Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi ambaxxatur li għandu kuntatti kummerċjali mal-kumpannija Nortel fil-Kanada? Saru xi kuntatti mill-ambaxxatur Malti tagħna fl-Istati Uniti li hu akkreditat għall-Kanada ma' din il-kumpannija?
Response (BORG, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma jirriżultalix li xi ambaxxatur għandu kuntatti kummerċjali mal-kumpanija Nortel fil-Kanada. Jien infurmat li ma saru l-ebda kuntatti mill-Ambaxxatur Malti tagħna fl-Istati Uniti li hu akkreditat għal-Kanada, ma din il-Kumpanija.
Jista' il-Ministru jgħid jekk mill-1.12.03 s'issa l-ambaxxatur Salvinu Busuttil kienx Malta ma' delegazzjonijiet ta' industrijalisti barranin? Jekk iva, jista' jgħid jekk talabx u ngħatax l-assistenza tat-taqsima kummerċjali u ekonomika tal-ministeru? Jekk le, jista' jgħid minn min kien akkumpanjat fil-laqgħat li kellu hawn Malta?
Response (BORG, JOE)
Bħala parti mix-xogħol ta' l-Ambaxxata biex tippromwovi l-industrija Maltija l-Ambaxxatur flimkien ma l-ogħla rappreżentanti tal-Malta Enterprise (li għandha rappreżentant bħala Kunsillier Ekonomiku fi ħdan l-Ambaxxata ta' Malta f'Pariġi għen biex niżlu Malta diversi industrijalisti Franċiżi interessati f'pajjiżna. L-ogħla rappreżentanti tal-Malta Enterprise ħadu sehem f'dawn il-laqgħat flimkien ma l-Ambaxxatur (li kien Malta għal btala).
L-Ambaxxata żammet informata t-taqsima Kummerċjali u Ekonomika, tal-Ministeru tiegħi.
Maġistrat Borg Olivier de Puget — Ambaxxatur għal Brazil
Question
Jista' il-Ministru jgħid meta nħatar ambaxxatur għal Brazil il-maġistrat Borg Olivier de Puget? Fejn hu residenti? Kemm-il darba mar il-Brazil? Kemm qamet kull żjara għal dan il-pajjiż? Xi pjani għandhom il-gvern u l-ambaxxatur in kwestjoni dwar kif jistgħu jiġu żviluppati r-relazzjonijiet ta' Malta mal-Brazil fil-ġejjieni?
Response (BORG, JOE)
Il-Maġistrat Borg Olivier de Puget inħatar ambaxxatur għall-Brzżil b'residenza f'Washington, D.C. fit-22 ta' Settembru 2002. L-ambaxxatur qiegħed jistenna li l-Awtoritajiet Brażiljani jinformaw lill-Gvern Malti bid-data li fiha irid jippreżenta l-ittri tal-kredenzjali. Ghaldaqstant, għadu ma għamel ebda żjara għal dan il-pajjiż. Bħal fil-każ ta' relazzjonijiet bilaterali oħrajn, anke f'dan il-każ il-Gvern deherlu li kellu jirrreċiproka l-ħatra ta' ambaxxatur mhux residenti tal-Brażil għal Malta. B'dan il-mod ir-relazzjonijiet bilaterali jistgħu jiġu żviluppati aħjar fil-ġejjieni.
Jista' il-Ministru jgħid x'kien l-iskop li jinħatar ambaxxatur non residenti għall-Lichtenstein meta l-ministeru għandu ambaxxaturi residenti f'Ġinevra u fi Vjenna u kien ikun aktar naturali li wieħed minn dawn jiġi akkreditat għal Lichtenstein minn dawn il-bliet?
Response (BORG, JOE)
L-Ambaxxatur mhux residenti għall-Liechtenstein huwa akkreditat għal pajjiż ieħor (Norveġja) u mhux għall-Lichtenstein biss. Il-kriterju li għalih jinħatru ambaxxaturi għal pajjiżi oħra m'għandux ikun biss abbażi ta' prossimita' ġeografika.
Kundizzjonijiet u il-pakkett finanzjarju — Sur J R Grima
Question
X'inhuma il-kundizzjonijiet u il-pakkett finanzjarju li ġew offruti lis-Sur J R Grima wara il-ħatra riċenti tiegħu ?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Mal-ħatra tiegħu ta’ Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur J R Grima baqa’ iżomm l-istess kundizzjonijiet u pakkett finanzjarju li kellu bħala Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, inkluża l-“allowance” pensjonabbli li kien tah il-Prim Ministru ta’ qabel fuq bażi personali, u li jien, f’Jannar 2004, irrevedejt għal Lm4,409 fis-sena talli s-Sur Grima ser jibqa jservi bħala uffiċjal pubbliku
Ambaxxatur Licari — Laqgħa mad-direttur tal-world heritage centre tal-UNESCO
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'kien l-eżitu tal-laqgħa li l-ambaxxatur Licari huwa mifhum li kellu nhar is-6 ta' Jannar, 2004 mad-direttur tal-world heritage centre tal-UNESCO meta huwa ssottometta environmental impact assessment dwar it-temporary landfills li ġie mgħoddi lilu mill-ministeru għar-riżorsi u infrastruttura?
Response (BORG, JOE)
Wara li l-Ambaxxatur Malti għall-UNESCO issottometta l-Environmental Impact Assessment dwar it-temporary landfills lid-Direttur tal-World Heritage Centre, dan ta' l-aħħar qal lill-istess Ambaxxatur li ser isegwi l-proċedura normali, jiġifieri li jitlob il-parir ta' l-organiżżazzjonijiet non-governattivi li huma rikonoxxuti mill-UNESCO bħala esperti fil-qasam tal-wirt kulturali.
Kumitat tal-kunsill ta' l-Ewropa dwar prevenzjoni ta' tortuura u trattament inuman — Żjara ta' delegazzjoni
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk tħejjix xi rapport dwar iż-żjara ta' delegazzjoni tal-kumitat tal-kunsill ta' l-Ewropa dwar il-prevenzjoni tat-tortura u trattament inuman u degradanti li saret fit-tieni nofs ta' Jannar ta' din is-sena? X'kien l-eżitu taż-żjarat li għamlu liċ-ċentri li qegħdin jospitaw l-immigranti llegali?
Response (BORG, JOE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant li jindirizza l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li din is-sena l-ħlas tas-sussidju għall-karnival ġie skedat f'mod differenti mis-soltu? X'inhi r-raġuni li għalkemm ċerti pagamenti kellhom isiru f'żewġ tranches bejn Diċembru u Jannar, il-pagament ta' Jannar sa l-14.02.04 kien għadu ma sarx?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Infurmat li l-ħlas tas-sussidju għall-Karnival 2004 ġie skedat bi ftehim mall-parteċipanti biex isir f'Novembru / Diċembru 2003 u f'Jannar / Frar 2004.
Fil-fatt, il-ħlas sar fit-tieni ġimgħa ta' Diċembru 2003 u fit-tielet ġimgħa ta' Frar 2004.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 4314 u cioe' kienx hemm xi ambaxxati Maltin barra l-pajjiż fejn spiss irriżulta li nationals barranin li applikaw il-visa section ta' l-ambaxxata ppreżentaw għadd ta' employment documents imbagħbsa (forged)? Jekk iva, fejn irriżulta dan? Huwa minnu li ġieli kien hemm każi fejn individwi barranin applikaw għall-visa biex jidħlu Malta f'ċerta ambaxxata fejn ippreżentaw inviti minn kumpanniji Maltin biex iżuru pajjiżna għal taħdidiet kummerċjali fejn wara li sar l-istħarriġ neċessarju rriżulta li ma kien jeżisti ebda rbit kummerċjali bejn iż-żewġ naħat?
Response (BORG, JOE)
Skond l-informazzjoni li nġabret jirriżulta li fl-Ambaxxati ta' Malta fil-Kajr, f'Tunis, f'Beijing u fi Tripli ġieli ltaqgħu ma' każijiet fejn l-applikanti għal visa jipproduċu dokumenti foloz ta' impieg. Fl-Ambaxxata ta' Malta fil-Kajr tlett individwi barranin applikaw għall-visa biex jidħlu Malta, u pproduċew inviti minn kumpaniji Maltin li wara rriżulta li ma kellhom l-ebda rabta kummerċjali ma' l-applikanti.
Richard Cachia Caruana — First permanent representative
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'se jkun il-pakkett finanzjarju offrut lis-sur Richard Cachia Caruana bħala first permanent representative fi Brussels tal-Gvern Malti?
Response (BORG, JOE)
Il-kuntratt tas-Sur Richard Cachia Caruana bħala ir-Rappreżentant Permanenti Malti għall-Unjoni Ewropea fi Brussell għadu m'huwiex finaliżżat.
Huwa minnu li waqt ċerti voting sessions fil-GM Malta ipprovat tagħmel lobbying biex ikun hemm astensjonijiet dwar issues jaħarqu dwar il-kwestjoni Palestinjana iżda fejn fl-aħħar pajjiżna kellu jċedi l-pożizzjoni tiegħu minħabba s-sħubija prospettiva tagħna fl-Unjoni Ewropea?
Response (BORG, JOE)
Bħala pajjiż li se jsir membru ta' l-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Mejju 2004, Malta ħadet sehem sħiħ fid-diskussjonijiet kolllha li kellhom l-istati membri ta' l-Unjoni Ewropea matul l-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda.
Fuq kwistjonijiet li kellhom x'jaqsmu mal-Palestina, Malta dejjem imxiet skond il-politika tagħha t'appoġġ għall-aspirazzjoni tal-poplu Palestinjan fi sfond ta' soluzzjoni ibbażata fuq l-eżistenza ta' żewġ stati indipendenti.
Id-diskussjonijiet li saru fi ħdan l-Unjoni fuq dawn l-aspetti kienu kollha mmirati biex jintlaħaq dan il-għan, u l-pożizzjonijiet finali li ttieħdu fuq ir-riżoluzzjonijiet adottati jirriflettu dan.
Jista' il-Ministru jgħid jekk Malta għandhiex ħsieb li tikseb associate membership status mal-OECD? Jekk le, fuq liema livell beħsiebna niżviluppaw ir-relazzjonijiet futuri tagħna ma' din l-organizzazzjoni?
Response (BORG, JOE)
Inbeda proċess ta' konsultazzjonijiet mal-OECD kif ukoll ma' xi pajjiżi membri ta' l-OECD dwar il-possibilita' li Malta tissieħeb ma' din l-organiżżazzjoni fuq bażi ta' associate membership status. Pero' għadu prematur biex wieħed jindika ir-riżultat eventwali ta' dan il-proċess.
Ministru ta' l-Affarijiet Barranin — Mobile phones
Question
Kif jispjega l-fatt il-Ministru li skond mistoqsija parlamentari 4273 dwar mobile phones, l-ambaxxatur Malti f'Parigi nefaq aktar mill-ambaxxatur għall-Unjoni Ewropea li għandu work load ferm aktar sostanzjali?
Response (BORG, JOE)
Kif jaf tajjeb l-Onorevoli Interpellant, kull Ambaxxata tiffunzjona f'ċirkostanzi differenti waħda minn oħra, fl-isfond tas-sitwazzjoni fil-pajjiż konċernat, kemm għal dak li hu interkambju mal-pajjiż innifsu kif ukoll meta wieħed jieħu in konsiderazzjoni ir-riżorsi umani u materjali ta' l-Ambaxxata. Għalhekk wieħed ma jistax b'mod sempliċistiku jikkompara l-infieq ta' Ambaxxata ma' oħra fuq bażi ta' kriterju wieħed. Per eżempju, minbarra li hi akkreditata għall-Franza, l-Ambaxxata f'Pariġi hi akkreditata ukoll għall-Portugal u għall-Andorra. Apparti dan, it-tariffi telefoniċi jvarjaw bejn pajjiż u ieħor.
Nassigura lill-Onorevoli Interpellant li kull Ambaxxata tagħmel ħilitha sabiex tnaqqas l-ispejjeż tagħha, u sabiex taħdem fil-limiti ta' l-allokazzjoni finanzjarja annwali tagħha. F'dan l-isfond, ta' min niġbed l-attenzjoni ta' l-Onorevoli Interpellant li fl-2003 l-Ambaxxata ta' Malta f'Pariġi irnexxielha tagħmel 'savings' ta' LM880 fil-vot tagħha allokat għall-utilitajiet (jiġifieri telefonati, dawl u ilma).
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 4256 cioe' il-Gvern Malti ħa nota tal-konklużjonijiet tar-rapport tal-OECD dwar l-użu tal-computers fl-iskejjel fejn wasal għall-konklużjoni li għalkemm f'dawn l-aħħar snin infirex l-użu sew tal-information and communications technologies (ICT) fl-iskejjel ewlenin fl-aktar pajjiżi avvanzati tal-OECD xorta waħda għadu diżappuntanti l-mod li bih dawn il-computers qed jiġu wżati fuq bażi ta' day to day l-aktar fl-upper secondary schools?
Fil-każ ta' l-upper secondary schools Maltin, ġew identifikati xi barriers strutturali għall-avvanzi meħtieġa?
Meta għamel l-assessment tiegħu il-gvern ħa nota tax-scheduling tal-ħinijiet ta' l-għalliema, il-class room organisation kif ukoll l-iżvilupp professjonali ta' l-għalliema? X'inhu l-persentaġġ ta' l-istudenti li jattendu skejjel fejn hemm biżżejjed workstations għal kull għalliem? Għadu jeżisti shortage ta' computers għall-istudenti?
Fl-applikazzjoni tal-computers fl-iskejjel upper secondary dawn qed jintużaw l-aktar bħala sors addizzjonali ta' taħriġ jew biex jippermettu lill-istudenti li jaħdmu bil-pass normali tagħhom?
X'inhu l-persentaġġ ta' għalliema li jużaw standard computer applications?
Response (GALEA, LOUIS)
Nispera li l-Onor. Membru qed jirreferi għad-dokument maħruġ mid-Directorate of Education ta' l-OECD intitolat 'Disappointing Use of ICT in Upper Secondary Schools' maħruġ fi Frar 2004. F'dan id-dokument sar studju fuq erbatax-il pajjiż (li ma jinkludix Malta).
Iż-żewġ ċentri tat-tagħlim li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tad-Dipartiment ta-Teknoloġija huma Giovanni Curmi, Higher Secondary School, Naxxar u Mikiel Anġ Refalo, Centre for Further Studies - Post Secondary Complex, Rabat, Għawdex. Dawn l-iskejjel huma attrezzati b'laboratorji b'computers ġodda għall-użu ta' l-istudenti u ta' l-għalliema. F'dawn iċ-ċentri qed jiġi mgħallem il-Computer Studies SEC u MATSEC, kif ukoll il-European Computer Driving Licence (ECDL). L-għalliema kollha għandhom l-opportunita' li jużaw il-computers għat-tagħlim fis-suġġett partikolari tagħhom. Il-korsijiet li huma provduti għall-għalliema tal-Primarja u Sekondarja huma provduti ukoll għall-għalliema tal-Post Sekondarja.
Jista' il-Prim Ministru jagħti ħjiel tal-qafas tal-proposti li ġew sottomessi min-naħa ta' l-awtoritajiet Taljani dwar ir-ristrutturar propost dwar il-ħidma tal-missjoni militari Taljana f'Malta?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li matul dawn l-aħħar xahrejn kienu qegħdin isiru taħdidiet bejn Malta u l-Italja dwar il-ħidma tal-Missjoni Militari Taljani f’Malta. It-taħdidiet għadhom għaddejjin.
Kunsill ta' l-Ewropa — Rapport dwar Malta tal-commissioner for human rights
Question
Jista' il-Ministru jikkonferma li qabel ma ġie ffinalizzat ir-rapport dwar Malta tal-commissioner for human rights tal-kunsill ta' l-Ewropa saru kuntatti ma' l-awtoritajiet Maltin dwar l-abbozz tar-rapport qabel tħejja r-rapport finali? Jikkonferma li qabel ġie ffinalizzat ir-rapport saret laqgħa ta' l-ambaxxatur ta' Malta għall-kunsill ta' l-Ewropa mal-kummissarju konċernat?
Response (BORG, JOE)
Nikkonferma li qabel ma ġie ffinaliżżat ir-rapport dwar Malta mill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill ta' l-Ewropa saru kuntatti ma' l-awtoritajiet Maltin tramite l-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin. Dan il-proċess huwa skond pratika addotata mill-Kunsill ta' l-Ewropa.
Nikkonferma ukoll illi saret laqgħa bejn l-Ambaxxatur ta' Malta għall-Kunsill ta' l-Ewropa u l-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem qabel ma ġie ffinaliżżat ir-rapport, sabiex jkun hemm il-possibilta li jiġu irrangati xi ineżattezzi fattwali li jist jkollu r-rapport. Dan huwa peress li jsir dejjem fil-preparament ta' kull rapport u mhux biss fir-rigward ta' Malta.
International relations division — Lease agreement
Question
Huwa minnu li l-ambaxxata tagħna f'The Hague għadha kif ġiet mgħarrfa mis-CEO tal-Malta tourism authority li dawn mhumiex beħsiebhom iġeddu l-lease agreement għall-international relations division tagħhom li skada fi tmiem is-sena li għaddiet?
Response (BORG, JOE)
Nikkonferma illi s-CEO tal-Malta Tourism Authority (MTA) informa lill-Ambaxxata tagħna f'The Hague li l-istess MTA ma kenitx se ġġedded l-arranġament li kien sar għall-perijodu ta' sena b'effett mill-1 ta' Jannar 2003, li tagħmel użu minn kamra fl-Ambaxxata, wara l-iskadenza ta' din is-sena u cioe' wara il-31 ta' Diċembru 2003.
Huwa minnu li minħabba ż-żmien limitat tal-protokoll Taljan il-Gvern Malti qed ibassar li jista' ikun hemm diffikultajiet fl-implimentazzjoni u fl-esekuzzjoni tat-13-il proġett koperti mill-ftehim? X'qed isir biex dawn il-proġetti jieħdu l-benefiċċju massimu tal-ftehim milħuq ma' l-awtoritajiet Taljani?
Response (BORG, JOE)
Wara d-dħul tiegħu fis-seħħ aktar kmieni ix-xahar li għadda, il-Ħames Protokoll Finanzjarju issa daħal fil-fażi ta' implimentazzjoni tal-proġetti elenkati fl-istess Protokoll. Peress li l-ammont ta' fondi huwa konsiderevoli, Malta qed tagħmel dak kollu neċessarju ħalli dawn il-fondi jiġu assorbiti fit-terminu taż-żmien illi fih il-Protokoll ikun qed jiddekorri sabiex jittieħed il-benefiċċju massimu mill-ftehim milħuq ma' l-awtoritajiet Taljani.
Sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea — Ċelebrazzjonijiet
Question
Huwa minnu li uffiċjali ta' l-ambaxxata Maltija f'Ruma taw briefing lill-ambaxxati tal-Unjoni Ewropea akkreditati lil Malta u li huma bbażati f'Ruma dwar iċ-ċelebrazzjonijiet li Malta beħsiebha torganizza in konnessjoni mas-sħubija prospettiva ta' pajjiżna fl-Unjoni Ewropea b'seħħ minn Mejju li ġej?
Response (BORG, JOE)
Nikkonferma li sar briefing lill-Cultural Attaches fl-ambaxxati tal-pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea u ta' dawk li ser jissieħbu fl-1 ta' Mejju 2004, li huma akkreditati għal Malta minn Ruma, li fih ġie spjegat l-invit maħruġ minn Malta għall- parteċipazzjoni da parti ta' pajjiżhom fiċ-ċelebrazzjonijiet Maltin in konnessjoni mas-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea.