Jista' il-Ministru jikkonferma jew jiċħad jekk huwiex minnu li saret rappreżentanza minn ambaxxatur barrani residenti f'Malta u li anke ġie ppreżentat dokument dwar l-operat/attitudni ta' wieħed mid-diplomatiċi Maltin residenti f'Tuneż? Jekk il-Ministru jikkonferma dan, jista' jgħid x'passi ttieħdu u x'kien il-każ?
Response (BORG, JOE)
Jiena nfurmat illi, xi xhur ilu, kien sar ilment verbali minn wieħed mill-Ambaxxaturi barranin residenti f'Malta dwar inċident li kien seħħ barra minn Malta fejn diplomatiku Malti kien qal xi diskors li kien urta lil uffiċċjal għoli tal-pajjiż konċernat, waqt li dawn it-tnejn kienu qed isuqu l-karozzi rispettivi tagħhom fit-toroq tal-belt kapitali. Intenni illi l-ilment li sar kien wieħed verbali u l-awtoritajiet tal-pajjiż konċernat dejjem qalulna illi ma xtaqux illi jagħmlu rapport formali. Għaldaqstant, qatt ma ġie ppreżentat xi dokument miktub lill-awtoritajiet Maltin dwar l-inċident, kif semma l-Onorevoli Interpellant.
Id-diplomatiku involut f'dan l-inċident ġie nfurmat li kien tressaq ilment b'mod informali mill-awtoritajiet tal-pajjiż fejn qiegħed iservi u huwa kien imwissi sabiex jassigura ruħu illi bħala diplomatiku Malti jżomm id-dekor ta kariga tiegħu f'kull ħin, u jiddeporta ruħu sew ma' kull min jagħmilha miegħu.
B'riferenza għall-posting order nru. 3/2003, jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ċerti diplomatiċi ngħataw extension tal-posting tagħhom li tvarja bejn sentejn u tliet snin? Ma jaħsibx li b'dawn l-extensions qed iwassal messaġġ ħażin lid-diplomatiċi fis-sens li jekk inti għandek il-parrinu tista' tingħata extension u tibqa' fil-post għal kemm trid?
Response (BORG, JOE)
Niskanta kif l-Onorevoli Interpellant qed iqiegħed il-postings ta' uffiċċjali fil-Korp Diplomatiku Malti u l-estensjonijiet li jkun jeħtieġ li jsiru, minn żmien għal żmien, għal uħud minn dawn il-postings f'kuntest ta' patroċinju minn fuq. Naċċerta lill-Onorevoli Membru illi l-estensjonijiet dejjem jingħataw wara li jitqiesu ċ-ċirkostanzi prevalenti fil-pajjiż li jkun, u xi drabi, jittieħdu in konsiderazzjoni anki ċ-ċirkostanzi ta' l-individwu nnifsu. Inħossni sorpriż meta nara illi, fil-Posting Order Numru 3/2003 iċċitata mill-Onorevoli Membru, huma biss tnejn l-uffiċċjali illi ingħataw estensjoni ta' bejn sentejn u tliet snin kif semma huwa, u nassigurah illi dawn iż-żewġ każijiet ġew ikkunsidrati skond il-kriterji li għadni kif indikajt.
Il-Ministeru taħt it-tmexxija tiegħi dejjem kien u jibqa' konxju billi jgħarbel b'sens ta' dover u umaniżmu kull każ li jitressaq quddiemu. Tant hu hekk illi saħansitra, f'mill-anqas każ wieħed f'dawn l-aħħar snin, ntlaqgħet it-talba li għamel uffiċċjal fil-Klassi Diplomatika sabiex il-posting tiegħu jintemm qabel l-iskadenza tiegħu.
Fl-aħħarnett, niċħad l-argument li qed iressaq l-Onorevoli Interpellant illi estensjoni ta' posting barra b'xi mod tiddemotiva lid-diplomatiċi Maltin. Fl-istess Posting Order li hu qed jirreferi għaliha hemm għaxar postings ta' uffiċċjali minn Malta biex imorru jservu barra: uħud minn dawn ilhom biss ftit aktar minn sentejn li daħlu fil-Klassi Diplomatika.
Maltempati kbar — Għajnuna finanzjarja lil min ġarrab ħsarat
Question
Fid-dawl tal-fatt li huwa fatt magħruf li l-prinċipji ewlenin tal-Bank Ewropew għall-Iżvilupp tal-Kunsill ta' l-Ewroa, li tiegħu Malta ilha membru għal dawn l-aħħar 30 sena, huma li jgħinu lill-vittmi ta' diżastri naturali f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza, billi jirreaġixxi b'urġenza u jagħti għajnuna finanzjarja, u fid-dawl li l-Gvern, fi stqarrijiet uffiċjali, jirrikonoxxi li matul il-maltempati kbar u xita qalila (li saħansitra ġew imsejjħa mill-mezzi tax-xandir bħala diżastru naturali) kien hemm aktar minn 1,000 talba għall-għajnuna minn diversi persuni li daħlilhom l-ilma fi djarhom u kien hemm 'il fuq minn 60 persuna li ġew salvati mill-għargħar, il-maltempati affettwaw kemm lil Malta kif ukoll lil Għawdex u ntlaqtu kull settur tal-ħajja, kif ukoll l-infrastruttura tal-pajjiż, u sabiex is-sitwazzjoni ġiet taħt kontroll kien hemm bżonn ta' ħidma kontinwa ta' volontieri, tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li mexxa ħidma ta' salvataġġ bl-għajnuna tal-pulizija, il-Forzi Armati, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u s-Soċjeta' Maltija tas-Salib l-Aħmar, jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra jekk saritx jew jekk hemmx il-ħsieb li ssir talba formali lil dan il-Bank Ewropew sabiex tingħata għajnuna finanzjarja lill-Gvern Malti u b'hekk ikun jista' jikkompensa lill-vittmi Maltin u Għawdxin tal-ħsarat kawżati mill-maltempati kbar li laqtu l-gżejjer Maltin f'nofs Settembru 2003?
Response (BORG, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi qed isiru kuntatti biex il-Gvern jara jekk għajnuna bħal dik imsemmija minnu hijiex possibbli.
Jista' il-Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni ta' l-IT għas-servizzi on line ta' l-income tax related services, VAT services u social security services? X'medda ta' żmien hemm ikkontemplata għall-introduzzjoni tas-servizzi li għadhom ma daħlux?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jikkonferma jekk is-sistema (R&A) tar-Registration and Authentication li kellha tiddaħħal fix-xahar ta' Settembru iddaħlitx kif ippjanat?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 1525 ta' l-24.09.03, jista' il-Ministru jinnota li kuntrarju għal dak li hemm fit-tweġiba, ninsab informat minn residenti fl-akwati li xi ħames snin ilu fuq din iż-zebra crossing partikolari nqatlet anzjana b'daqqa ta' karozza, iktar minn għaxar snin ilu qabel saret it-triq u allura kienet ħafna aktar perikoluża, inqatlet anzjana b'daqqa ta' karozza fil-viċin filwaqt li ex-kunsillier xi żmien ilu waqaf fil-post jagħti l-ewwel għajnuna lil tifla li ntlaqtet minn karozza? Peress li meta residenti kkuntattjaw lill-kunsill lokali, is-Segretarju tal-Kunsill qalilhom li kien jaqbel li ż-zebra crossing hija unsafe iżda li l-kunsill ma seta' jagħmel xejn għax hija main road li taqa' taħt il-gvern ċentrali u kuntrarju għal dak li hemm fit-tweġiba ma tneħħiet l-ebda parking area, u peress li fil-fehma tar-residenti jekk huwa possibbli għandu jiġi kkonsidrat li tittawwal is-centre strip bħall-kumplament tat-triq, jista' il-Ministru jara jekk dan jistax isir?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jidher ċar illi l-informazzjoni mogħtija fil-Mistoqsija Parlamentari nru. 1525 hija essenzjalment korretta għax tikkonferma illi l-Kunsill Lokali u l-Awtorita dwar it-Trasport qegħdin jikkunsidraw x'għandu jsir.
L-ADT m'għandhiex records ta' l-inċidenti li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant, filwaqt li meta d-Direttorat tat-Toroq kien qed jiġbor din l-informazzjoni u kien avviċina lill-Kunsill, lanqas dan ta' l-aħħar ma deher li kellu nformazzjoni dwar l-inċidenti msemmija.
Għaldaqstant m'għandi xejn xi nżid mar-risposta mogħtija għal-Mistoqsija Parlamentari 1525.
Jista' il-Prim Ministru jikkonferma li meta tieħu sehem fl-ESDF Exercises CME/CMX 03 u CME 04, Malta mhijiex se tieħu parti f'dik il-parti militari li tuża NATO Assets?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-e¿ercizzji msemmija Malta mhux se tippartecipa f’dik il-parti militari li tu¿a “NATO assets”.
Malta — Map Secretariat tal-Mediterranean Action Plan
Question
Xi tweġiba kellha Malta mid-diversi pajjiżi li ġew avviċinati bħala parti mill-eżerċizzju ta' lobbying sabiex jinkiseb appoġġ għall kandidatura Maltija għall kandidatura Maltija għall post ta' ko-ordinatur tal-Map Secretariat tal-Mediterranean Action Plan?
Response (BORG, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, wara li saret sejħa pubblika mill-UNEP f'Nairobi għall-post ta' Ko-ordinatur tas-Segretarjat ta' l-MAP f'Ateni, l-għażla għal din il-kariga ssir mid-Direttur Eżekuttiv ta' l-UNEP.
Il-Kuntatti li saru ma' diversi pajjiżi membri ta' l-MAP kienu bil-ħsieb li jinġieb għall-attenzjoni tagħhom il-fatt li fost l-applikanti hemm ukoll applikant Malti.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 1524 u cioe jgħid kemm intnefaq fuq overseas travel mill-MTA is-sena li għaddiet u din is-sena s'issa? Kemm intnefaq fuq konsulenti fl-istess medda ta' żmien? Kemm hemm ħaddiema tal-MTA koperti b'personal insurance schemes privati a spejjeż tal-MTA innifisha?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid x'kien it-telf li sar fis-sena 2002 tal-MCSL (Malta Shipbuilding co. Ltd)? Jista' jagħti d-draft accounts taż-żewġ Tarznari? Dawn l-accounts ġew mgħoddija lill-EU kif stipulat? Dawn kif jipparagunaw mal-projections li għamel il-management?
Response (GATT, AUSTIN)
It-telf tal-Malta Shipbuilding fis-sena 2002 kien ta' Lm10,874,994.
Id-draft audited accounts tal-Malta Shipbuilding huma lesti pero għadhom ma ġewx approvati formalment mid-diretturi tal-kumpanija.
L-Accounts tal-Malta Drydocks għall-2002 għandhom qed jiġu awditjati.
Dawn l-accounts għadhom ma ġewx mgħoddija lil-EU.
Filwaqt li t-telf proġettat fil-business plan għaż-żewġ tarżnari għas-sena 2002 kien ta' Lm19.5 miljun, it-telf attwali kien ta' Lm26.2 miljun.
Jista' il-Prim Ministru jgħid fiex waslu l-isforzi tal-gvern biex issir laqgħa bejnek mal-President Amerikan Bush? Fiex waslu l-isforzi tal-gvern tiegħek biex jinġieb Malta il-Kanċillier Ġermaniż Schroder?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ma nifhmix xi jfisser l-Onorevoli Interpellant bl-espressjoni “sforzi tal-Gvern” u nissuġġerrixxi lill-Onorevoli Interpellant joqgħod fuq sorsi ta’ informazzjoni aktar attendibbli.
Ex-ħaddiema ta' Farsons — Reviżjoni tal-pensjonanti
Question
Billi f'seduta 23 tad-9 ta' Lulju, 2003 il-Viċi Prim Ministru kien informa lill-Kamra li r-reviżjoni tal-pensjonanti li kienu jaħdmu mad-ditta Farsons kienet qed issir u kienet mistennija tkun lesta fi ftit ġimgħat oħra, billi minn dak iż-żmien 'il hawn għaddew kważi tliet xhur, jista' jgħid meta din il-kwestjoni mistennija tiġi finalizzata minħabba fl-inkonvenjent finanzjarju li din qed toħloq għall-persuni konċernati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 1623 f’Seduta Numru 35.
Jista' il-Ministru jgħid jekk Malta għandhiex ħsieb li taħtar Political and Security Committee Ambassador għall-UE?
Response (BORG, JOE)
Ħuwa maħsub li l-laqgħat tal-PSP jattendi għalihom l-ambaxxatur ta' Malta akkreditat għall-Belġju dejjem taħt ir-responsabbilta' tar-Rappreżentant Permanenti ta' Malta għall-Unjoni Ewropea li ser ikun responsabbli għall-ħidma tal-Gvern Malti fl-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea.
Tista' tikkonferma li meta tieħu sehem fl-ESDF Exercises CME/CMX 03 u CME 04 Malta mhijiex sejra tieħu parti f'dik il-parti militari li tuża NATO Assets?
Response (BORG, JOE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Malta sejra tieħu sehem fid-delegazzjoni ta' esperti tal-UE li kellha titratta il-problema tal-immigrazzjoni illegali mal-Libja? Jekk iva min hi l-persuna maħtura u meta inħatret?
Response (BORG, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi Malta ser tiehu sehem f’din iż-żjara u għal dan il-għan gie identifikat uffiċċjal mill-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin biex ikun jista’ jakkumpanja d-delegazzjoni ta’ esperti ta’ l-Unjoni Ewropea. Għad mhux cert pero meta din iż-żjara ser issehh.
Nixtieq ingħid ukoll illi jekk jinbiddlu t-terms of reference ghal din iż-żjara, tista’ tinħass il-ħtiega li dan l-uffiċċjal jigi sostitwit b’ufficcjal ieħor.
Jista' il-Ministru jgħid huwiex minnu li Malta ġiet mistoqsija jekk għandhiex ħsieb li tospita iċ-CHOGM tas-sena 2005 u jekk iva x'kienet it-tweġiba tal-Gvern Malti?
Response (BORG, JOE)
Malta ġiet mistoqsija jekk tkunx disposta tospita iċ-CHOGM għas-sena 2005. It-tweġiba tal-Gvern Malti kienet fil-pożittiv.
Malta beħsieba tibqa iżżomm il-kariga ta' Rapporteur tal-Kumitat tal-Ġnus Magħquda dwar id-drittijiet tal-Palestinjani wara li tissieħeb fl-UE?
Response (BORG, JOE)
Il-Gvern qiegħed jikkonsulta mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill / Rappreżentant Għoli għall-Politika Komuni għall-Affarijiet Barranin u s-Sigurta, mal-Presidenza ta' l-Unjoni Ewropea u ma' diversi pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea, kif ukoll ma l-Awtorita' Palestinjana dwar l-aħjar strateġija li għandha taddotta Malta bħala membru ta' l-Unjoni Ewropea għall-futur fl-aħjar interess tad-dritt tal-poplu Palestinjan li jkollu Stat tiegħu.
Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra kemm intnefqu flus f'telefonati f'kull ambaxxata bejn April 2002 u Marzu 2003? Kemm tammonta l-ispiża totali ta' telefonati li saru matul l-istess perjodu mill-Ministeru kollu?
Response (BORG, JOE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.