Jista' il-Prim Ministru jgħid x'miżuri konkreti qed jittieħdu biex jitwaqqfu aktar private public partnerships?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi ma hemmx pjani konkreti li immedjatament jitwaqqfu aktar “Private Public Partnership”. Is-suċċess li kiseb l-ewwel esperiment f’dan il qasam huwa awgurju tajjeb għall-futur ta’ din l-inizjattiva.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li filwaqt li l-eurostat taġġusta l-figuri tagħha tal-qgħad fuq bażi staġjonali, din ma tidhirx li hi l-prattika tal-NSO?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-aġġustament ta’ statistika fuq bażi staġjonali hija prattika li għadha ma ġietx adottata mis-sistema tal-istatistika lokali.
Qiegħed isir studju sabiex jiġi stabbilit l-aħjar policy u metodu ta’ kif din tista’ tiddaħħal.
Niġbdu l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant illi hemm diverġenzi sostanzjali fost l-istatistiċi dwar il-ħsieb u l-metodu ta’ kif isiru dawn l-aġġustamenti.
Għaldaqstant din il-prattika mhux rekwiżit fis-sistema statistika.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex jintlaħqu t-targets tal-UE biex il-gender pay gaps jiġu eliminati għal kollox?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Minn studju li sar jirriżulta li n-nisa jirċievu erba minn ħamsa tad-dħul ta’ l-irġiel li jaħdmu f’xogħol simili. Din l-istatistika tikkumpara ma’ dik tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea. It-targets ta’ l-Unjoni dwar il-gender pay gaps hi li dawn jonqsu bin-nofs f’kull Stat Membru sal-2010.
Minbarra li pprovda qafas leġislattiv li jipprovdi speċifikament li mpjegati fl-istess klassi ta’ impieg għandhom id-dritt għall-istess rata ta’ remunerazzjoni għal xogħol ta’ valur ugwali, l-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ mistennija tippubblika linji ta’ gwida biex tissensibiliżża l-impjegati, min iħaddem u l-unions dwar is-suġġett.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex jiġu eliminati l-mismatches u skill gaps fil-labour market ta' pajjiżna?
Response (GALEA, LOUIS)
Kif jaf l-Onor. Membru is-sistema edukattiv ta' pajjiżna tinżamm aġġornata skond l-iżviluppi soċjo-ekonomiċi fil-pajjiż. Il-Kurrikulu Nazzjonali jindirizza il-kwestjoni imqanqla għall-livell ta' skola obbligatorja sa 16 il-sena. F'dan ir-rispett hemm proċess kontinwu ta' żvilupp. Qed titwettaq riforma sħiħa fil-qasam vokazzjonali u teknoloġiku sew bil-ħidma ta' l-ETC u bl-iżvilupp ta' l-MCAST. L-Universita' kibret u żviluppat bil-kbir fl-aħħar snin biex tissodisfa domanda għal nies kwalifikati. Dalwaqt nippublika l-abbozz ta' Strateġija Nazzjonali għal Tagħlim Tul il-Ħajja. Qed naħdmu għal rabta aħjar bejn id-dinja tax-xogħol u id-dinja tat-tagħlim u t-taħriġ.
Joint EU/NATO Crisis Management Exercise militari — Sehem ta' Malta
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'se jkun is-sehem limitat ta' Malta fil-joint EU/NATO Crisis Management Exercise militari tad-19-25/11/03 minħabba li se jintużaw NATO Assets and Capabilities? Jista' jagħti dettalji dwar il-Fictitious Crisis Scenarrio li se jkun il-bażi ta' dan l-eżerċizzju?
Response (BORG, JOE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Billi tħabbar li l-UE se tonfoq madwar 2 miljun EURO fl-Accession Countries bħala kampanja biex tippromwovi l-EURO b'seħħ minn Jannar tas-sena d-dieħla, jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex se jkun hemm input mill-Gvern Malti?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Bank Ċentrali għadu ma ingħatax dettalji fuq kampanja pubbliċitarja dwar l-euro li tista’ tiġi mnedija mill-UE s-sena d-dieħla fil-pajjiżi applikanti.
MCESD — National competitiveness advisory committee
Question
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm-il darba iltaqa' n-National competitiveness advisory committee tal-MCESD? Meta saru dawn il-laqgħat?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li n-“National Competitiveness Advisory Committee” tal-MCESD iltaqa’ darbtejn informalment fl-4 u s-7 ta’ Awissu.
Il-Kumitat għandu jiltaqa’ formalment għada l-erbgħa 19 ta’ Novembru 2003 taħt l-isem ġdid tiegħu “National Competitiveness Committee”.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li jitwaqqfu labour productivity indexes?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li iva, hemm il-ħsieb li ‘l quddiem jinħadmu u jiġu ppubblikati labour productivity indexes. Dan isir fil-kuntest tad-djalogu li qed isir fl-M.C.E.S.D dwar il-kompetittivita.
Il-gvern qatt għamel human resource audit tas-settur pubbliku?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena nfurmat li l-awditjar ta’ riżorsi umani fis-Servizz Pubbliku huwa proċess kontinwu kemm fid-diversi Ministeri u Dipartimenti kif ukoll ċentralment permezz tal-“Management and Personnel Office”.
Qabel jimtela kull post jiġi assigurat mill-Ministeru konċernat illi l-vakanza għal-mili tal-post teżisti, jew in-neċessità li jinħoloq post ġdid hija assoluta, u li hemm flus biżżejjed biex jitħallas is-salarju għal sena, tal-post li sejjer jimtela.
Din l-informazzjoni tiġi verifikata mill-Uffiċċju tiegħi qabel ma t-talba għall-mili ta’ post tmur għall-konsiderazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
Power station tal-Marsa — Pollution emission report
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk f'dawn l-aħħar snin sarx xi pollution emission report dwar il-power station tal-Marsa? Jekk iva, jista' jqiegħdu fuq il-mejda tal-Kamra u/jew għall-inqas jippubblika executive summary tal-konklużjonijiet tiegħu?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern Malti dwar il-Global Partnership against the spread of weapons and materials of mass destruction li oriġinat fil-livell tal-grupp imsejjaħ G8? Billi hija l-politika dikjarata ta' dan il-grupp illi jistieden third countries biex jipparteċipaw f'din l-inizjattiva u jikkontribwixxu bħala donors għall-proġetti mnedija taħt dan il-partnership, jista' jgħid jekk Malta ġietx avviċinata f'dan ir-rigward, x'kienet it-tweġiba tal-Gvern Malti u jekk fl-affermattiv, x'kien l-impenn u l-kontribut ta' Malta f'dan ir-rigward?
Response (BORG, JOE)
Malta dejjem tat l-appoġġ tagħha favur inizjattivi u miżuri mmirati lejn il-waqfien tal-firxa ta' l-armi u materjal maħsuba għad-distruzzjoni tal-massa. Malta hija Firmatarja tat-Trattati ewlenin dwar id-diżarmament u implimentat il-miżuri li jinsabu f'dawn l-istrumenti permezz ta' leġiżlazzjoni nazzjonali u regolamenti amministrattivi. Il-Gvern jemmen illi bl-eliminazzjoni ta' l-armi maħsuba għad-distruzzjoni tal-massa u bit-trawwim ta' miżuri li jibnu l-kunfidenza bejn il-pajjiżi, permezz ta' koordinazzjoni ta' kontrolli fuq l-esportazzjoni u ta' kooperazzjoni, tista tiżdied s-sigurta' u l-istabbilita' b'mod sinifikanti. Biex tiffaċċja t-theddida terroristika eżistenti u emerġenti, Malta adottat pożizzjoni li biha mpenjat ruħha illi twaqqaf il-proliferazzjoni ta' kull xorta ta' armi maħsuba għad-distruzzjoni tal-massa. F'dan ir-rigward, Malta tappoġġja bis-sħiħ il-prinċipji tal-G8 Global Partnership, adottati fil-laqgħa għolja tal-G8 f'Ġunju 2002, li jżommu lit-terroristi, kif ukoll dawk illi jipproteġuhom, milli jakkwistaw armi jew materjal maħsuba għad-distruzzjoni tal-massa.
Malta tappoġġja wkoll l-adozzjoni mill-G8 tal-linji gwida għal proġetti ġodda u dawk mwessgħa ta' kooperazzjoni, li għall-ewwel se jiffukaw fuq proġetti fir-Russja u l-pajjiżi ta' l-ex Unjoni Sovjetika. Wieħed għandu iżda jifhem illi Malta għandha limitazzjonijiet fil-kontribuzzjoni li tista' tagħti fi proġetti ta' dan it-tip. Malta ma ġietx avviċinata biex tipparteċipa jew tikkontribwixxi f'din l-inizjattiva dwar proġetti mnedija taħt il-Global Partnership tal-G8.
Ministeru għat-Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Ħaddiema bil-kuntratt
Question
Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2628 u cioe' jista' jgħid kemm hemm ħaddiema bil-kuntratt mal-ministeru tiegħu li ma jagħmlux parti mis-segretarjat tal-ministeru jiġifieri fid-dipartimenti, korporazzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu? X'inhu x-xogħol tagħhom u x'tip ta' kuntratti definiti għandhom? Kif ġew magħżula għall-postijiet li qegħdin jokkupaw bħalissa? Kemm minnhom għandhom 'il fuq mill-eta' ta' l-irtirar?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 2627, jista' il-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati persuni b'kuntratt definit mal-White Rocks holiday complex sena b'sena, mill-1987?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li in-numru ta' persuni ngaġġati b'kuntratt definit mal-White Rocks Holiday Complex sena b'sena mill-1987 hu kif ġej. Ta' min wieħed igħid li dawn il-ħaddiema huma kollha ngaġġati fuq doveri fl-ITS.
Sena Numru ta' Ħaddiema
1987 -
1988 1
1989 -
1990 5
1991 8
1992 2
1993 3
1994 7
1995 2
1996 2
1997 -
1998 11
1999 2
2000 -
2001 5
2002 12
2003 11
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema taż-żewġ tarznari li huma preżentement mislufa lill-:- a) ministeri; b) dipartimenti tal-gvern; c) kumpanniji parastatali; d) awtoritajiet?
Jista' jagħti breakdown ta' dan b'riferenza għall-grades li għandhom? Kemm minnhom jagħmlu parti mid-900 impjegat li mhux se jibqgħu fuq il-kotba tat-tarzna?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jikkonferma li minkejja li l-postijiet vakanti għal diretturi avżati permezz ta' OPM circular 45/2003 tat-22 ta' Ottubru, 2003 b'data ta' l-għeluq għal dawn l-applikazzjonijiet tkun l-14 ta' Novembru, 2003 uħud mill-appointments rilevanti ħarġu fil-Gazzetta tal-Gvern tal-11 ta' Novembru, 2003 b'data effettiva ta' l-appointment tat-8 ta' Ottubru, 2003, per eżempju bħal fil-każ tal-ministry of social policy, director EU affairs, ministry of education, director EU affairs, ministry of finance EU affairs, etc.?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-avviż li deher fil-Gazzetta tal-Gvern tal-11 ta’ Novembru 2003 dwar “appointments” ta’ diretturi sar minħabba f’ristrutturar ta’ numru ta’ direttorati. Uħud mid-direttorati l-ġodda li nħolqu imtlew mill-istess diretturi li kienu jokkupaw dawk id-direttorati li spiċċaw minħabba l-imsemmi ristrutturar. Iċ-ċaqliq ta’ dawn id-diretturi kien għall-kumplament tal-kuntratt ta’ tliet snin li għandhom u li għandu jiskadi fl-2004.
Skond il-prassi l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu vakanti tul iż-żmien imsemmi ġew reklamati permezz ta’ Ċirkulari OPM Nru 45/2003 biex ma jintilifx żmien biex jinstabu l-persuni adatti biex jimlew il-vakanzi.
Jista' il-Ministru jippubblika il-working paper li tħejjiet mill-ministeru tiegħu dwar ir-raġunijiet li wasslu għall-falliment tan-negozjati tal-laqgħa ministerjali ta' Cancun jew executive summary tagħha?
Response (BORG, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Membru li ebda working paper jew executive summary tal-working paper ma ġiet ippreparata mill-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin dwar ir-raġunijiet li wasslu għall-falliment tan-negozjati tal-laqgħa ministerjali ta' Cancun.
Kunsill ta' l-Ewropea — Dettalji dwar special investigation techniques in relation to acts of terrorism
Question
Jista' il-Ministru jgħid kif wieġbet Malta lill-kunsill ta' l-Ewropa dwar it-talba għal dettalji dwar special investigation techniques in relation to acts of terrorism?
Response (BORG, JOE)
It-tweġiba ta' Malta lill-Kunsill ta' l-Ewropa dwar it-talba da parti ta' l-istess Kunsill għal dettalji dwar special investigation techniques in relation to acts of terrorism għada qed tiġi formulata mill-awtoritajiet konċernati.