Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #1935 Sitting 44 2003-10-20 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ambaxxaturi/kummissarji għolja Maltin — Laqgħat

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 1529 u t-tweġiba mogħtija mill-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin fis-seduta 34, billi l-poplu Malti qed jagħmel investiment finanzjarju biex iżomm l-Ambaxxaturi u l-Ambaxxati Maltin, naħseb li l-poplu Malti għandu d-dritt ikun jaf x'xogħol sar mill-kapijiet ta' l-Ambaxxati Maltin u x'ħareġ b'mod konkret minn dawn il-laqgħat matul dawn l-aħħar sentejn, jista' il-Ministru jipprovdi t-tagħrif mitlub f'mistoqsija parlamentari 1529?

Response (BORG, JOE)

Ma għandi xejn xi nżid mat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1529.

MMA — Inċident ta' vapur li jtajjar bandiera Maltija

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li l-Awtorita' Marittima ta' Malta waslitilhiex notifikazzjoni legali mingħand l-awtoritajiet ġudizzjarji ta' Franza dwar l-inċident ta' vapur li jtajjar bandiera Maltija? X'kienet tgħid din in-notifikazzjoni u x'kuntatti saru ma' l-awtoritajiet Franċiżi dwar dan il-każ?

Response (GALEA, ĊENSU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Malta Maritime Authority irċeviet notifika mingħand l-awtoritajiet ġudizzjarji ta' Franza. F'dan l-istadju l-avukati tal-Malta Maritime Authority, l-uffiċċju ta' l-Avukat Ġenerali u avukati Franċiżi qed jaraw x'inhuma l-implikazzjonijiet tan-notifika msemmija.
Leg 10 PQ #1937 Sitting 44 2003-10-20 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Delegazzjoni fl-Air Base Taljana

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kienet ir-reazzjoni tal-Gvern Malti sabiex tintbagħat delegazzjoni fl-Air Base Taljana ta' Lecce Galantina sabiex tattendi preżentazzjoni ta' armamenti u equipment systems ġodda?

Response (BORG, JOE)

L-istedina lill-Gvern Malti sabiex tintbagħat delegazzjoni fl-AirBase Taljana ta' Lecce Galantina ma' setgħatx tiġi milqugħa minħabba impenji oħra.
Leg 10 PQ #1938 Sitting 44 2003-10-20 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

MTCR — Sħubija ta' Malta

Question

Huwa minnu li Malta applikat biex tissieħeb fil-missile technology control regime - MTCR? Jekk iva, meta sar dan?

Response (BORG, JOE)

Nikkonferma li Malta applikat biex tissieħeb fil-Missile Technology Control Regime fid-29 t'Awissu 2003.
Leg 10 PQ #1939 Sitting 44 2003-10-20 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Interim landfills qrib it-tempji ta' l-Imnajdra

Question

Jista' il-Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja tat-tweġiba ta' l-Ambaxxatur Licari tat-18/09/03 lill-World Heritage Age Centre dwar il-kwestjoni ta' l-interim landfills qrib it-tempji ta' l-Imnajdra?

Response (BORG, JOE)

M'hijiex il-prassi tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin li jpoġġi l-korrispondenza tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra tar-Rappreżentanti anke minħabba f'raġunijiet ta' sensitivita' politika għall-pajjiż fil-qasam tar-relazzjonijiet barranin. Madanakollu, jien lest li fuq bażi personali ngħaddi kopja ta' l-ittra li l-Ambaxxatur Licari kiteb lill-World Heritage Centre tal-UNESCO f'Settembru li għadda, lill-Onorevoli Membru. Nixtieq inżid li f'din l-ittra l-Ambaxxatur Licari informa lid-Direttur tal-World Heritage Centre tal-UNESCO li l-Gvern ta' Malta kien ħareġ għall-konsultazzjoni u kummenti Project Description Statement dwar ir-restawrar tal-barrieri billi jimtlew bi skart 'inert' non-tossiku. Dan sar bħala l-ewwel pass qabel il-proġett jitpoġġa quddiem il-MEPA għall-approvazzjoni. Il-MEPA għandha l-obbligu bil-liġi li tagħmel studju fuq l-impatt ambjentali tal-proġett (Environment Impact Assessment), li fil-fatt qiegħed isir bħalissa. Meta jitlesta dan l-istudju jiġi ippublikat u tingħata kopja lill-istess Direttur.

Website tal-Gvern

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma rapporti li l-website tal-Gvern ta' Malta ġiet hacked dan l-aħħar? Jekk fl-affermattiv, il-Gvern għandu ħjiel kif u minn fejn seta' sar dan kif ukoll x'intlaqat b'konsegwenza ta' dan?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li kien hemm inċident dan l-aħħar fejn ġiet hacked waħda mill-websites tal-Gvern ta' Malta. Dan ġara għaliex ġie kompromess wieħed mill-accounts ta' fuq is-server li fuqu miżmuma din il-website. Nippreċiża, iżda, li dan mhux is-server li jintuża mill-e Gov Web Framework. Kollox jindika li dan l-attakk seta' seħħ minn persuna li użat Internet Service Provider Marokkin. L-unika konsegwenza kienet li nbidlet il-home page tal-website tal-Ministeru għall-Ambjent u l-Affarijiet Rurali. Nixtieq ngħid ukoll li ttieħdu passi mmedjati biex is-servizz jiġi rrestawrat għal li kien u biex l-inċident ma jerġax jirrepeti ruħu.

Changeover għall-Euro

Question

Xi strutturi jeżistu dwar iċ-changeover għall-Euro? Il-Ministeru tal-Informazzjoni tat-Teknoloġija huwa involut f'xi mod?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li għalkemm jeżisti kuntatt bejn il-Bank Ċentrali u l-Ministeru tal-Finanzi u Affarijiet Ekonomiċi fuq il-passi li huma neċessarji għall-adozzjoni ta’ l-euro bħala munita ta’ Malta, s’issa m’hemm ebda data stabbilita għal dan. Għalhekk fil-preżent għadhom ma ġew stabbiliti l-ebda strutturi formali għat-tħejjija ta`-‘changeover’ għall-euro. Nista’ ninforma lill-Onorevoli Membru li l-Bank Ċentrali, permezz ta’ l-istrutturi interni tiegħu diġa’ beda jħares lejn il-ħtigijiet li bidla bħal din iġġib magħha.

ECB Working Groups

Question

B'kollox kemm hemm ECB working groups mwaqqfa li fihom hemm sehem Malti? Liema huma?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li hemm 26 working groups imwaqqfa mill-ECB li fihom jieħdu sehem rapreżentanti tal-Bank Ċentrali ta’ Malta. Taħt : l-Accounting and Monetary Income Committee: l-Accounting Issues and Financial Reporting Working Group u l-Working Group on Allocation of Monetary Income; il-Banknote Committee: il-Counterfeit Working Group, l-Issue Working Group u s-Security Working Group; il-Banking Supervisory Committee: il-Working Group on Macro Prudential Analysis u l-Working Group on Banking Developments; l-External Communications Committee: il-Working Group on External Communications; l-Information Technology Committee: l-Information Systems Security Working Group, l-Information Technology Network and Communications Working Group, l-Information Technology Applications Working Group u in-N13 Working Group; il-Legal Committee: il-Financial Law Experts Working Group; il-Market Operations Committee: il-Monitoring Working Group u il-Working Group on Monetary and Exchange Rate Policy Instruments and Procedures; il-Monetary Policy Committee: il-Working Groups on Forecasting, l-Econometric Modelling u l-Public Finance; il-Payment and Settlement Systems Committee: il-Payment Systems Policy Working Group, is-Securities Settlements Working Group u it-TARGET Management Working Group; l-iStatistics Committee: hemm 5 Working Groups li huma: tal-Balance of Payments and External Reserves Statistics, tal-General Economic and Government Financial Statistics, tal-Money and Banking Statistics, tal-Monetary Union Financial Accounts u tal-iStatistical Information Systems.

Ħruġ ta' stocks tal-gvern

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma rapporti li l-gvern Malti ppospona ħruġ ta' stocks tal-gvern li kienu skedati għax-xahar ta' Ottubru minkejja l-programm bid-dati ndikattivi li kien inħareġ aktar kmieni din is-sena?

Response (DALLI, JOHN)

Kif imsemmi mill-Onorevoli Interpellant stess, il-kalendarju tal-ħruġ ta' Stocks mill-Gvern huwa wieħed indikattiv. Dan ifisser li l-ħruġ ta' l-istocks jista' jvarja skond il-ħtiġijiet tal-Gvern u ċ-ċirkostanzi tas-suq.
Leg 10 PQ #1928 Sitting 42 2003-10-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Rikostruzzjoni ta' l-Iraq

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi ditti, kumpanniji kummerċjali, azjandi, aġenziji tal-gvern u/jew istituzzjonijiet pubbliċi li wrew lill-gvern Malti li xtaqu b'xi mod jipparteċipaw f'xi pjani ta' rikostruzzjoni ta' l-Iraq?

Response (BORG, JOE)

Iċ-Ċentru Malti għar-Restawr informa lill-Ministeru tiegħi illi kien ressaq proposta lill-UNESCO sabiex ikun involut fil-pjanijiet ta' rikostruzzjoni, b'mod partikolari fil-qasam tar-restawr tal-wirt kulturali, ta' l-Iraq. Sa dan it-tant, tagħrif miksub mill-Ambaxxata Maltija fi Spanja dwar Konferenza Internazjonali li se tittratta l-irwol tas-Settur Privat fir-rikostruzzjoni ta' l-Iraq, li se ssir f'Madrid fit-23 ta' dan ix-xahar, intbagħat għall-attenzjoni tal-Korporazzjoni Maltija ta' l-Iżvilupp u tal-METCO.
Leg 10 PQ #1929 Sitting 42 2003-10-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

EEA Enlargement agreement

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta mistenni jiġi ffirmat l-EEA Enlargement agreement? Huwa minnu li fin-negozjati dwar l-EEA li saru aktar kmieni din is-sena, Malta diversi drabi wriet in-nuqqas ta' qbil tagħha dwar il-mod kif kien se jiġi mplimentat l-hekk imsejjaħ distribution key fl-EEA Enlargement agreement? X'kienu r-raġunijiet għal dan?

Response (BORG, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-Trattat tal-EEA ġie ffirmat minni fil-Lussemburgu fit-13 t'Ottubru 2003. Huwa minnu li Malta esprimiet ir-riservi tagħha fuq l-implimentazzjoni ta' l-hekk imsejjaħ distribution key fil-ftehim. Il-Kummissjoni Ewropea ibbażat id-distribution key fuq id-daqs tal-popolazzjoni u l-prodott Gross Domestiku ras għal ras. B'dan il-mod, pajjiżna, bħala wieħed mill-aktar sinjuri fost il-pajjiżi li ser jidħlu fl-Unjoni s-sena d-dieħla, ma jiġix affettwat daqstant tajjeb fit-tqassim tal-fondi provenjenti minn dan il-ftehim. Malta, flimkien ma' l-Estonja, il-Latvja u s-Slovenja, liema pajjiżi wkoll ħadu l-istess pożizzjoni ta' Malta, spiċċat biex aċċettat il-pożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea wara li ntlaħaq qbil li fid-dokument tiġi inkluża dikjarazzjoni li tgħid li hija l-fehma ta' dawn il-pajjiżi illi d-distribution key użata ma tifformax preċedenti u m'għandiex tkun ta' preġudizzju għal kwalunkwe proposta magħmula fil-futur dwar id-distribution key li għandha tintuża fir-rigward tal-iStructural and Cohesion Instruments. L-erba pajjiżi aċċettaw it-Trattat ta' EEA b'din id-dikjarazzjoni li tinsab f'Artiklu 5 tal-Protokol 38 A fl-EEA Financial Mechanisms.
Leg 10 PQ #1930 Sitting 42 2003-10-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Attakk Iżraelit fuq territorju Sirjan

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kienet ir-reazzjoni tal-gvern Malti għall-attakk Iżraelit li sar fuq territorju Sirjan kif ukoll għal-lobby li dejjem qed jikber fl-Istati Uniti biex jiġu imposti sanzjonijiet ekonomiċi fuq is-Sirja?

Response (BORG, JOE)

Attakki bla rażan u l-qtil spjetat ta' bnedmin, b'mod speċjali kif sfortunatament għadhom iseħħu b'mod regolari fil-Lvant Nofshani, dejjem ġibdu l-kundanna mingħajr kwalifika tal-Gvern Malti. Mif jaf tajjeb l-Onorevoli interpellant, esponenti ewlenin tal-Gvern dan jistqarruh pubblikament kemm verbalment kif ukoll bil-miktub. Żgur li politika ta' botta u risposta, kif ġara f'Haifa u viċin Damasku dan l-aħħar, ma tgħinx sabiex jitkompla d-djalogu għat-twettiq tal-pjan ta' paċi bejn il-partijiet kollha konċernati. Nikkonferma li, fid-dawl tal-fatti li jaf sallum, il-Gvern Malti mhux qed jikkunsidra li jissieħeb ma xi 'lobby' sabiex jittieħdu sanzjonijiet ekonomiċi kontra xi pajjiż jew pajjiżi fir-reġjun.
Leg 10 PQ #1852 Sitting 41 2003-10-13 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Single programming document

Question

Jista' il-Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja tas-single programming document 2004-2006 ta' l-Unjoni Ewropea?

Response (BORG, JOE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Web Phones

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 1682 u cioe' jista' il-Ministru jikkonferma li hemm web phone installat f'kull villaġġ kif ippjanat?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li hemm wed phone installat f'kull vilaġġ kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex b'eċċezzjoni ta' Ħaz Zabbar u l-Mdina li se jiġu nstallati iktar tard.

Microsoft Source Code Deal

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 1681 u cioe' jgħid jekk kienx hemm xi żviluppi wara r-rispons negattiv dwar il-Microsoft source code deal?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li d-diskussjonijiet mal-Microsoft fuq din l-inizzjattiva għadhom għaddejin.

Registration & Authentication — Sistema (R&A)

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamenatri numru 1680 u ċioe' jikkonferma jekk is-sistema (R&A) tar-Registration and Authentication li kellha tiddaħħal fix-xahar ta' Settembru iddaħlitx kif ippjanat?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li l-iżvilupp tekniku tas-sistema tar-Registration and Authentication huwa komplut. Il-Gvern kien ħa deċiżjoni li biex isaħħaħ il-fiduċja tal-pubbliku fl-użu ta' dan il-mekkanizmu, ma jkunx hu li jħaddem dan il-mekaniżmu, iżda jgħaddih lil entita privata. Għalhekk saret sejha pubblika għal dan ix-xogħol mid-dipartiment tal-kuntratti lejn nofs is-sena l-oħra. Madankollu kien il-ġimgħa li għaddiet li ntgħazel il-kuntrattur ma min għandhom jibdew in-negozjati.

Income Tax Related Services — IT On Line Services

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsia parlamentari numru 1679 u cioe' jgħid fiex waslet l-applikazzjoni ta' l-IT għas-servizzi on line ta' l-income tax related services, VAT services u social security service? X'medda ta' żmien hemm ikkontemplata għall-introduzzjoni tas-servizzi li għadhom ma daħlux?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li l-iżvilupp ta' dawn is-servizzi huwa komplut. Fadal biss l-integrazzjoni tagħhom mas-sistema tar-Registration and Authentication fejn, sfortunatament, ilna xhur imwaħħlin fil-Kumitat tal-Kuntratti.

Pre Accession Economic Programme

Question

Jista' il-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Pre Accession Economic Programme li ġiet sottomesa mill-Gvern Malti lill-Kummisjoni Ewropea f'Awwissu li għadda?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li r-rapport dwar il-Pre Accession Economic Programme (PEP) ntbgħat lill-Kummissjoni Ewropeja ftit ta’ żmien ilu u ser jiġi evalwat f'livell tekniku fil-ġranet li ġejjin. Dan id-dokument, flimkien ma dak tal-pajjiżi kandidati l-oħra huwa mistenni li jiġi diskuss ukoll fl-ECOFIN Council f’Novembru li ġej. Wara dan kollu, l-Kummissjoni tippublika dawn id-dokumenti.

Malta Shipbuilding Co. Ltd.

Question

B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 1659 fejn intqal li t-telf proġettat fil-business plan għaż-żewġ Tarznari għas-sena 2002 kien ta' Lm19.5 miljun meta t-telf attwali kien ta' Lm26.2 miljun, jikkonferma l-Ministru illi fl-outline restructuring plan li ngħata lill-membri tas-task force tat-Tarznari nhar il-11.11.01 it-telf proġettat għaż-żewġ Tarznari għas-sena 2002 kien ta' Lm16.745 miljun - devjazzjoni ta' aktar minn 15% tal-figura fil-business plan u 36% differenza mir-riżultat attwalment miksub? Jekk dan huwa minnu, f'liema stadju tas-sena finanzjarja l-management tat-Tarzna intebaħ li kien se jkun hemm din id-devjazzjoni kollha? X'inhuma l-miżuri konkreti l-oħra apparti mill-early retirement schemes li ttieħdu s'issa bħala parti mir-ristrutturar tat-Tarznari u x'hemm ipproġettat għall-ġejjieni qarib? Il-projections għas-sena finanzjarja 2002 li ntbagħatu l-Unjoni Ewropea x'ammont ta' telf kienu qed jipprevedu?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-previzjonijiet finanzjarji li hemm fil-Business Plan huma differenti minn dawk li hemm fl-Outline Restructuring Plan minħabba li meta kien ippreparat dan l-aħħar dokument ċerti spejjez kienu għadhom ma ġewx diterminati. Il-Business Plan hu dokument aktar reċenti u l-previzjonijiet finanzjarji tiegħu qed jintuzaw biex jitqabblu mar-rizultati attwali. Ir-riżultati attwali taż-żewġ tarżni huma sostanzjalment differenti minn dawk previsti fil-Business Plan minħabba tliet raġunijiet prinċipali: a. Il-Business Plan kien qed jassumi li kellu jsir ristrutturar finanżjarju taż-żewġ tarżni li kien jinkludi l-maħfra tad-dejn tat-tarżni mal-Gvern. Il-Malta Shipbuilding waħedha qed tħallas interessi ta' 'l fuq minn LM 5 miljunu kull sena għal djun akkumulati matul dawn l-aħħar 20 sena. Billi r-ristrutturar finanżjarju għadu ma sarx (għax għad ma hemmx qbil fuq il-pakkett kollu ta' riformi bejn il-partijiet involuti) il-Malta Shipbuilding fl-2002 iddebitat il-Profit and Loss tagħha b'aktar minn LM 5 minjuni. Dan jispjega aktar minn LM 5 miljunu tad-differenza bejn ir-riżultati attwali u dawk ibbaġitjati għall-2002, u fil-fatt mingħajr dan il-fattur id-differenza bejn ir-riżultati attwali u awditjati u dawk previsti fil-Business Plan kienet tkun ta' LM 0.5 miljuni. b. Il-Business Plan kien qed jassumi wkoll li fis-sena 2002 kellhom jidhlu riformi fondamentali fil-prattiċi tax-xogħol fit-tarzni. Dawn ir-riformi jagħmlu parti mill-Ftehim Kollettiv il-ġdid li s'issa għadu ma ġiex iffirmat għax ma' hemmx qbil fuqu. Kif wissewna experti barranin li rraputaw fuq il-qagħda tat-tarzna xi snin ilu, qabel jidhlu dawn ir-riformi fil-prattiċi tax-xogħol ir-rizultati tat-tarzna ma jistgħux jitjiebu. c. It-tarzni qed jikkompetu f'suq kompettitiv ħafna u anki jekk norganizzaw ruhna tajjeb irridu nikkompetu għal xogħol ma' tarzni oħrajn li daqsna huma għatxana għax-xogħol. Is-suq tat-tiswija u l-konverzjoni tal-vapuri fl-2002 kien aktar diffiċli minn dak tal-2001. Fl-2002 it-tarzni tagħna ma rebhux kuntratti kbar li jagħmlu differenza kbira fir-riżultati tat-tarżni. Għal raġunijiet imsemmija aktar 'l fuq ma kien hemm l-ebda sorpriza għall-management f'dawn ir-riżultati. Is-sitwazzjoni qed tkun issorveljata kontinwament iżda ħadd ma jistenna li r-riżultati jitjiebu jekk id-deċizjonijiet ta' riformi li hemm bżonn jittieħdu fil-fatt ma jittieħdux u ma jkunux implimentati. Sa issa ma hemmx qbil bejn l-istake holders involuti fit-tarzna biex dawn ir-riformi jsiru. Jekk jibqa' ma jkunx hemm qbil fi' żmien qasir ħafna, jista' jkun li jkun tard wisq biex il-qagħda tat-tarżna titjieb. Il-Management tat-tarżna qed jimxi fuq dak li rrakomandaw l-esperti ta' Appledore fir-Rapport tagħhom tal-1997, b'mod partikulari dik is-sezzjoni tar-rapportat intitolata Annex B: Best Practice Ship Repair Yard. Dan ir-rapport jelenka ir-riformi meħtieġa fil-prattiċi tax-xogħol li għandha bżonn it-tarżna biex tkun tista' tikkompeti fis-suq tat-tiswija tal-vapuri. Permezz ta' dawn ir-riformi tkun tista' titjieb il-produttivita tat-tarżna, tonqos id-dipendenza fuq l-overtime, u tidħol flessibilita ġenwina li tagħmel lit-tarżni tagħna kompettitivi. Dan hu biss il-bidu għax fl-aħħar mill-aħħar irridu nikkompetu f'suq diffiċli ħafna fejn għal kull għadma hemm mitt kelb. L-UE ingħata kopja tal-Business Plan u għalhekk taf li il-previżjonijiet għat-telf tat-tarżni għall 2002 huma ta' LM 19.5 miljun.
Leg 10 PQ #1819 Sitting 39 2003-10-07 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Advisor

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu x-xogħol ta' l-advisor tal-persuna li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tas-CV tiegħu kif ukoll jagħti dettalji dwar xogħlu fil-ministeru ?

Response (BORG, JOE)

Il-persuna li d-dettalji tiegħu intbagħtu separatament għandha l-inkarigu li: (a) Tagħti pariri lill-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin dwar il-formulazzjoni ta' sistema ta' distribuzzjoni t'informazzjoni permezz ta' l-ambaxxati Maltin. (b) Tagħti pariri lill-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin dwar il-formulazzjoni ta' information security policy u sabiex timplementa programmi ta' sigurta' fejn ix-xogħol tad-diplomazija Maltija u l-promozzjoni ta' l-interessi ta' Malta fid-dinja jistgħu isiru f'ambjent ta' sigurta'. (c) Tiżviluppa, tispezzjona u tagħti pariri dwar faċilitajiet u proċeduri u kontrolli biex titħares informazzjoni klassifikata (flimkien ma l-infurzar ta' dawn il-proċeduri) kif tapplika għal Malta madwar id-dinja. (d) Twaqqaf proċeduri ta' spezzjonar u żżomm għaddej taħriġ għall-impjegati li għandhom x'jaqsmu ma' informazzjoni konfidenzjali. (e) Tagħti pariri u timplimenta l-provvedimenti tal-Common Consular Manual fil-kuntest ta' Operazzjonijiet marbuta mal-Kontrolli fil-Fruntieri. (f) Tirrappreżenta d-Direttorat għall-Affarijiet Konsolari, Protokallari u ta' l-Informazzjoni fejn hemm imdaħħla protezzjoni ta' data. (g) Tagħti u tiżviluppa sistema ta' mmaniġġjar ta' records fid-Direttorat għall-Affarijiet Konsolari, Protokollari u ta' l-Informazzjoni fejn jirrigwarda l-missjonijiet diplomatiċi akkreditati għal Malta u l-privileġġi konnessi ma dawn. Ma nħossx li għandi nagħti dettalji personali tal-persuna konċernata b'mod partikolari in vista tal-fatt li l-isem ta' din il-persuna ġie mgħoddi lili separatament mill-Onorevoli Interpellant. Lest, pero, li ngħaddi kopja tas-CV tal-persuna konċernata lill-Onorevoli Interpellant personalment Il-persuna li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għaliha qed tagħmel xogħol siewi skond it-termini elenkati aktar' il fuq.