Jista' il-Prim Ministru jgħid x'sar minn naħa tal-Gvern dwar il-pubbliċita' ħażina li ngħatat lil pajjiżna dwar -
L-iskandlu tat-
tender
tal-apparat mediku tal-Mater Dei;
Ir-referenzi għal Malta bħala tax haven fil-każ tal-Parmalat anki f'ġurnali influwenti bħall Financial Times;
Ir-rapporti f'Le Figaro dwar il-każ tad-diżastru marittimu dwar il-vapur Erika?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nissuġġerixxi lill-Onorevoli Interpellant li jaqra l-istqarrijiet maħruġa mill-awtoritajiet responsabbli.
Skond il-Gvern x'inhi r-raġuni propja u uffiċjali li kien hemm ħafna cruise call cancellations din is-sena - aktar u aktar billi il-Federation of Associations of Travel and Tourisim agents - FATTA- u l-iżviluppaturi tal-Cruise Terminal il ġdid, il-VISET ġabu raġunijiet differenti minn xulxin?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li huwa ferm diffiċli li wieħed jipprova jistabilixxi raġuni "uffiċjali" għal l-iżvilupp u l-andament tal-cruise market lejn Malta. Li wieħed jista' jagħmel hu li janalizza ċ-ċirkustanzi kollha, li qegħdin jaffettwaw dan is-suq f'Malta, kif ukoll barra minn Malta, sabiex dak li qed iseħħ jitpoġġa f'perspettiva aktar ċara.
F'dawn l-aħħar snin, is-suq tal-cruise wera rata ta' tkabbir sostanzjali, b'riżultat li dan il-fenomenu ġie ppopolarizzat ħafna u l-appell tçgħu jinfirex f'settur socio-ekonomiku, li tradizzjonalment ma kienx jiflaħ għall-piż finanzjarju ta' dan it-tip ta' vjaġġar. L-effett kien li n-numru ta' vapuri u passiġġieri zdiedu b'ammonti sostanzjali.
Fir-rigward ta' Malta, l-aħħar ftit snin kienu wkoll influwenzati mill-fatt li diversi linji tal-cruise liners għażlu li jikkonċentraw il-programm tagħhom fiċ-Ċentru u l-Punent tal-Mediterran a skapitu ta' destinazzjonijiet fil-Mediterran tal-Lvant u fl-Afrika ta' Fuq minħabba biża ta' attakki terroristiċi f'dawn il-partijiet tar-reġjun. B'riżultat ta' dan, Malta gawdiet minn żieda sostanzjali fil-programm ta' dawn il-cruise ships illi nkludew lil Malta bħala port of call fl-itinerarju tagħhom.
Fil-frattemp, l-awtoritajiet Maltin, kif ukoll il-consortium responsabbli għal l-iżvilupp tal-cruise passenger terminal fil-Port il-Kbir, imbarkaw fuq programm ta' investiment illi għandu iwassal sabiex Malta jkollha wçħed mill-iżjed terminals moderni u avvanzati fir-reġjun. L-iskop wara dan l-investiment hu prinċipalment illi jattira linji tal-cruise illi jibdew joperaw minn Malta bħala home port minnflok sempliċiment bħala port of call. Din id-distinzjoni tagħmilha possibli sabiex il-benefiċċji ekonomiċi ta' din l-attivita' jestendu wkoll għas-settur tat-trasport bl-ajru, ta' l-akkommodazzjoni u ta' service providers oħra, peress illi cruise passengers li jibdew u jtemmu l-cruise tagħhom f'Malta iridu jtiru lejn u minn Malta, kif ukoll jkollhom l-opportunita' li jestendu z-zjara tagħhom f'pajjizna bi ftit ġranet oħra. Għalhekk, huwa dan is-suq partikulari li joffri l-aktar prospetti għall-iżvilupp sostenibbli tal-cruise market.
Għal dan il-għan, l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu qegħda tkun proattiva ħafna fl-inizjattivi li qegħda twettaq, prinċipalment mal-VISET u l-MIA, kif ukoll ma, diversi stakeholders pubbliċi u privati oħra li huma relevanti għal dan is-settur, sabiex twaqqaf il-Malta Cruise Network, li l-iskop tçgħu huwa li jissinergizza l-isforzi tal-partijiet koncernati kollha, kif ukoll jiffoka l-istrateġiji promozzjonali nazzjonali, sabiex dan is-settur iżid il-kontribut ekonomiku tçgħu, jgħin fl-iżvilupp kontinwu ta' l-industrija tat-turiżmu, kif ukoll jistabbilixxi lil Malta bħala waħda mid-destinazzjonijiet marittimi ewlenin fil-Mediterran.
Jista' il-Ministru jikkonferma jekk l-ambaxxatur preżenti ta' Tuneż wara li jispiċċa minn ambaxxatur se jinħatar chief organiser tal-commonwealth heads of government meeting li se ssir f'pajjiżna?
Response (BORG, JOE)
L-informazzjoni li qed jagħti l-Onorevoli Interpellant fil-Mistoqsija tiegħu hija ġdida għalija, u għaldaqstant nitolbu jikkjarifika l-informazzjoni li għandu u jistaqsi lis-sors tiegħu minn fejn ġab din l-informazzjoni, għax jidher li dan is-sors jaf ċertu affarijiet li lanqas il-Ministeru tiegħi ma jaf bihom.
Il-gvern kemm għandu talbiet pendenti għal żjarat ġodda minn vapuri tal-gwerra matul din is-sena? Meta mistennija jseħħu?
Response (BORG, JOE)
Il-Ministeru tiegħi sa llum ħareġ l-awtoriżżazzjonijiet meħtieġa minnu għal żjarat ta' ħames vapuri navali li mistennija jiġu Malta min issa sa l-aħħar ta' Frar 2004.
Mużew nazzjonali ta' l-arti — Pitturi u antikitajiet mislufa lill-ambaxxati barra minn Malta
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk jistax jikkonferma li mill-pitturi u l-antikitajiet oħra mislufa mill-mużew ta' Malta lill-ambaxxati barra l-pajjiż, l-ebda waħda ma tinstab nieqsa? Dan b'riferenza partikolari għal ambaxxati fi Franza, Spanja u l-Italja.
Response (BORG, JOE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta mogħtija mill-Ministru għaż-Żgħażagħ u Kultura fis-Seduta Numru 88 għall-Mistoqsija ta' l-istess Onorevoli Interpellant numru 3765.
Inżid li wara li l-Ministeru għamel l-istħarriġ neċessarju irriżulta li ma hemm l-ebda pittura jew antikita oħra mislufa mill-Mużew ta' Malta lill-Ambaxxati barra l-pajjiż li hija nieqsa stante li kollha kemm huma jirriżultaw fl-inventarju relattiv ta' l-Ambaxxata jew tar-residenza uffiċċjali ta' l-Ambaxxatur.
(Risposta korretta b'Dokument imqieghed fuq il-Mejda tal-Kamra Nru 1008).
Jista' il-Ministru jgħid fiex waslet il-privatizzazzjoni tal-MOBC? Kemm hemm verita' li waħda mill-bidders hija consortium lokali komposta minn ditti lokali kompetituri ta' l-istess MOBC?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-proċes ta' Privatizzazzjoni jinsab fi stadju ta' analiżi.
Kull min jaħdem fix-xoghol tal-bunkering taż-żejt minn Malta u l-viċinanzi hu kompetitur tal-M O B C.
Nikkonferma li f'wieħed mill-consortia li għamlu offerta hemm inkluż kompetitur tal-MOBC.
Jista' il-Ministru jikkonferma jew jiċħad jekk fost id-diretturi u/jew diriġenti tal-MOBC hemmx nies li għandhom interessi privati f'bunkering operations oħra li qed isiru minn ditti oħra kompetituri tal-kumpannija? Jista' jikkonferma jekk fl-operat tal-MOBC hemmx diriġenti għoljin li għandhom konflitt ta' interess fl-esekuzzjoni tal-qadi tad-dmirijiet tagħhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li l-MOBC mhiex konxja tal-fatt allegat u ma hemm ebda direttur jew diriġent li għandu interess fl-operat tal-bunkering.
Il-kumpanija tikkonferma wkoll li sa fejn taf hi l-ebda diriġent ma għandu konflitt ta' interess fil-qadi tad-dmirijiet tiegħu.
B'danakollu, kemm il-darba l-Onor. Interpellant jista' jkun aktar speċifiku, anki fuq bażi kunfidenzjali, naċċertah li ma għandi ebda problema biex nagħmel l-investigazzjonijiet neċessarji.
Kemm inħarġu passaporti diplomatiċi fl-aħħar leġislatura u f'din il-leġislatura sena b'sena? Min huma dawn il-passport holders?
Response (BORG, JOE)
Mill-informazzjoni li ksibt mill-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern, in-numru ta' passaporti diplomatiċi li nħarġu, sena b'sena, matul il-perjodu ndikat mill-Onorevoli Membru, kien dan:
- Bejn il-11.09.1998 - 31.12.1998 ħarġu 15 il-passaport diplomatiku
- Bejn il-01.01.1999 - 31.12.1999 ħarġu 85 passaport diplomatiku
- Bejn il-01.01.2000 - 31.12.2000 ħargu 72 passaport diplomatiku
- Bejn il-01.01.2001 - 31.12.2001 ħarġu 65 passaport diplomatiku
- Bejn il-01.01.2002 - 31.12.2002 ħarġu 44 passaport diplomatiku
- Bejn il-01.01.2003 - 30.04.2003 ħargu 21 passaport diplomatiku
- Bejn il-01.05.2003 - 31.12.2003 ħarġu 61 passaport diplomatiku
- Bejn il-01.01.2004 - 14.01.2004 ħarġu 5 passaporti diplomatiċi
Infakkar lill-Onorevoli Membru illi numru konsiderevoli ta' dawn il-passaporti li nħarġu fi snin imgħoddija kellhom skadenza ta' ħames snin u uħud minnhom illum m'għadhomx validi.
Ma nħossx illi għandi nqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista dettaljata tal-passaporti diplomatiċi elenkati hawn fuq, iżda dispost li ngħaddi privatament lill-Onorevoli Membru din il-lista mħejjija mill-Ministeru konċernat.
Fid-dawl tat-tħassib li nqala' f'diversi pajjiżi Ewropej dwar il-kwestjoni ta' l-air safety wara l-crash ta' l-ajruplan tal-flash airlines f'Sharm El Sheikh fl-Eġittu, jista' il-Ministru jgħid jekk l-awtoritajiet lokali wrewx tħassib jew anke waqqfu third country aircraft li jtir lejn u minn pajjiżna minħabba safety standards inadegwati? Jekk iva, liema kienu l-airlines ikkonċernati?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment ta' l-Avjazzjoni Ċivili bħala proċedura jipproċessa applikazzjonijiet minn airlines li jixtiequ jinżlu Malta u jikkontrolla ċ-ċertifikati bażiċi ta' l-operatur u ta' l-ajruplan ikkonċernat qabel ma jingħata l-permess li jinżel Malta. Fortunatament ma kellniex applikazzjonijiet minn airlines biex iġorru passiġieri minn u lejn Malta li kien hemm xi dubju fuq is-safety standards tagħhom.
Mużew nazzjonali ta' l-arti — Pitturi u antikitajiet mislufa lill-ambaxxati Maltin
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-mużew nazzjonali ta' l-arti jżommx inventarju dettaljat tal-pitturi u antikitajiet oħra li jsellef lill-ambaxxati ta' Malta? Jekk le, għaliex? Jekk iva, jista' jgħid jekk hux żgur li l-ebda waħda minn dawn l-oħri ma għebet?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Il-Mużew Nazzjonali ta' l-Arti jżomm informazzjoni dwar dawk l-opri artistiċi jew storiċi li jiġu mislufa lill-ambaxxati ta' Malta. Din l-informazzjoni tinsab fir-records ta' l-inventarju ta' l-istess Mużew Nazzjonali. Jinżammu wkoll files li fihom korrispondenza u dokumenti dwar trasazzjonijiet ta' xogħolijiet ta' l-Arti u spezzjonijiet li saru matul iż-żmien f'xi wħud minn dawn l-ambaxxati.
Ma kien hemm l-ebda rapport ta' xi opra minn dawn li għebet ħlief għal waħda li qiegħda tiġi investigata.
Kunsill ta' l-Ewropa — Rapport tal-commissioner of human rights
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk irċeviex ir-rapport tal-commissioner of human rights tal-kunsill ta' l-Ewropa li żar Malta dan l-aħħar? Jekk iva, huwa l-każ li jpoġġih fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (BORG, TONIO)
M`għandi ebda oġġezzjoni li meta nirċievi r-Rapport Finali nqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid f'liema pajjiżi għandna ambaxxata jew se jkollna filwaqt li huma la għandhom u lanqas għandhom ħsieb immedjat li jiftħu ambaxxata f'pajjiżna?
Response (BORG, JOE)
Fil-preżent, Malta għandha jew se jkollha fil-ġejjieni qarib rappreżentanza permezz ta' Ambaxxatur Residenti f'dawn il-pajjiżi, li, minn naħa tagħhom, għad m'għandhomx Ambaxxata f'pajjiżna:
- L-Arabja Sawdita
- L-Awstrija
- Il-Belġju
- Id-Danimarka
- Il-Greċja
- L-Irlanda (l-Ambaxxata Maltija f'Dublin mistennija tiftaħ fil-ġejjieni qarib)
- Il-Marokk (l-Ambaxxata Maltija f'Rabat mistennija tiftaħ fil-ġejjieni qarib)
- Spanja (hemm konferma minn naħa tal-Gvern Spanjol li tinfetaħ Ambaxxata f'Malta dalwaqt)
- L-Isvezja
- L-Ungerija.
Huwa minnu li l-gvern qed jikkonsidra li jagħlaq l-ambaxxata tas-Sawdi Għarabja u jiftaħ waħda ġdida fil-Marokk?
Response (BORG, JOE)
Nikkonferma li l-Gvern fi ħsiebu illi jiftaħ Ambaxxata Maltija ġewwa Rabat fil-ġejjieni qarib.
F'dan l-istadju għadni m'inhiex f'qagħda li ngħid jekk l-Ambaxxata f'Riyadh hix ser tingħalaq fix-xhur li ġejjin jew le.
Jikkonferma l-Ministru li f'Ottubru l-konslu tagħna f'Iżrael flimkien ma' uffiċjali tas-sigurta' Iżraelita żaru l-MIA għal taħditiet dwar is-sigurta' fl-ajruport?
Response (BORG, TONIO)
F`Ottubru 2003, delegazzjoni Iżraelita ltaqgħet mal-Uffiċjal responsabbli għat-tmexxija ġenerali tas-sigurta` fl-avjazzjoni (Manager Airport Security).
Kumpannija Amerikana General Electric — Ex-ambaxxatur ta' Malta
Question
Dejjem skond rapporti li dehru fis-Sunday Times tal-4.01.04 u fit-Times tal-5.01.04, iħoss il-Ministru li kien etiku li ex-ambaxxatur ta' Malta li llum jaħdem f'pożizzjoni għolja mal-kumpannija Amerikana General Electric ġie rrappurtat li saret lobbying f'ismu mill-kumpannija li jaħdem magħha ma' l-awtoritajiet Maltin biex jiġi maħtur kummissarju ta' Malta għall-UE? Billi ġie rrappurtat li saru laqgħat tad-delegazzjoni tal-GE Electric ma' uffiċjali għoljin tal-Gvern Malti, min awtorizza li jsiru taħditiet bħal dawn li jmorru kontra l-etika fejn kumpannija barranija tagħmel pressjoni fuq gvern sovran dwar min għandu jinħatar kummissarju Ewropew biex jirrappreżenta pajjiż li m'għandu x'jaqsam xejn mal-kumpannija konċernata?
Response (BORG, JOE)
Huwa l-Gvern Malti li jiddeċiedi min ser tkun il-persuna li tiġi proposta lill-Unjoni Ewropea sabiex isservi bħala l-Kummissarju Malti fl-Unjoni. Dak li jinkiteb u jintqal qabel ma tittieħed din id-deċiżjoni mill-Gvern u qabel ma din issir pubblika, m'huwiex ħlief spekulazzjoni.
Jista' il-Prim Ministru jikkonferma jekk f'kuntatti li kellu ma' l-awtoritajiet Taljani qatt sar lobbying jew xi forma ta' pressjoni min-naħa Taljana biex it-tender ta' l-apparat mediku ta' l-isptar Mater Dei jingħata lill-kumpannija INSO Spa?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Kif inhu mistenni, il-gvernijiet ta’ pajjiżi, li minnhom kienu ġejjin il-kumpanniji li issottomettew “tender” għall-apparat mediku għall-Isptar Mater Dei, urew interess f’dan it-“tender”. Dan l-interess bl-ebda mod ma jista’ jiġi deskritt bħala pressjoni u huwa normali fl-ambitu tar-relazzjonijiet diplomatiċi bejn pajjiż u ieħor.
Jista' il-Ministru jgħid jekk sarux xi kuntatti ma' l-awtoritajiet Maltin min-naħa ta' l-investigaturi li qed jindagaw dwar il-miljuni ta' Euros li sparixxew mill-fondi tal-Parmalat? Il-Gvern iddetermina x'kien l-estent ta' l-involviment ta' kumpanniji rreġistrati Maltin fis-servizzi finanzjarji f'dan kollu?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat illi l-awtoritajiet relevanti Maltin mill-bidu nett li bdew ħerġin aħbarijiet fil-media internazzjonali dwar il-problemi tal Grupp Parmalat, inizjaw il-verifiki meħtieġa dwar soċjetajiet reġistrati Malta li setgħu kellhom x'jaqsmu ma' dan il-Grupp li bħalissa jinsab tant fl-aħbarijiet. B'dan il-mod, l-awtoritajiet u l-gvern Malti ikunu f'posizzjoni li jieħdu il-miżuri u l-azzjonijiet li tippermettilhom il-liġi.
M'inix f'posizzjoni li niżvela jekk u liema awtoritajiet esteri għamlu kuntatt ma' l-awtoritajiet Maltin, u din minħabba esiġenzi ta' kunfidenzjalita'.
Bl-informazzjoni miġbura sa issa, jirriżulta li dawn il-kumpanniji preżenti f'Malta kienu entitajiet kummerċjali normali li ma kienux jeħtieġu liċenzja speċjali mill-MFSA bħala regulatur tas-settur finanzjarju. Jien qiegħed niġi miżmum aġġornat bil-verifiki li qegħdin isiru u bir-riżultati relattivi. Nista' nikkonferma illi l-indaġni għadhom sejrin.
Jista' il-Ministru jgħid jekk Malta li diġa' uriet interess f'mod limitat li tgħin fir-rikostruzzjoni ta' l-Iraq hijiex wieħed mill-pajjiżi li skond l-Istati Uniti ma jistgħux jieħdu sehem f'dawn il-pjani ta' rikostruzzjoni? Il-pożizzjoni ta' Malta ġiet meqjusa bħala favur jew kontra l-gwerra fl-Iraq?
Response (BORG, JOE)
Id-Dipartiment tad-Difiża ta' l-Istati Uniti ħareġ direttivi dwar l-għoti ta' "kuntratti primarji" għar-rikostruzzjoni ta' l-Iraq fil-5 ta' Diċembru 2003.
Il-Gvern Amerikan ħareġ ukoll lista ta' 63 pajjiż li l-kumpaniji tagħhom jistgħu jikkompetu għal dawn il-"kuntratti primarji". Dawn il-pajjiżi huma l-Istati Uniti, l-Iraq, l-imsieħba fil-Koalizzjoni u dawk li bagħtu qawwiet biex iżommu s-sigurta' fl-Iraq. Il-Gvern Amerikan għamilha ċara li l-kumpaniji li jieħdu dawn il-"kuntratti primarji" għandhom il-liberta' kollha li jagħtu sottokuntratti lil kumpaniji minn kwalunkwe pajjiż.
Malta la hi msieħba fil-Koalizjoni u lanqas ma bagħtet qawwiet biex iżommu is-sigurta' fl-Iraq.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm ambaxxati li daħlu fi ftehim mal-MITTS għall-provvediment tal-LAN Requirements sabiex jiġu kkonnettjati mal-IT network tal-gvern?
Response (BORG, JOE)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa hemm 10 ambaxxati u uffiċċji Konsolari li huma mqabbdin mas-sistema tal-Gvern magħrufa bħala MAGNET. Dawn huma: Toronto, Washington, New York, Ruma, Brussel, Pariġi, Stockholm, Berlin, Londra u Madrid. Il-kuntratt dwar din il-linja ta' komunikazzjoni huwa bejn il-MITTS Ltd u il-Ministeru, u mhux l-ambaxxati individwalment.