitajiet kummerċjali, ma nħossx li hu xieraq li nagħti figuri speċifiċi li huma ta' natura kummerċjali u, għaldaqstant, kunfidenzjali. Madanakollu, il-figura globali li għandhom jieħdu dawn l-entitajiet min-naħa Libjana taqbeż is-seba' miljun lira u nofs Maltin. Ma għandi l-ebda diffikulta pero li ngħaddi konfidenzjalment l-informazzjoni mitluba lill-Onorevoli Interpellant.
Leg 10 PQ #1486 Sitting 32 2003-09-23 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Koperazzjoni bejn l-Italja u l-Libja — Immigrazzjoni illegali

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kienu d-dettalji tal-briefing li Malta ngħatat bħala acceding country ta' l-Unjoni Ewropea min-naħa Taljana dwar il-koperazzjoni eżistenti bejn l-Italja u l-Libja dwar l-immigrazzjoni illegali?

Response (BORG, JOE)

L-Italja kellha diskussjonijiet ta' natura bilaterali mal-Libja iżda ma ngħatawx dettalji ta' dawn id-diskussjonijeit lill-Istati Membri l-oħra. Dawn id-diskussjonijiet wasslu sabiex l-Italja titlob lill-Unjoni Ewropea biex, l-Unjoni Ewropea tibgħat, għat-tieni darba, delegazzjoni fil-Libja għal aktar diskussjonijiet. It-terms of reference ta' din id-delegazzjoni ġew diskussi mill-Istati membri u l-acceding countries f'Lulju li għadda. Malta qegħda tipparteċipa sa fejn possibbli fl-inizjattivi ta' l-Unjoni Ewropea fir-rigward ta' l-immigrazzjoni illegali.