Huwa minnu li n-naħa Iżraelita għamlet lobbying mal-Gvern Malti biex ikun hemm aktar appoġġ għall-Iżrael fil-voting sessions tal-Ġnus Magħquda?
Response (BORG, JOE)
Il-Gvern Iżraeljan, bħal kull pajjiż membru ieħor tal-Ġnus Magħquda, jagħmel lobbying biex iwassal il-pożizzjoni tiegħu fuq dawk l-issues li jikkonċernawh l-aktar mill-viċin. Waqt li l-Gvern Malti dejjem jieħu in konsiderazzjoni l-lobbying kollu li jsir f'dan ir-rigward, il-pożizzjonijiet finali li jieħu fil-voting sessions fuq il-kwistjoni Palestinjana jibqgħu bbażati fuq il-politika tiegħu ta' appoġġ għad-drittijiet tal-poplu Palestinjan fl-isfond ta' soluzzjoni ibbażata fuq l-eżistenza ta' żewġ Stati indipendenti - Iżrael u l-Palestina - li jgħixu flimkien fis-sliem u s-sigurta. Dan ġara wkoll matul is-sessjoni li għaddiet ta' l-Assemblea Ġenerali.
Jista' il-Ministru jikkonferma jekk mill-istħarriġ li għamlet l-ambaxxata Maltija f'Washington irriżultax jew le li l-emendi riċenti Amerikani għall-Internal revenue code jistgħux ikollhom konsegwenzi negattivi fuq l-industrija marittima Maltija?
Response (BORG, JOE)
Ninsab infurmat li s'issa l-pożizzjoni ta' Malta għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-emendi msemmija hija l-istess bħal dik ta' pajjiżi oħra li għandhom reġistru marittimu bħal tagħna (Ċipru, Panama, Liberia, Marshall Islands, Bahamas etc.) u li bħalna għandhom sehem kbir f'dan il-qasam marittimu. Nixtieq nżid li s-sitwazzjoni qed tiġu studjata kemm mill-awtoritajiet Amerikani kif ukoll mill-Awtorita' Marittima Maltija. Nirreferi wkoll lill-Onorevoli Membru għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 2672.
Chemical weapons convention — Workshop/seminar tal-OPCW
Question
Huwa minnu li fil-ġejjieni qarib Malta se tospita workshop/seminar tal-OPCW dwar l-universatilita' tal-Chemical weapons convention? Jekk iva, min se jħallas għal din il-konferenza?
Response (BORG, JOE)
Nikkonferma illi fil-ġejjieni qarib, Malta se tospita Workshop tal-OPCW dwar l-universatilita' tal-Chemical Weapons Convention, wara proposta li saret mis-Segretarjat Tekniku tal-OPCW sabiex dan il-Workshop isir f'Malta. Għal dan il-Workshop se jattendu bejn 30 u 35 rappreżentant minn pajjiżi tal-Mediterran, l-Asja, l-Afrika flimkien ma' uffiċċjali tal-OPCW.
Il-Gvern Malti se joħroġ parti żgħira mill-ispejjeż ta' dan il-Workshop. L-OPCW se tkopri l-ispejjeż kollha għall-akkomodazzjoni, ikel u allowances tal-parteċipanti, għal servizzi ta' interpretazzjoni waqt il-Workshop u għal riċeviment u xi servizzi oħra konnessi mal-Workshop.
Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra min hi l-kumpannija li qed tieħu ħsieb il-website tal-ministeru? Min huma d-diretturi ta' din il-kumpannija? Kemm qed titħallas tas-servizzi li qed tagħti? Hemm xi flus pendenti u dovuti lil din il-kumpannija? Ma' din il-kumpannija hemm impjegati ulied xi uffiċjal għoli fil-ministeru?
Response (BORG, JOE)
L-Informatics Atelier ta' 24, Vjal l-Indipendenza, l-Mosta hija l-kumpanija li qed tieħu ħsieb il-website għall-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin u dan skond letter of understanding li ġġib id-data tat-13 ta' Mejju, 2002. Id-Diretturi ta' din il-kumpanija huma s-Sur Christopher Borg u s-Sur Dalibor Milenkovic li minn naħa tiegħu kien ilu jipprovdi is-servizzi tiegħu f'dan ir-rigward lill-Ministeru mill-1995. Il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin iħallas rata ta' LM5.75 (15% VAT inkluża) fis-siegħa għas-servizz ta' din il-kumpanija. L-unika kont li hemm pendenti huwa dak li jkopri Novembru u Diċembru 2003 ta' LM920.00 peress li wasal il-Ministeru fit-28 ta' Jannar 2004. L-impjegati ta' din il-kumpanija huma l-istess Diretturi. Nikkonferma li s-Sur Christopher Borg huwa qarib ta' uffiċċjal li jaħdem fil-Ministeru.
Jista' il-Ministru jikkonferma li kien hemm uffiċjal posted f'Parigi li kien se jintbagħat Brussels bħala uffiċjal tekniku fuq affarijiet veterinarji u għal xi raġuni jew oħra l-posting tiegħu għall-Brussels tħassar u l-istess uffiċjal ingħata posting fl-Ambaxxata Maltija f'Tuneż mingħajr biss ma nħarġet posting order?
Response (BORG, JOE)
Il-ħruġ ta' Posting Order biex tkopri l-postings ta' uffiċċjali fl-ambaxxati Maltin barra minn Malta hija proċedura amministrattiva, li mhux neċessarjament issir bil-quddiem, jiġifieri, qabel ma l-uffiċċjali konċernati jibdew jieħdu posthom fl-ambaxxati fejn ikunu ntbagħtu. Il-Posting Order relattiva għall-uffiċċjal imsemmi fil-fatt ħarġet il-Ġimgħa 6 ta' Frar 2004.
Jikkonferma l-Muinistru li qed isiru sforzi biex in-North South Economic Forum li se jsir f'Vilnius f'Marzu ta' din is-sena jsir f'Malta f'Settembru tas-sena d-dieħla?
Response (BORG, JOE)
Jiena nfurmat li m'huma isiru l-ebda sforzi mill-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin sabiex in-North South Economic Forum isir f'Malta.
Jista' il-Ministru jikkonferma li l-Gvern Ungeriż għadu kif informa lill-Gvern Malti li ma hemmx ċans li jirreċiproka l-ftuħ ta' ambaxxata Maltija f'Budapest mill-inqas qabel is-sena d-dieħla?
Response (BORG, JOE)
Il-Gvern Ungeriż, filwaqt li kien esprima sodisfazzjon għad-deċiżjoni ta' Malta li tinfetaħ Ambaxxata Maltija ġewwa Budapest, sostna li dan il-ġest jiġi reċiprokat minn naħa Ungeriża ma' l-ewwel opportunita' possibbli.
Ambaxxati Maltin — Visa section - nationals barranin
Question
Jista' il-Ministru jgħid kienx hemm xi ambaxxati Maltin barra l-pajjiż fejn spiss irriżulta li nationals barranin li applikaw il-visa section ta' l-ambaxxata ippreżentaw għadd ta' employment documents mbagħbsa (forged)? Jekk iva, fejn irriżulta dan? Huwa minnu li ġieli kien hemm każi fejn individwi barranin applikaw għall-visa biex jidħlu Malta f'ċerta ambaxxata fejn ippreżentaw inviti minn kumpanniji Maltin biex iżuru pajjiżna għal taħditiet kummerċjali fejn wara li sar l-istħarriġ neċessarju rriżulta li ma kien jeżisti ebda rbit kummerċjali bejn iż-żewġ naħat?
Response (BORG, JOE)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed tinġabar u r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Malta ingħaqdet mal-EU BAN fuq l-importazzjoni ta' poultry products mis-Southkorea, il-Ġappun, il-Vietnam u t-Tajlandja minħabba li ġew skoperti każi ta' bird flu fin-nies ġewwa t-Tajlandja?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Malta ma timpurtax la tiġieġ u lanqas agħsafar mill-pajjiżi msemmija u lanqas laħam iffriżat. Fil-fatt f’ dawn l-aħħar snin qatt ma ħarġu liċenzji għall-kummerċ ta’ dawn il-prodotti mill-Ġappun, South Korea, Vietnam u Tajlandja.
Il-Gvern Malti ħa nota tal-konklużjonijiet tar-rapport tal-OECD dwar l-użu tal-computers fl-iskejjel fejn wasal għall-konklużjoni li għalkemm f'dawn l-aħħar snin infirex l-użu sew tal-information and communications technologies (ICT) fl-iskejjel ewlenin fl-aktar pajjiżi avvanzati tal-OECD xorta waħda għadu diżappuntanti l-mod li bih dawn il-computers qed jiġu wżati fuq bażi ta' day to day l-aktar fl-upper secondary schools?
Fil-każ ta' l-upper secondary schools Maltin, ġew identifikati xi barriers strutturali għall-avvanzi meħtieġa?
Meta għamel l-assessment tiegħu il-gvern ħa nota tax-scheduling tal-ħinijiet ta' l-għalliema, il-class room organisation kif ukoll l-iżvilupp professjonali ta' l-għalliema? X'inhu l-persentaġġ ta' l-istudenti li jattendu skejjel fejn hemm biżżejjed workstations għal kull għalliem? Għadu jeżisti shortage ta' computers għall-istudenti?
Fl-applikazzjoni tal-computers fl-iskejjel upper secondary dawn qed jintużaw l-aktar bħala sors addizzjonali ta' taħriġ jew biex jippermettu lill-istudenti li jaħdmu bil-pass normali tagħhom?
X'inhu l-persentaġġ ta' għalliema li jużaw standard computer applications?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li it-tagħrif kollu għadu ma wasalx, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jaf il-Ministru li fost il-konklużjonijiet tar-rapport tal-OECD dwar l-użu tal-computers fl-iskejjel wieħed isib li: hemm diffikultajiet fl-integrazzjoni tal-ICT fit-taħriġ fl-iskejjel; hemm problemi fix-scheduling ta biżżejjed computer time fl-iskejjel; hemm problemi dwar nuqqas ta' ICT skills and knowledge fost diversi għalliema; waħda mill-problemi ewlenin li jsibu f'ħafna skejjel huwa li jiltaqgħu ma ħafna diffikultajiet meta jiġu biex jagħmlu reklutaġġ ta' ICT teachers; l-iskejjel fil-pajjiżi Nordiċi kisbu l-akbar suċċess f'dan il-qasam minħabba l-availability and use of computers kif ukoll minħabba l-iżvilupp professjonali għoli ta' l-għalliema?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li id-Dipartiment tat-Teknoloġija fi ħdan il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni huwa kontinwament iżomm ruħu aġġornat rigward dokumenti maħruġa minn entitajiet internazzjonali b'mod partikolari ta' l-Unjoni Ewropeja kif ukoll ta' l-OECD. Jidher li l-Onor. Membru qed jirreferi għad-dokument maħruġ mid-Directorate of Education ta' l-OECD intitolat 'Disappointing Use of ICT in Upper Secondary Schools' maħruġ fi Frar 2004. Id-Dipartiment tat-Teknoloġija għandu prinċipalment ir-responsabbilta' ta' l-użu ta' l-ICT fil-Primarja u Sekondarja, kif ukoll taż-żewġ skejjel Post Sekondarji Giovanni Curmi, Higher Secondary School, Naxxar u Sir Mikielang Refalo, Centre for Further Studies - Post Secondary Complex, Rabat, Għawdex. Ittieħdu diversi inizjattivi biex ikun hemm l-aħjar użu ta' l-ICT fl-iskejjel, fosthom:-
1. Sar investiment qawwi tal-computers fl-iskejjel, tant li llum hemm 6000 computer fil-primarji u fis-sekondarji u dan jirriżulta illi Malta għandha waħda mill-ogħla computer student ratio fid-dinja.
2. Kull għalliem tal-primarja għandu laptop biex ikun jista' jipprepara il-lezzjonijiet bl-użu ta' l-ICT.
3. Computers fl-iStaff Rooms ta' l-iskejjel sekondarji għall-użu ta' l-għalliem.
4. Computers fl-amministrazzjoni ta' kull skola.
5. Aċċess għall-broadband fl-iskejjel kollha.
6. Web-based e-mail għal kull student u kull għalliem.
7. Sponsorship għall-għalliema biex jieħdu Diploma fl-ICT fil-Fakulta' ta' l-Edukazzjoni fl-Universita' ta' Malta.
8. Korsijiet wara l-ħin (bla ħlas) għall-għalliema fuq l-użu effettiv ta' l-ICT fil-klassijiet. Dawn il-korsijiet kienu ta' suċċess kbir tant li qed japplikaw aktar minn 1000 għalliem għal dan it-taħriġ.
9. Ġew maħtura numru ta' Peripatetic u Support Teachers biex jgħinu l-għalliema fl-integrazzjoni ta' l-ICT.
10. Siti b'riżorsi għall-integrazzjoni ta' l-ICT fil-klassi fejn l-għalliema jistgħu isibu għajnuna u direzzjoni f'dan il-qasam. Is-Siti huma hekk:- Għall-primarja http://schoolnet.gov.mt/ictprimary u http://schoolnet.gov.mt/primarythemes filwaqt li għas-sekondarja http://schoolnet.gov.mt/ictsec.
11. L-integrazzjoni tat-tagħlim tal-Matematika bl-użu ta' l-IT. l-għalliema tal-Matematika jieħdu t-tfal jagħmlu lezzjoni darba fil-ġimgħa fil-computer laboratories fejn jużaw software adattat għat-taħriġ tal-Matematika.
12. L-introduzzjoni tal-European Computer Driving Licence (ECDL) fl-iskejjel sekondarji kollha.
Fuq livell prattiku, kif tista' tiġi miġġielda l-ġlieda ta' l-ispam fil-computers minn pajjiżna meta ħafna minnha toriġina mill-Istati Uniti u ġurisdizzjonijiet oħra li mhumiex koperti minn leġislazzjoni effettiva?
Il-gvern xorta waħda beħsiebu jkompli bil-pjani li jkollna leġislazzjoni dwar dan is-suġġett?
X'jista' isir u x'qed isir biex jitjib il-cross border co-operation dwar network security u law enforcement bħala parti mill-multipronged drive fil-ġlieda biex titħares l-integrita' ta' l-internet? Għalkemm Malta mhijiex membru sħiħ tal-OECD il-Gvern Malti jikkordina l-ħidma tiegħu fil-qasam ta' l-informatika ma din l-organizzazzjoni dinjija?
Il-Gvern Malti kien rappreżentat fl-OECD workshop on spam li ġie ospitat dan l-aħħar mill-Kummissjoni Ewropea fi Brussels?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-ġlieda kontra l-ispam hija iebsa u t-tnedija ta' leġislazzjoni hija mod wieħed biss ta' kif nistgħu nsibu soluzzjoni għal din il-problema. L-aħjar mod biex innaqsu l-effett negattiv ta' l-ispam huwa li inqajmu kuxjenza fuq din il-problema u ngħallmu liċ-ċittaddin li għandhom jerfgħu r-responsabilita' tagħhom meta jużaw l-Internet u meta jagħtu d-dettalji tagħhom personali. Il-pubbliku jrid ikun konxju mir-regoli bażiċi li huma applikabli għal l-ispam u kif jista' jevita l-ispam. Għalhekk huwa importanti li l-ġlieda kontra l-ispam tiġi affrontata prinċipalment mil-lat edukattiv.
Il-Kodiċi Kriminali diġa jittratta l-kwistjoni tal-ksib ta' databases mingħajr awtorizzazjoni. Il-problema ta' Spamming hija mħarsa l-aktar fl-Att dwar il-Protezzjoni u l-Privatezza tad-Data, fejn jingħad li ħadd m'għandu juża jew iġiegħel li jintuża xi servizz ta' telekomunikazzjoni li jkun disponibbli pubblikament sabiex jagħmel xi komunikazzjoni mhux mixtieqa għall-fini ta' bejgħ diret permezz ta':
(a) Kommunikazzjoni elettronika, jew
(b) Facsimile, jew
(c) posta elettronika
lil xi persuna naturali, kemm il-darba l-individwu ma jkunx ta l-kunsens tiegħu espliċitu bil-quddiem u bil-miktub. Persuna li tikser din il-liġi tista' teħel penali amministrattiva ta' mhux iżjed min elf lira.
F'dan l-isfond il-Gvern għandu żewġ għazliet - jista' jieħu pożizzjoni iebsa jew inkella jħalli kollox kif inhu b'xi emendi żgħar.
Eżempju ta' pożizzjoni iebsa fil-każ tal-Kodiċi Kriminali tista' tkun li l-pieni jiżdiedu jekk jiġi ppruvat li l-offiża saret bi skop ta' profitt.
Fiċ-ċirkostanzi, għad irid isir iżjed studju fil-fond qabel ma tittieħed deċizjoni finali.
Il-Gvern isegwi mill-qrib l-iżviluppi u r-rakkomandazjonijiet ta' l-OECD, u anke adotta xi rakkomandazzjonijiet ta' din l-organizzazzjoni fil-Pjan Nazzjonali Strateġiku għall-oqsma tat-Teknoloġija ta l-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni.
Iva, il-Gvern Malti kien rappreżentat f'dan il-workshop.
In-National development plan 2003-2006 kien ġie fformalizzat? Meta beda jiġi attwat? Min qiegħed jikkordinah? X'inhi r-raġuni li ma ġiex ippubblikat formalment?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li issa li ġew finalizzati n-negozjati mal-Kummissjoni Ewropeja fuq is-Single Programming Document 2004-2006 sabiex dan jaqdi aħjar l-prijoratijiet għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ Malta, id-draft National Development Plan 2003-2006 jista’ jiġi konkluż. In-National Development Plan, li qiegħed jiġi kkordinat mill-Ministeru tal-Finanzi u Affarijiet Ekonomiċi, se jkun ippubblikat fix-xhur li ġejjin.
Malta ingħaqdet mal-EU BAN fuq l-importazzjoni ta' poultry products mis-South Korea, il-Ġappun, il-Vietnam u t-Tajlandja minħabba li ġew skoperti każi ta' bird flu fin-nies ġewwa t-Tajlandja?
Response (BORG, JOE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Malta ingħaqdet mal-EU BAN fuq l-importazzjoni ta' poultry products mis-South Korea, il-Ġappun, il-Vietnam u t-Tajlandja minħabba li ġew skoperti każi ta' bird flu fin-nies ġewwa t-Tajlandja?
Jista' il-Ministru jagħti dettalji dwar l-inċidenza qawwija ta' influwenza li kien hemm din is-sena? Kif jipparagunaha ma' dik ta' snin oħra u għaliex il-firxa kienet wiesgħa minkejja li ħafna nies kienu ħadu l-vaccine meħtieġa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika waqqaf Influenza Surveillance Scheme fi Frar 2003. Din l-iskema tiġbor statistika dwar numru ta' każijiet ta' influwenza li kkonsultaw tabib. L-inċidenza ta' l-influwenza fil-bidu ta' Frar 2003 kienet ta' 179.5 persuna kull 1000 persuna li kkonsultaw tabib filwaqt li l-ogħla inċidenza dan l-istaġun kienet fl-ewwel ġimgħa ta' Jannar fejn laħqet 137.1 persuna kull 1000 persuna li kkonsultaw tabib. Għalhekk m'huwiex minnu li l-inċidenza kienet iżjed qawwija minn tas-sena l-oħra.
It-tilqima li ntużat kienet dik rakkomandata mid-WHO għas-sena 2003.
Mużew nazzjonali ta' l-arti — Pittura u antikitajiet mislufa lil ambaxxati Maltin
Question
B'riferenza għall-mistoqsija parlamenti 3765, kif jispjega l-fatt il-Ministru li filwaqt li hu qal li ebda opra minn dawk mislufa lill-ambaxxati barranin ta' pajjiżna ma ġiet irrappurtata li għebet, fl-istess nifs nhar id-19.01.04 żid jgħid li dan jgħodd ħlief għal waħda li qiegħda tiġi nvestigata? Jista' jgħid jekk din il-pittura hux suppost li qegħda fl-ambaxxata ta' Parigi jew ta' Strasbourg? Kemm ilha li bdiet l-investigazzjoni u minn xiex ġiet instigata?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-mistoqsija parlamentari numru 3765 hija bbażata fuq informazzjoni aġġornata dwar l-inventarju li jintbagħat kull sena mill-ambaxxati barranin ta' pajjiżna.
Din l-informazzjoni tindika li din l-opra tinsab fir-residenza uffiċċjali tal-Ambaxxatur Malti ġewwa Pariġi.
L-investigazzjoni ssejħet fuq indikazzjoni ta' ittra anonima.
Billi l-Ministru ċaħad li l-ambaxxatur ta' Tuneż jista' ikun responsabbli għall-organizzazzjoni tas-summit tal-commonwealth, iċ-CHOGM, jista' jikkonferma jekk din l-istess persuna għamlitx talba simili f'dan ir-rigward lill-ministeru tiegħu?
Response (BORG, JOE)
Is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru informani illi huwa ma rċieva ebda talba mingħand l-Ambaxxatur Malti f'Tuneż sabiex ikun involut fl-organiżżazzjoni tal-Konferenza tal-Commonwealth, iċ-CHOGM, is-sena d-dieħla f'Malta.
Ma neskludix pero' il-possibilita' li l-istesss Ambaxxatur seta esprima x-xewqa li jkun involut fl-organiżżazzjoni ta' din il-Konferenza.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-projections ta' l-economic planning division tal-gvern dwar il-prospetti tal-qgħad fix-xhur li ġejjin? Mistenni jitrażżan, jirranka jew jiġi stabilizzat sa tmiem is-sena li qegħdin fiha?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li skond l-aħħar informazzjoni u xejriet fil-qasam tal-impjiegi, ir-rata tal-qgħad għal Diċembru 2003 hija stmata għal 5.3 fil-mija, filwaqt li hu mistenni li din tkun ta' 5.5 fil-mija għas-sena 2004.