Jista’ il-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li dewmien fid-diskussjonijiet dwar iċ-chancery premises f’Moska qegħdin ixekklu l-ambaxxata tagħna f’din il-belt milli tagħmel l-arranġamenti meħtieġa għat-tkabbir tat-taqsima konsulari biex tkun tista’ tilqa’ it-talbiet kollha ta’ visas li għandhom jinħarġu liċ-ċittadini tal-Federazzjoni Russa wara li nsiru membri sħaħ ta’ l-Unjoni Ewropea f’Mejju li ġej? Kien hemm xi żviluppi pożittivi dan l-aħħar?
Response (DALLI, JOHN)
In-negozjati ma' l-awtoritajiet Russi dwar l-allokazzjoni ta' bini akbar u aktar adegwat għall-Ambaxxata Maltija ġewwa Moska, li kienu nbdew xi snin ilu, għadhom għaddejjin. Il-ħruġ ta' viżi mill konsolat ta' l-ambaxxata huwa biss wieħed mis-servizzi li jingħataw mill-Ambaxxata. Dan is-servizz se jibqa' jingħata, minkejja l-fatt li, b'għaqal ekonomiku, m'humiex se jsiru spejjeż għalissa fl-irranġar ta' l-infrastruttura fil-binja eżistenti ta' l-ambaxxata.
Jista’ il-Ministru jgħid x’kien l-eżitu taż-żjara li għamel Sheikh Abdel Malik Al-Sheikh mill-Għarabja Sawdita fi Frar li għadda? X’kien l-għan taż-żjara tiegħu?
Response (DALLI, JOHN)
Iż-żjara f'Malta li għamel Sheikh Abdel Malik Al-Sheikh mill-Għarabja Sawdita fi Frar li għadda kienet waħda strettament ta' natura privata u għalhekk l-għan mhux magħruf.
AMBAXXATA MALTIJA FIL-LIBJA — XIRI TA’ PROPRJETA’ MILL-GVERN MALTI
Question
Jista’ il-Ministru jgħid fiex waslu l-arranġamenti biex tinxtara proprjeta’ ġdida fil-Libja mill-Gvern Malti biex tintuża bħala Konsulat/Visa Section ġdida ta’ l-ambaxxata? Kemm se tiġi tiswa?
Response (DALLI, JOHN)
Fil-25 ta' Marzu 2004, ġie ffirmat l-Att tal-Konvenju fuq ix-xiri ta' propjeta' fil-Libja biex tintuża bħala Konsolat. Skond l-Att tal-Konvenju il-kuntratt tax-xiri jrid jiġi ffirmat sal-25 ta' April 2004. Il-prezz tax-xiri hu ta' 600,000 Dinar Libjan li jiġu circa ta' 158,000 Liri Maltin.
Missione per la collaborazione nel campo della difesa — Kopja ta' ftehim
Question
Jista' il-Prim Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li permezz tiegħu il-Missione Taliana di assistenza tecnico-militare inbidlet fil-Missione per la collaborazione nel campo della difesa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ma jidhirlix li għandi npoġġi kopja tal-ftehim imsemmi fuq il-Mejda tal-Kamra iżda lest li ngħaddi kopja tiegħu lill-Onorevoli Interpellant privatament.
B'riferenza għall-punt numru 4 tat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 4700, jista' il-Ministru jgħid jekk sarux kuntatti ma' Radio 101 dwar id-disponiment ta' apparat tal-Voice of the Mediterranean?
Response (DALLI, JOHN)
Il-kuntatti msemmija fil-paragrafu (4) tat-tweġiba tiegħi għall-Mistoqsija Parlamentari 4700 ma sarux ma' Radio 101.
Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4818 u cioe' jista' jikkonferma li l-pakkett finanzjarju li se jiġi offrut lil rappreżentant permanenti għall-Unjoni Ewropea li ismu qed jintbagħat separatament, se jiġi finalizzat qabel jinħatar il-kabinett il-ġdid? Il-Ministru qiegħed f'pożizzjoni li jaġġorna lill-Kamra dwar dan il-pakkett finanzjarju flimkien ma' benefiċċji oħrajn lill-istess persuna? Jekk le, jista' jintrabat li jippubblika dettalji ta' dan il-pakkett finanzjarju ġaladarba jiġi konkluż u ffirmat? Se jkun hemm xi indemnity jekk dan il-kuntratt jiġi mitmum qabel iż-żmien?
Response (DALLI, JOHN)
Nikkonferma illi l-kuntratt bejn il-Gvern u r-Rappreżentant Permanenti Malti għall-Unjoni Ewropea fi Brussell ġie ffinaliżżat. Dan huwa msejjes fuq kuntratti simili li għandu l-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin ma' Ambaxxaturi Maltin barra minn Malta, u l-kundizzjonijiet ewlenin ta' dan il-kuntratt huma s-segwenti:
1. Il-kuntratt huwa għal tliet snin u jidħol fis-seħħ fit-23 ta' Marzu 2004.
2. Ir-Rappreżentant Permanenti huwa mistenni li jaqdi d-dmirijiet tiegħu kemm fi Brussell kif ukoll f'Malta.
3. Ir-Rappreżentant Permanenti jitħallas Global Emoluments marbutin ma' Skala 1 ta' l-Iskali Governattivi.
4. Addizzjonalment, ir-Rappreżentant Permanenti jirċievi Representation Allowance ta' LM2,500 fis-sena.
5. Ir-Rappreżentant Permanenti għandu l-użu ta' karozza uffiċċjali, flimkien ma' sewwieq personali, kif għandu kull Ambaxxatur residenti barra.
6. Ir-Rappreżentant Permanenti jkollu l-għanjuna u appoġġ ta' faċilitajiet anċillari, bħal servizzi segretarjali, użu ta' mobile phone u ta' kompjuter li wieħed normalment jassoċja ma' persuna f'kariga bħal tiegħu.
Jaf il-Ministru li ambaxxatur f'wieħed mill-bliet kapitali ewlenin Ewropej qed jgħid ma kulħadd li se jinħatar roving ambassador for foreign investment?
Response (BORG, JOE)
Le, ma nafx li xi Ambaxxatur qed jghid li se jiehu hatra f'kariga differenti milli ghandu llum, kif qed jistqarr l-Onorevoli Interpellant. La jien u lanqas is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tieghi qatt ma smajna b'dak li allegatament qed jintqal minn dan jew din l-Ambaxxatur.
Nikkonferma, madankollu, li jien m'ghandi l-ebda hsieb li nahtar li xi hadd f'kariga simili.
Jista' il-Ministru jgħid jekk meta l-ambaxxatur Malti għal Franza kien f'pajjiżna fuq xogħol ta' promozzjoni kummerċjali tal-gvern kienx akkumpanjat minn xi membri tal-familja li jispeċjalizzaw fl-attrazzjoni ta' l-industrija Franċiża lejn pajjiżna?
Response (BORG, JOE)
Ninsab infurmat illi l-Ambaxxatur ta' Malta fi Franza ma kienx akkumpanjat minn membri tal-familja li jispecjalizzaw fl-attrazzjoni ta' l-industrija Franciza lejn pajjizna meta kien Malta u assista fil-laqghat ghal promozzjoni kummercjali bejn iz-zewg pajjizi.
Billi l-ambaxxatur non-resident għal Brazil ilu żmien twil biex jippreżenta l-kredenzjali tiegħu, jista' il-Ministru jgħid kemm ilu jitħalllas għal din il-kariga?
Response (BORG, JOE)
L-onorarju ta' LM 2,000 fis-sena lill-ambaxxaturi mhux residenti jithallas mid-data tal-hrug ta' l-agrément, u mhux minn meta jipprezenta l-kredenzjali l-ambaxxatur koncernat lill-Kap ta' l-Istat tal-pajjiz li ghalih ikun akkreditat.
F'dan il-kaz l-ambaxxatur inhariglu l-
agr
é
ment
b'effett mit- 22 ta' Settembru 2002 u beda jithallas minn dakinhar.
Jista' il-Ministru jgħid kienx hemm xi żviluppi dwar il-Voice of the Mediterranean? X'se jsir mill-apparat sofistikat li għandu l-istazzjon?
Response (BORG, JOE)
Jiena nfurmat illi l-pożizzjoni attwali dwar l-istazzjon tar-radju Voice of the Mediterranean hija s-segwenti:
(1) Il-Gvern Libjan baqa' ma rreaġixxiex uffiċċjalment għan-Nota Verbali li l-Ministeru tiegħi bagħat lill-Kumitat Ġenerali tal-Poplu dwar Rabtiet Barranin u Kooperazzjoni Internazzjonali tal-Ġamaħarija Libjana fit-12 ta' Novembru 2003, fejn kien ġie spjegat illi, fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja li kien jinsab fiha l-istazzjon, ma kienx possibbli illi l-Gvern Malti jibqa' jiffinanzja waħdu l-operat ta' l-istazzjon wara l-aħħar ta' Diċembru ta' l-2003.
(2) Il-flus dovuti għal temm ta' l-impieg lill-impjegati kollha ta' l-istazzjon tar-Radju tħallsu x-xahar l-ieħor, filwaqt li xi ammonti minimi addizzjonali se jitħallsu tul dan ix-xahar.
(3) Bħalissa qed tiġi kompilata u validata lista komprensiva ta' kredituri ta' l-istazzjon, bil-għan li l-ammonti dovuti jitħallsu għas-saldu mill-aktar fis possibbli mill-Gvern Malti.
(4) Qed isiru l-kuntatti meħtieġa sabiex isir id-disponiment meħtieġ ta' l-assi ta' l-istazzjon, li jinkludi l-għamara, il-vetturi, it-tagħmir u apparat ieħor li jippossjedi il-Voice of the Mediterranean.
Jista' il-Ministru jgħid x'kienet l-airline capacity field mal-MIA pajjiż pajjiż, għall-perijodu April-Ottubru 2004 b'paragun ma' l-istess perijodu s-sena l-oħra?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jifhem li l-MIA ma hiex dipartiment tal-Gvern izda kumpanija kkowotata fuq l-iStock Exchange. Konsegwentament, din it-tip ta' informazzjoni hi minn-natura tagħha privata u mhux kompitu li tiġi mistħarġa min dan il-Parlament.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jitlesta x-xogħol f'St Julian's Road, San Ġwann? Jaf il-Ministru li waqt li kien għaddej ix-xogħol il-kuntratturi kissru dak is-salib antik li kien hemm?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi peress illi l-kuntrattur ried ikun ċert li jilħaq il-specifications, importa żrar minn barra li hu ta' kwalita aħjar minn dak li jinsab lokalment sabiex isir il-wearing course. Issa kollox jinsab ippreparat u t-tqegħid tal-wearing course hu maħsub li jitlesta fil-ġranet li ġejjin.
Fir-rigward tas-salib, dan kien inqala meta beda jsir ix-xogħol fuq l-isptar u fil-preżent qiegħed l-uffiċċju tal-Kunsill Lokali ta' Birkirkara. Bħalissa għaddejjien diskussjonijiet biex ikun deċiż kif dan is-salib għandu jiġi restawrat u mqiegħed f'post xieraq.
Persuni bi bżonnijiet speċjali — Talbiet għal aċċess aħjar ta' l-informatika
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi talbiet pendenti għall-aċċess aħjar ta' l-informatika mill-għaqdiet ta' dawk bi bżonnijiet speċjali u b'xi forma ta' diżabilita'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita’ għandha lment minn żewġ persuni neqsin mid-dawl dwar problema għall-aċċess tal-banek elettroniċi. Dan l-ilment qed jiġi diskuss mal-banek konċernati.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 4679, jista' il-Ministru jgħid x'inhu x-xogħol ta' konsulenza li qed tagħmel persuna li isimha qed jintbagħat separatament, mal-Malta Enterprise? Jista' iqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tagħha?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna ndikata hija mpjegata mal-Malta Enterprise bħala Konsulenta w responsabbli għall-investiment barrani, b'mod partikolari fil-kuntest tal-Ġermanja. Hija għandha esperjenza vasta tas-suq u ta' l-industrija Ġermaniża.
Il-Malta Enterprise mhix f'pożizzjoni li tagħti kopja tal-kuntratt peress li dan huwa kunfidenzjali.
Jista' il-Ministru jikkonferma li l-pakkett finanzjarju li se jiġi offrut lil rappreżentant permanenti għall-Unjoni Ewropea li ismu qed jintbagħat separatament, se jiġi finalizzat qabel jinħatar il-kabinett il-ġdid? Il-Ministru qiegħed f'pożizzjoni li jaġġorna lill-Kamra dwar dan il-pakkett finanzjarju flimkien ma' benefiċċji oħrajn lill-istess persuna? Jekk le, jista' jintrabat li jippubblika dettalji ta' dan il-pakkett finanzjarju ġaladarba jiġi konkluż u ffirmat? Se jkun hemm xi indemnity jekk dan il-kuntratt jiġi mitmum qabel iż-żmien?
Mal-Malta Enterprise kemm ġew ingaġġati nies minn barra li ma kienux jagħmlu parti mill-MDC, METCO, IPSE, eċċ? F'liema karigi ġew ingaġġati?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta' impjegati li ġew ingaġġjati mal-Malta Enterprise min barra l-MDC, METCO u IPSE huwa ta' 13. Dawn jokkupaw livelli 1 sa 3, jiġifieri CEO wieħed; Chief Officers, tnejn; Heads, għaxra. Sitta minn dawn huma Maltin li kienu jaħdmu barra minn Malta.
It-total ta' mpjegati li kienu mal-MDC, METCO, IPSE u li qegħdin jaħdmu mal-Malta Enterprise huwa ta' 82. 47 impjegat mill-MDC; 19 mill-METCO; u 16 mill-IPSE.
Ambaxxatur għall-International Atomic Energy Agency
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li se jsir ambaxxatur għall-International Atomic Energy Agency - IAEA - meta dan ix-xogħol seta' jibqa' isir mill-ambaxxatur Malti residenti fl-Awstrija? Ma jaħsibx il-Ministru li fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-pajjiż ħatriet bħal dawn iżidu l-pressjoni fuq il-fondi pubbliċi?
Response (BORG, JOE)
Nassumi li l-Onorevoli Interpellant qed jistaqsi għaliex l-Ambaxxatur akkreditat għall-Aġenzija Internazzjonali dwar l-Enerġija Atomika (IAEA) m'għandux ikun dak residenti fl-Awstrija u mhux dak fl-Awstralja.
L-Ambaxxatur Malti, residenti fi Vjenna, huwa responsabbli mir-relazzjonijiet ta' Malta ma' l-Organiżżazzjoni għas-Sigurta' u l-Ko-operazzjoni fl-Ewropa, ma' diversi aġenziji oħra li jinsabu fi Vjenna, kif ukoll mir-relazzjonijiet bilaterali ma' l-Awstrija. Għalhekk ħafna drabi ma kienx possibbli għalih li jipparteċipa f'laqgħat importanti ta' l-Aġenzija minħabba mpenji oħra.
Ta' min jgħid li, minn meta Malta saret Stat membru ta' l-IAEA fl-1997, din l-Aġenzija organiżżat tlett programmi biennjali ta' għajnuna teknika għal Malta, li minnhom ibbenefikat minn għajnuna teknika li kienet tinkludi t-taħriġ tal-personnel Malti, bħalma huma tobba u radjoloġi li jaħdmu fid-Dipartimenti tal-kura tal-kanċer fl-isptarijiet Maltin, xjenzjati li jaħdmu fil-laboratorju veterinarju tal-Gvern, personnel mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u oħrajn. Malta rċeviet ukoll għajnuna sostanzjali f'xiri ta' apparat għall-użu fl-isptarijiet u laboratorji tal-Gvern. Fil-fatt huwa stmat li, permezz ta' kull wieħed minn dawn il-programmi, Malta rċeviet għajnuna teknika li tammonta għal iżjed minn nofs miljun dollaru Amerikan kull programm.
Malta tirċievi ukoll għajnuna permezz ta' parteċipazzjoni fi programmi reġjonali ta' l-Ewropa ta' din l-Aġenzija fejn personnel Malti pparteċipa f'ħafna programmi ta' taħriġ partikularment fl-użu ta' sustanzi radjoattivi għall-kura tal-marda tal-kanċer, il-protezzjoni tal-ħaddiema li jużaw sustanzi radjoattivi fix-xogħol tagħhom, u fil-protezzjoni tal-poplu in ġenerali f'każ ta' xi inċident li jinvolvi radjoattivita. Il-valur ta' din l-għajnuna jammonta għal eluf kbar ta' dollari Amerikani kull sena.
Il-parteċipazzjoni ta' Malta f'dawn il-programmi tirrikjedi ħafna xogħol min-naħa ta' Malta u anke parteċipazzjoni f'laqgħat fi Vjenna minn uffiċċjali Maltin li huma responsabbli għall-ko-operazzjoni min-naħa ta' Malta ma' l-Aġenzija.
L-ispejjeż involuti f'din il-ħatra huma minimi ħafna, peress li l-Ambaxxatur konċernat se jkun residenti Malta, se jaħdem biss fuq bażi part-time mal-Ministeru u se jkollu wkoll responsabbiltajiet oħra minbarra dawk ta' Ambaxxatur għal din l-Aġenzija. Dwar l-ispejjeż li jsiru meta l-Ambaxxatur ikollu jivvjaġġa lejn Vejnna, irrid ngħid li dawn l-istess spejjeż kienu jsiru meta d-Direttur ta' l-Affarijiet Multilaterali fil-Ministeru kien jivvjaġġa għal Vjenna fuq l-istess xogħol, li issa ma għandux għalfejn imur iżjed peress li Malta ser tkun rappreżentata mil-Ambaxxatur addreditat apposta għall-Aġenzija. Barra minn hekk, l-IAEA stess tħallas parti sostanzjali minn dawn l-ispejjeż.
Fl-aħħarnett nixtieq infakkar lill-Onorevoli Interpellant li l-ewwel Ambaxxatur għall-IAEA kien wkoll residenti Malta u kien inħatar f'Settembru 1997.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li jkunu appuntati ambaxxaturi ġodda? Jekk iva, min huma u fejn se jkunu posted jew għal liema pajjiżi/organizzazzjonijiet se jkunu akkreditati?
Response (BORG, JOE)
B'risposta għall-Mistoqsija ta' l-Onorevoli Interpellant dwar postings ta' Ambaxxaturi ġodda fil-ġranet li ġejjin, is-Sur Godwin Montanaro se jinħatar bħala l-Ambaxxatur ġdid Malti għall-Marokk, u se jkun residenti f'Rabat , u kif diġa tħabbar mill-Prim Ministru, is-Sur Richard Cachia Caruana se jkun id-Delegat Permanenti u b'effett mill-1 ta' Mejju ta' din is-sena r-Rappreżentant Permanenti Malti għall-Unjoni Ewropea fi Brussell.
Issa li sar magħruf li l-commonwealth heads of government CHGOM meeting li jmiss se jsir f'Malta, jista' il-Ministru jgħid xi preparamenti qed isiru? Hemm xi ħsieb li titwaqqaf task force biex tieħu ħsieb dawn il-preparamenti? Jekk se titwaqqaf task force, min se jkun il-kap tagħha u min se jkunu l-uffiċjali l-oħra? X'back up support qed jingħata jew se jingħata mill-commonwealth innifisha għat-tħejjijiet loġistiċi għal din il-konferenza?
Response (BORG, JOE)
Fil-bidu ta' Frar ta' din is-sena il-Kabinett tal-Ministri iddeċieda sabiex jitwaqqaf Interministerial Steering Committee biex jieħu ħsieb it-tħejjijiet għall-Commonwealth Heads of Government Meeting (CHOGM), li Malta se tospita fl-2005. Dan il-Kumitat se jkun taħt il-presidenza ta' persuna nominata mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, u se jkun jiġbor fih rappreżentanti tal-Ministeri ta' l-Affarijiet Barranin, tal-Ġustizzja u Intern u tal-Finanzi u Affarijiet Ekonomiċi. Il-Kumitat se jkun jista' jitlob l-għajnuna u l-appoġġ ta' Ministeri oħrajn tal-Gvern kif ukoll entitajiet pubbliċi fit-twettiq tal-ħidma tiegħu. Il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin għamel kuntatt kemm mas-Segretarjat tal-Commonwealth, kif ukoll mal-Foreign and Commonwealth Office Ingliż dwar dan l-avveniment, u dawn huma wkoll lesti sabiex jgħinu f'kull aspett possibbli fit-tħejjijiet għal din il-Konferenza.
Wara li tħabbar ir-riżultat għall-ħatra ta' second secretary, jista' il-Ministru jgħid kemm għaddew minn dan l-eżami, kemm ħadu l-ħatra u hemmx xi ħsieb li tingħata l-ħatra lill-kumplament tal-kandidati li għaddew minn dan l-eżami?
Response (BORG, JOE)
Disgħa u sittin kandidat għaddew mill-proċess selettiv, li tmexxa taħt il-proċeduri stabbiliti tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku u li nżamm bejn Novembru u Diċembru 2002, għal ingaġġ bħala Second Secretary fil-Korp Diplomatiku Malti. Sa llum, sebgħa u għoxrin kandidat ħadu l-ħatra ta' Second Secretary, filwaqt li ħames kandidati oħra ngħataw il-permess li jkollhom il-ħatra tagħhom posposta għal ftit taż-żmien, disgħa mill-kandidati magħżula irrifjutaw il-ħatra bħala Second Secretary taħt dan il-proċess selettiv, b' kollox wiehed u erbgħin mid-disgħa u sittin kandidati li għaddew.
Ir-riżultat tal-proċess selettiv, li ġie ippubblikat fit-22 ta' Mejju 2003, jibqa' validu sa sena minn din id-data, cioe' sal-21 ta' Mejju, 2004. Il-Ministeru qieghed gradwalment jimla' l-vakanzi kollha li għandu skond l-estimi finanzjarji approvati għal din is-sena.