Billi d-diriġenti tal-Malta Enterprise qalu li għandhom it-tir li joħolqu 10,000 impjieg ġdid f'medda ta' żmien relattivament qasir, dan sar abbażi ta' xi studju xjentifiku jew skond diktat tal-ministeru konċernat? Jekk sar abbażi ta' studju, jista' il-Ministru jippubblika l-istudju jew executive summary tiegħu?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ċ-ċifra ta’ 10,000 impjiegi ġodda li jeħtieġ li jinħolqu fuq medda ta’ ħames snin hi l-mira li l-Malta Enterprise qed taħdem għaliha u hi bbażata fuq statistika ta’ ċaqliq fis-suq tax-xogħol f’dawn l-aħħar snin, fejn jeħtieġ li jiġu maħluqa madwar 2,000 impjieg fis-sena. Dawn ikopru postijiet ġodda tax-xogħol li jridu jinħolqu għal dawk li qed ifittxu xogħol għall-ewwel darba, kif ukoll għal dawk l-impjegati li jeħtieġ li jinstabilhom xogħol alternattiv.
Ta’ min jinnota li l-Malta Enterprise hi responsabbli għal kull tip ta’ intrapriża bl-eċċezzjoni tat-Turizmu u s-Servizzi Finanzjarji, għaldaqstant l-impjiegi l-ġodda iridu jkunu maħluqa f’dawk l-oqsma li l-Malta Enterprise hi responabbli għalihom.
Jista' il-Ministru jgħid jekk għadhomx isiru breathalyser tests? Kemm saru matul is-sena li għaddiet? Kemm saru din is-sena? X'kien l-eżitu ta' dawn it-tests?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena l-oħra kien hemm 108 sewwieq li l-Pulizija għamlitlu t-testijiet tan-nifs fuq suspett li kienu qed isuqu taħt l-influwenza ta` l-alkoħol. Minn dawn 54 irriżultaw fil-pożittiv, 5 irriżultaw fin-negattiv, filwaqt li 49 irrifjutaw jew it-test ma kienx komplut.
Infurmat ukoll illi bejn l-1 u t-23 ta` Jannar ta` din is-sena, kien hemm 4 sewwieqa li l-Pulizija għamlitlu t-testijiet tan-nifs fuq suspett li kienu qed isuqu taħt l-influwenza ta` l-alkoħol. Minn dawn 3 irriżultaw fil-pożittiv, filwaqt li 1 irrifjuta jew it-test ma kienx komplut.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li skond ma kkonferma kunsillier Nazzjonalista, il-gvern naqas li jikkonsulta lill-kunsill lokali tas-Siġġiewi dwar l-applikazzjonijiet tal-gvern biex jiftaħ landfills fil-qasam Tal-Magħluq u fil-qasam il-Kbir? Kif jispjega l-fatt illi l-kunsill sar jaf b'dawn l-iżviluppi biss permezz tal-media?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jiena nfurmat li l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ikkonsultat lill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi f’ żewġ okkażjonijiet dwar l-applikazzjonijiet sabiex jinfetħu landfills fil-qasam Tal-Magħluq u fil-qasam il-Kbir. L-ewwel fil-15 ta’ Lulju 2003 il-Kunsill ġie kkonsultat dwar it-termini ta’ referenza (terms of reference) għall-Environment Impact Assessment (EIA) u fis-6 ta’ Jannar 2004 intbgħat lilu kopja ta’ l-Impact Statement u ntalab jikkumenta.
Fid-dawl tal-fatt li l-Prim Ministru fil-qorti ammetta li żbalja dwar l-allegazzjoni infondata li Dr. Alfred Sant kien żamm lill-ibnu milli jidħol fl-Universita', jistax jgħid jekk humiex se jittieħdu passi kontra l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, li issa rriżulta li xehed falz fil-qorti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-kawża msemmija mill-Onorevoli Interpellant għadha mhix deċiża. L-Onorevoli Interpellant jifhem li m`għandu jingħad xejn li jista` jippreġudika proċeduri fil-Qorti.
Jista' il-Ministru jgħid meta se tittieħed deċiżjoni finali dwar id-diversi golf course proposals għall-gżejjer Maltin u Għawdxin?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għandha quddiema tlett applikazzjonijiet għal 'Golf Courses' li huma Verdala, Ħabel Bellu, u Ta' Ċenċ. L-applikazzjonijiet Ta' Ċenċ u Ta' Ħabel Bellu qed jiġu pproċessati u bħalissa qiegħed jiġi ppreparat 'Environment Impact Statement'. L-istudji fuq l-applikazzjoni tal-Verdala ġew finalizzati u qegħdin jiġu pproċessati biex finalment jiġi preparat ir-rapport finali b' rakomandazzjoni għal quddiem il-Bord tal-MEPA.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ma ttieħdux passi kriminali kontra d-diriġenti tal-Price Club wara li skond xiehda mogħtija fil-qorti minn direttur ta' Price Water Coopers ilu li deher ċar - kif ikkonfermat riċentement fil-Malta Today - li kien hemm imġieba skandaluża min-naħa tad-diretturi tal-Price Club fix-xhur li wasslu għall-kollass taċ-chain ta' supermarkets?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi s`issa il-Pulizija ma kellha ebda rapport dwar xi ksur tal-liġi kriminali fil-każ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant.
Tista' l-MFSA tagħmel investigazzjoni serja dwar stockbrokers li allegatament inkoraġġew lill-investituri Maltin biex xi żmien ilu jinvestu flushom fil-Parmalat - kif irrappurtat fil-Malta financial & business times?
Response (DALLI, JOHN)
Is-suġġeriment magħmul mill-Onorevoli Interpellant ser ngħaddih lil awtorita' kompetenti sabiex teżamina jekk hux ġustifikat li ssir tali investigazzjoni. Izda, ta' min wieħed jiftakar, li sa ftit gimgħat ilu, l-ishma u bonds tal-Grupp Parmalat kienu meqjusa internazzjonalment bħala investimenti tajbin ħafna. Apparti dan, jiena konvint illi l-Interpellant jinsab aġġornat bl-aħħar żviluppi barra minn Malta dwar Rating Agency partikolari in konnessjoni ma' dan l-istess każ.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm cheques tar-refunds ta' l-income tax datati 26 u 27 ta' Diċembru, 2003 li ġew mibgħuta bil-posta fis-sena l-ġdida biex itaffu xi ftit il-problemi ta' cash flow tal-gvern? X'kien l-ammont totali nvolut? Jikkonferma l-Ministru li meta nies li għadhom qed jistennew refunds ċemplu lid-dipartiment, qalulhom li ċ-ċekkijiet bid-data ta' Diċembru mhumiex se jaslulhom qabel id-29 ta' Jannar, 2004? Kemm jikkalkula li se jkollu jħallas interessi l-gvern lil dawn it-taxpayers minħabba dan id-dewmien deliberat?
Response (DALLI, JOHN)
Nixtieq infakkar li fl-1999 il-Gvern kien intrabat li jħallas ir-refunds taħt is-sistema l-ġdida tas-Self Assessment fi żmien sitt xhur mid-data li trid tintbagħat il-formola tat-taxxa. Taħt din is-sistema mill-1999 sal-aħħar tas-sena 2003, id-Dipartiment tat-Taxxi Interni ħallas total ta’ aktar minn Lm34 miljun f’refunds lil 105,991 individwi u kumpaniji fiż-żmien stipulat bil-liġi. Il-proċess għall-ħlas tar-refunds għall-2003 kien inbeda biex jitħallsu skond kif titlob il-liġi, pero’ dan ma kienx finalizzat minħabba l-ħtieġa urġenti ta’ xi stħarriġ u verifiki oħra li kellhom isiru.
L-ammont totali ta’ refunds li kienu diġa’ ġew ipproċessati iżda li tħallsu f’Jannar kien ilaħħaq Lm 911,118 lil 4,020 individwu. L-impatt finali dwar x’interessi finalment jistgħu jitħallsu jkun magħruf meta l-istħarriġ u l-verifiki l-oħra jintemmu.
Dwar x’ingħad lin-nies meta ċemplu lid-dipartiment, jidher li l-Onorevoli Membru huwa iżjed infurmat minni dwar x’intqal minn xi impjegati tad-dipartiment.
Jisa' il-Ministru jgħid x'kienet ir-reazzjoni ta' l-awtoritajiet Maltin għas-suġġeriment tal-president Taljan li għandna nikkonsidraw biex naddottaw il-lingwa Taljana bħala t-tielet lingwa nazzjonali u uffiċjali ta' pajjiżna?
Response (BORG, JOE)
Nifhem li l-President Taljan għamel ir-rimarki tiegħu biex jenfasiżża hu wkoll il-viċinanza kulturali taż-żewġ popli u għalhekk ħadd m'għandu ħsieb li Malta jkollha xi lingwa uffiċċjali oħra.
Jista' il-Ministru jgħid xi tħejjijiet saru bħala parti minn programm edukattiv ta' tħejjija sabiex l-istabbilimenti kollha jaddottaw mingħajr xkiel ir-regolamenti dwar "no smoking" li se jiġu fis-seħħ f'anqas minn tliet xhur oħra?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Id-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa nieda bosta kampanji biex jeduka lill-pubbliku dwar il-periklu li jikkawża t-tipjip passiv. Sa mill-1993, tħejjew kampanji edukattivi dwar kif it-tipjip passiv jikkawża l-kanċer.
Id-Dipartiment dejjem offra għajnuna għal kull min ried iġib fis-seħħ l-iSmoke Free Policy fl-istabbilimenti, anke qabel ma ħarġet il-liġi dwar it-tipjip fil-postijiet pubbliċi. Id-Dipartiment iltaqa' mal-MHRA biex jiddiskuti din il-liġi.
Id-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa nieda ktejjeb ta' informazzjoni li jipprovdi dak li hemm miktub fl-avviż legali 244 ta' l-2003, fi kliem adattat għall-pubbliku. Dan ser jitqassam ma' Malta u Għawdex. Dan il-ktejjeb huwa mingħajr ħlas u qed jiġi reklamat fil-media bħal gazzetti u revisti.
Il-gvern għandu pjan komprensiv mifrux fuq medda ta' żmien għar-re-skilling u re-training ta' dawk il-ħaddiema li tilfu u/jew li mistennija jitilfu l-impjieg fil-ġejjieni qarib?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li, minbarra il-ħidma li qed iwettqu l-MCAST, l-Universita' u id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, il-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ permezz ta' l-Intervention Unit tagħha, malli jkollha tagħrif li xi impjegati ser jispiċċaw bla impjieg hija mill-ewwel tinforma lill-impjegati ikkonċernati bil-lista tal-korsijiet li toffri l-Korporazzjoni.
Sadanittant, dawk li japplikaw għal xi kors waqt li jkunu għadhom fuq in-notice jingħataw prijorita' u jiġu eżentati mill-ħlas fejn applikabbli.
Minn naħa l-oħra l-Korporazzjoni dejjem tara li l-korsijiet li toffri huma skond id-domanda tas-suq tax-xogħol.
Il-Korporazzjoni qiegħdha ukoll f'kuntatti mal-Malta Enterprise biex tkun mgħarrfa x'inhi id-domanda u b'hekk tieħu ħsieb li tħarreġ in-nies f'dik il-linja.
Kemm saru laqgħat tat-task force tat-Tarzna fis-sena 2003? Meta saru u kemm saru laqgħat din is-sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fis-sena 2003 saru 8 laqgħat tat-Task Force. Dawn saru fil:
14.02.03
5.06.03
18.06.03
1.07.03
18.07.03
1.08.03
5.09.03
26.09.03
Dan apparti l-laqgħat li sussegwentement saru biex ikun negozjat il-Ftehim Kollettiv.
Żjarat f'Malta — Personalitajiet u Politiċi Barranin
Question
Xi żjarat minn personalitajiet u politiċi barranin hemm ikkonfermati s'issa għas-sena 2004? X'inhuma id-dati?
Response (BORG, JOE)
Attwalment hemm numru sostanzjali ta' viżiti importanti li huma pendenti, pero' dawk li ġew ikkonfermati sa llum huma kif ġej:
FRAR
16 - 18 Żjara Statali mill-President tal-Latvja;
19 - 20 Żjara mill-Kummissarju Ewropew Neil Kinnock;
23 - 24 Żjara mill-Kummissarju Ewropew Frits Bolkenstein;
24 Żjara mill-Kanċillier Tedesk Gerhard Schroeder;
MARZU
08 - 10 Żjara Statali mill-President tal-Polonja;
APRIL
01 - 02 Żjara mill-Kummissarju Ewropew Anna Diamantopoulos;
MEJJU
13 Żjara Uffiċċjali mill-Prim Ministru Irlandiż.
Voice of the Mediterranean — Medjazzjoni tal-E.T. il-President ta' Malta
Question
X'kien l-eżitu tal-medjazzjoni tal-E.T. il-President ta' Malta fil-każ tal- Voice of the Mediterranean li għaliha saret referenza fil-media lokali il ġimagħa li għaddiet?
Response (BORG, JOE)
Jiena nfurmat illi s-sitwazzjoni fir-rigward tal-Voice of the Mediterranean sa issa għadha ma nbidlitx minn dik li hi magħrufa pubblikament.
B'referenza għall mistoqsija parlamentari numru 38620 tal-leġislatura l-oħra tista' il-MEPA tieħu passi dwar dan il-każ li għadu pendenti? Ninsab infurmat mill-persuna li resqitli l-ilment li l-uffiċjali tal-MEPA ma setgħux joħorġu enforcement notice fuq il-fond indikat għaliex allegatament il-persuna li toqgħod fil-fond ma fetħililhomx il-bieb kul meta marru fuq il-post?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li minkejja li saru diversi tentattivi sabiex issir spezzjoni fil-post indikat, dan sal-lum qatt ma kien possibli. Dan minkejja diversi noti li ntbagħtu lill-okkupant u anke diskussjoni mal-Pulizija u mal-Kunsill Lokali għal iżjed informazzjoni dwar l-individwu. L-uffiċjal tal-Awtorita ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) kellu jkun ukoll infurmat mill-persuna li qed tirraporta, appena din tinnota fuq il-post lil min huwa responsabbli. Dan il-kuntatt s' issa ma sarx.
Tajjeb li jingħad li din l-istruttura ġiet osservata minn fuq bejt ta' terzi fejn jirriżulta li din tinvolvi kamra ta’ l-injam xi 10' x 8' li nbniet snin ilu u li minħabba nuqqas ta’ manutenzjoni iddeterjorat bir-riżultat li jista’ qed jinħoloq xi perikolu minn xi njam li allegatament qed jaqa’. Fil waqt li l-Awtorita’ ma tinvolvix ruħha dwar perikolu, l-istess tip ta kamra tista’ tkun rregolarizzata bl-Ordni dwar Notifikazzjoni ta’ l-Iżvillupp (DNO) sakemm issir notifika lill-Awtorita’ u diment li din tikkwalifika taħt ċerti kundizzjonijiet speċifikati taħt Klassi 1 (vii) ta’ l-istess Ordni. Jekk il-każ huwa hekk, ma tittieħidx azzjoni t' infurzar skond l-Att 1 ta 1992.
Jista' il-Ministru jinvestiga ilmenti li l-fond li hemm fuq 120, Luqa Briffa Str, Gżira ilu snin jiġi irriklamat bħala guest house meta ma għandhux il-permess meħtieġa?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li ma teżistix liċenzja ta' Guest House fuq il-fond imsemmi. L-Awtorita' tat-Turiżmu ta' Malta qed tinvestiga l-każ biex jittieħdu l-passi meħtçġa.
Uffiċċju ta' l-awtorita' Maltija tat-turiżmu — Persuna responsabbli mill-budgeting finanzjarju
Question
Jista' il-Ministru jikkonferma li l-persuna responsabbli għal abbuż mill-budgeting finanzjarju f'wieħed mill-uffiċini barranin tal-MTA ġie mkeċċi? Jikkonferma li dan kollu ġara fl-uffiċini ta' l-Olanda?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-MTA ma keċċit lill-ebda persuna mpjegata fl-uffiċini barranin tagħha.
Awtorita' Maltija tat-turiżmu — Direttur tal-marketing
Question
Huwa minnu li d-direttur marketing tal-MTA irriżenja? X'wassal għal dan? Huwa minnu li l-Ministru issa ħatru bħala konsulent tiegħu? Jekk iva, x'inhu l-pakkett finanzjarju offrut lilu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li mhux minnu li d-Direttur tal-Marketing and Promotion ta' l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu rriżenja, lanqas ma hu minnu li jien ħtartu bħala kunsulent tiegħi.
Dak li gara hu li seħħet bidla fit-tmexxija tad-Direttorat tal-Marketing and Promotion, bir-riżultat li d-Direttur preċedenti ngħata responsabbiltajiet ġodda fi ħdan l-Awtorita'.
Jista' il-Ministru jagħti tweġiba dettaljata dwar il-fatturi kollha li wasslu lill-kumpanija ITS Malta Ltd - sussidjarja tal-Innovative Transportation Systems AG li taħsibha mill-ġdid dwar li tinvesti f'pajjiżna fejn kellha toħloq 500 impjieg fi żmien ħames snin minħabba red tape u burokrazija żejda, propju ftit jiem wara li s-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo kien stqarr fil-Parlament li kien lest jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu mill-ġdid jekk ma jinqatax ir-red tape li qed tiffaċċja l-komunita' industrijali u kummerċjali ta' pajjiżna?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li kif joħroġ ċar minn stqarrija maħruġa mill-Malta Enterprise, l-Kumpanija ITS Malta Ltd. għadha interessata li tinvesti f’Malta. Filfatt, id-diskussjonijiet bejn din il-kumpanija u l-Malta Enterprise jinsabu f-livell avvanzat.
L-Air Malta għandha xi ħsieb li tagħmel tal-post lil xi wħud mill ħaddiema li kienu ġew ingaġġati għal żmien temporanju u għas-sajf? Jekk iva, kemm hemm ħaddiema involuti u meta sejjer isir jew sar dan?
Response (GATT, AUSTIN)
L-Air Malta għandha grupp ta' 42 persuna li qegħdin allokati f'diversi dipartimenti. Dawn il-persuni għandhom kuntratt definit sa' l-aħħar t'April 2004.
Il-Kumpanija għad m'għandhiex pjan dwar dawn il-persuni jekk hux ser jingħataw kuntratt indefinit jew le.