Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni attwali ta' Malta dwar il-commonwealth heads of government meeting li jmiss? Intgħażlet diġa' jew għadha fil-proċess tal-lobbying dwar dan? U jekk iva, x'appoġġ inkiseb s'issa mill-pajjiżi membri tal-commonwealth?
Response (BORG, JOE)
Deċiżjoni dwar fejn se tinżamm il-Commonwealth Heads of Government Meeting fis-sena 2005 tittieħed fil-laqgħa li jmiss fin-Niġerja f'Diċembru li ġej. Malta esprimiet l-interess tagħha li tospita din il-laqgħa mal-pajjiżi tal-Commonwealth. Fil-fatt jien bgħatt ittra f'dan is-sens lil kull Ministru ta' l-Affarijiet Barranin ta' din l-organiżżazzjoni.
Ma naħsibx li jkun prudenti u għaqli li niżvela l-appoġġ li Malta kisbet s'issa sabiex tospita il-Commonwealth Heads of Government Meeting li jmiss, minħabba f'raġunijiet ovvji.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-Gvern Malti addottax id-direttiva dwar privacy and electronic communications ta' l-Unjoni Ewropea li hi magħrufa aħjar bħala l-ban on spam directive?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-direttiva numru 2002/58/EC ta' l-Unjoni Ewropeja intitolata "dwar l-ipproċessar ta' data personali u tal-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika" ġiet addotata kważi pjenament tramite l-Avviżi Legali 16 u 19 ta' l-2003. Il-parti li tikkonċerna l-spam mail tinsab fir-regolament 10 ta' l-A.L. 16 tat-2003.
Affarijiet Barranin — Forgery detection of passports equipment
Question
Jista' il-Ministru jikkonferma li l-Gvern Malti rċieva, permezz ta' l-Ambaxxata fi Stockholm, apparat għall-forgery detection of passports equipment mis-Schengen unit fil-ministeru ta' l-affarijiet barranin?
Response (BORG, JOE)
Naħseb li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-apparat tal-forgery detection li l-Gvern Malti rċieva mingħand l-Ingliżi permezz ta' għajnuna mingħand l-Unjoni Ewropea taħt skema ta' assistenza fil-forma msejjħa 'Twinning Light'.
Dan l-apparat ġie mibgħut mis-Schengen Unit tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin lil kull Ambaxxata li għandna barra minn Malta, fosthom dik ġewwa Stokkolma.
Jista' il-Ministru jgħid min irrappreżenta lill-Gvern Malti fil-festi ta' l-ewwel ta' Settembru fil-Libja?
Response (BORG, JOE)
Il-festa nazzjonali Libjana ta' l-1 ta' Settembru din is-sena ġiet abbinata mal-promozzjoni mill-Gvern Libjan tas-sehem tal-mara fis-soċjeta'. Għalhekk, il-Gvern Libjan stieden lill-mara ta' l-Eċċellenza Tiegħu il-President tar-Repubblika, lill-mara tiegħi, lill-Ministru Giovanna Debono u lill-Onorevoli Dolores Cristina. Is-Sinjura de Marco kienet indisposta waqt li l-Ministru Giovanna Debono ma setgħetx tmur. Għalhekk Malta kienet rappreżentata mill-Onorevoli Dolores Cristina u mill-mara tiegħi. Is-Sinjorina Joanna Darmanin, uffiċċjal fil-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin u membru tas-Segretarjat tiegħi, akkumpanjathom.
Jista' il-Ministru jikkonferma li hemm pjani li tinfetaħ Ambaxxata Spanjola f'Malta? Jista' jikkonferma li l-Gvern Spanjol, ir-Re Juan Carlos, m'għandu l-ebda ħsieb li jżur Malta qabel ma din l-ambaxxata tkun qed tiffunzjona sew? Jekk fl-affermattiv meta mistennija tinfetaħ l-ambaxxata?
Response (BORG, JOE)
Nikkonferma li l-Gvern Spanjol feħsiebu jiftaħ ambaxxata f'Malta. Nista' nikkonferma wkoll li r-Re Juan Carlos laqa' stedina tal-President tar-Repubblika biex jagħmel żjara f'Malta għalkemm s'issa għadhom ma ġewx miftehma dati konvenjenti għaż-żewġ naħat.
Skond l-indikazzjonijeit li għandu l-Gvern, jidher li din iż-żjara tista' sseħħ matul is-sena d-dieħla, u possibilment wara l-ftuħ ta' l-Ambaxxata Spanjola f'Malta.
Jista' il-Ministru jgħid jekk sarux taħdidiet mal-Gvern Amerikan biex jerġgħu jinfetħu negozjati dwar id-double taxation agreement bejn iż-żewġ pajjiżi? X'kienet ir-reazzjoni tal-Gvern Amerikan s'issa?
Response (BORG, JOE)
Il-Gvern Malti talab lill-Gvern Amerikan sabiex jinfetħu negozjati dwar Double Taxation Agreement bejn iż-żewġ pajjiżi. Sa issa, l-Gvern Amerikan għad ma rrispondiex pożittivament għat-talba Maltija.
Crisis management exercise militari — Sehem ta' Malta
Question
Jista' il-Prim Ministru jikkonferma li Malta se tieħu sehem fi crisis management exercise militari iżda se tagħmel dan f'mod limitat minħabba li se jintużaw NATO assets and capabilities? Meta se jsir dan l-eżerċizzju?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1773 f’seduta numru 38 tas-6 ta’ Ottubru 2003, u nikkonferma li Malta se tipparteċipa fl-eżerċizzju b’mod limitat.
L-eżerċizzju se jsir bejn id-19 u l-25 ta’ Novembru 2003.
Nuclear suppliers group consultative committee — Sħubija ta' Malta
Question
Jista' il-Ministru jikkonferma jekk Malta applikatx għal sħubija fin-nuclear suppliers group consultative committee u jekk iva, meta saret din l-applikazzjoni?
Response (BORG, JOE)
Malta applikat għas-sħubija fi ħdan in-Nuclear Suppliers' Group (NSG) u mhux fin-Nuclear Suppliers' Group Consultative Committee, kif indikat fil-mistoqsija ta l-Onorevoli Interpellant. L-applikazzjoni għall-sħubija fin-Nuclear Suppliers' Group saret fid-9 t'Ottubru 2003 lill-President tal-Grupp.
Meta ġew ingaġġati it-73 persuna b'kuntratt definit mal-White Rocks Holiday Complex?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-Kumpless tal-White Rocks għadda f'idejn is-Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu fl-1 ta' Lulju 1987.
Il-Kuntratti definiti bdew isiru minn dak iż-żmien.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 2473 u ċioe' jgħid kemm hemm ħaddiema bil-kuntratt mal-ministeru tiegħu li ma jagħmlux parti mis-segretarjat tal-ministeru jiġifieri fid-dipartimenti, korporazzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu? X'inhu x-xogħol tagħhom u x'tip ta' kuntratti definiti għandhom? Kif ġew magħżula għall-postijiet li qegħdin jokkupaw bħalissa? Kemm minnhom għandhom 'il fuq mill-eta' ta' l-irtirar?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid fiex waslu t-taħdidiet li nifhem li kien hemm maċ-Ċina biex jintlaħaq Malta-China Extradition Agreement?
Response (BORG, JOE)
It-test ta' l-Extradition Agreement propost bejn Malta u ċ-Ċina għadu qed jiġi studjat min-naħa taċ-Ċina, u għalhekk sa issa għadhom ma sarux taħdidiet dwaru.
Ambaxxata Maltija f'Hague — Kuntatti ma' kumpanniji ta' insurance mediċi
Question
Jista' il-Ministru jikkonferma li saru kuntatti mill-Ambaxxata Maltija f'The Hague ma' diversi kumpanniji ta' insurance mediċi fin-Netherlands biex jikkonsidraw lil Malta bħala destinazzjoni għall-interventi mediċi? Kien hemm xi eżitu dwar dawn l-attentati?
Response (BORG, JOE)
L-Ambaxxata Maltija t'The Hague għamlet kuntatti ma' kumpanniji ta' l-assikurazzjoni mediċi fl-Olanda biex jikkonsidraw lil Malta bħala destinazjzoni għal interventi mediċi.
L-eżitu ta' dawn it-tentattivi kien illi hemm xi intraprendituri privati Olandiżi illi qed ikollhom taħdidiet kemm mad-Dipartiment tas-Saħħa kif ukoll ma' sptar privat Malti sabiex jiġi studjat jekk il-proposta li pazjenti Olandiżi jiġu ikkurati f'Malta hijiex vijabbli.
Jista' il-Ministru jikkonferma li il-Guardia Civilia Spanjola offriet diversi courses speċjalizzati lill-korp tal-pulizija Malti? Dawn se jsiru bl-Ispanjol jew le u jekk iva, kemm hemm pulizija eliġibbli li jafu bl-Ispanjol?
Response (BORG, JOE)
Fl-ambitu tal-kooperazzjoni teknika bejn Malta u Spanja, il-Guardia Civilia Spanjola reċentement offriet korsijiet speċjaliżżati bil-lingwa Spanjola intiżi għall-membri tal-Korp tal-Pulizija.
Din l-offerta ma setgħetx tintlaqa' għax ma nstabux uffiċċjali fil-Korp li jafu l-lingwa Spanjola.
Integrated regional planning — Sehem ta' Malta bħala partner country
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'kienet ir-reazzjoni tan-naħa Maltija għall-proposta tal-Gvern ta' Iżrael biex Malta tieħu sehem bħala partner country fl-organizzazzjoni ta' kors internazzjonali dwar integrated regional planning kemm f'Iżrael kif ukoll fil-partner country?
Response (BORG, JOE)
F'Settembru li għadda, Aġenziji Iżraeljani ressqu l-proposta li Malta tkun pajjiż sieħeb fl-organiżżazzjoni ta' kors internazzjonali fuq 'Integrated Regional Planning'.
Filwaqt li l-Ministeru ta' l-Affarijiet Rurali u l-Ambjent ma kienx f'pożizzjoni li jilqa' din il-proposta, il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qed jikkonsidra jekk jaċċettahiex.
Ministeru Politika Soċjali — Ħaddiema bil-kuntratt
Question
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 2468 u cioe' jgħid kemm hemm ħaddiema bil-kuntratt mal-ministeru tiegħu li ma jagħmlux parti mis-segretarjat tal-ministeru jiġifieri fid-dipartimenti, korporazzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu? X'inhu x-xogħol tagħhom u x'tip ta' kuntratti definiti għandhom? Kif ġew magħżula għall-postijiet li qegħdin jokkupaw bħalissa? Kemm minnhom għandhom 'il fuq mill-eta' ta' l-irtirar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u ser tingħata f’xi Seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 2464 u cioe' jgħid kemm hemm ħaddiema bil-kuntratt mal-ministeru tiegħu li ma jagħmlux parti mis-segretarjat tal-ministeru jiġifieri fid-dipartimenti, korporazzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu? X'inhu x-xogħol tagħhom u x'tip ta' kuntratti definiti għandhom? Kif ġew magħżula għall-postijiet li qegħdin jokkupaw bħalissa? Kemm minnhom għandhom 'il fuq mill-eta' ta' l-irtirar?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 2466 u cioe' jgħid kemm hemm ħaddiema bil-kuntratt mal-ministeru tiegħu li ma jagħmlux parti mis-segretarjat tal-ministeru jiġifieri fid-dipartimenti, korporazzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu? X'inhu x-xogħol tagħhom u x'tip ta' kuntratti definiti għandhom? Kif ġew magħżula għall-postijiet li qegħdin jokkupaw bħalissa? Kemm minnhom għandhom 'il fuq mill-eta' ta' l-irtirar?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba.
Fid-dawl tad-dikjarazzjoni riċenti tas-sotto segretarju ta' l-istat Amerikan John Bolton dwar iċ-ċaħda ta' l-għajnuna lil dawk il-pajjiżi li jonqsu milli jiggarantixxu immunita liċ-ċittadini ta' l-Istati Uniti mill-prosekuzzjoni quddiem l-International Criminal Court permezz tal-hekk imsejħa article 98 - Exemption Agreement, jista' il-Ministru jgħid jekk sarux xi rappreżentazzjonijiet ġodda lill-Gvern Malti minn dak Amerikan u jekk le, kienx hemm xi żviluppi oħrajn marbutin ma' dan il-każ? Min-naħa l-oħra fid-dawl tal-pressjoni li allegatament saret mill-UE fuq l-acceding countries, jista' il-Ministru jgħid jekk sarux xi rappreżentazzjonijiet lill-Gvern Malti dwar dan il-każ mill-Kummissjoni Ewropea f'tali mod li tista' tinfluwenza id-deċiżjoni finali tal-Gvern Malti?
Response (BORG, JOE)
Ir-rapprezentazzjonijiet li saru mill-Gvern Amerikan lill-Gvern Malti rigwardanti l'hekk imsejjah Artiklu 98, jigifieri ftehim bejn iz-zewg Gvernijiet li jiggarantixxi immunita' lil cittadini Amerikani minn prosekuzzjoni quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali, huma l-istess bhalma saru ma' Gvernijiet ohrajn madwar id-dinja sa nofs din is-sena, u ma saru ebda rapprezentazzjonijiet godda minn dakinhar u ma kien hemm l-ebda zviluppi ohra marbuta ma' dan il-kaz. F'din il-materja, il-Gvern Malti jaderixxi mal-linji gwida ta' l-Unjoni Ewropea, u ma hemm l-ebda htiega li ssir xi forma ta' pressjoni biex Malta tonora l-obbligi taghha internazzjonali f'dan ir-rigward.
Il-Gvern Malti addotta d-direttiva dwar privacy and electronic communications tal-UE li hija magħrufa aħjar bħala il-ban on spam directive? Għalkemm Malta mhijiex membru tal-OECD, ġiet mistiedna sabiex tattendi l-konferenza ta' Frar 2004 li se tiddiskuti l-koperazzjoni multilaterali fil-ġlieda kontra l-użu ta' l-ispam u l-cookies fuq il-web?
Response (GATT, AUSTIN)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Dwar it-tieni parti, ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s'issa fil-Ministeru tiegħi għadha ma waslitx l-istedina għall-konferenza msemmija mill-Onorevoli Interpellant.
Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Ħaddiema bil-kuntratt
Question
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 2474 u ċioe' jgħid kemm hemm ħaddiema bil-kuntratt mal-ministeru tiegħu li ma jagħmlux parti mis-segretarjat tal-ministeru jiġiferi fid-dipartimenti, korporazzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu? X'inhu x-xogħol tagħhom u x'tip ta' kuntratti definiti għandhom? Kif ġew magħżula għall-postijiet li qegħdin jokkupaw bħalissa? Kemm minnhom għandhom 'il fuq mill-eta' ta' l-irtirar?
Response (GALEA, LOUIS)
F'dan l-istadju m'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba tat-3 ta' Novembru, 2003 li tajt għal mistoqsija numru 2474.