Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ambaxxata Maltija f'Washington — Taħditiet mal-US/Arab Chamber of Commerce

Question

Jikkonferma li l-ambaxxata Maltija f'Washington żammet taħditiet mal-US/Arab Chamber of Commerce fid-dawl ta' l-iżviluppi riċenti fil-Libja?

Response (DALLI, JOHN)

L-Ambaxxatur ta' Malta ġewwa Washington DC kellu laqgħa mas-Sur David Hamod, President tan-National US-Arab Chamber of Commerce fl-4 ta' Marzu, 2004.

Ftehim bejn Malta u Jersey dwar it-tassazzjoni

Question

Jista' il-Prim Ministru jagħti dettalji dwar il-ftehim bilaterali propost bejn Malta u Jersey dwar it-tassazzjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nassumi li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-ftehim li jinħtieġ li jsir bejn Malta u Jersey bħala konsegwenza ta’ l-EU Savings Directorate. Taħt il-ftehim bilaterali li jrid jiġi ffirmat bejn Jersey u Malta, ser ikun meħtieġ li Jersey tapplika withholding tax għal perjodu transitorju kif japplika għall-Awstrija, Belġjum u Lussemburgu rigward pagamenti ta’ interessi li jsiru lill-individwi residenti f’Malta minn paying agents stabbiliti f’Jersey u li Jersey tittrasferixxi 75% tat-taxxa hekk miġbura lil Malta. Malta trid tipprovdi għall-ħelsien minn taxxa doppja rigward taxxa li tiġi miżmuma minn Jersey. Wara l-perjodu ta’ transizzjoni, Jersey tkun trid tibdel dik l-informazzjoni dwar pagamenti ta’ interessi awtomatikament ma’ Malta bl-istess mod kif meħtieġ taħt is-Savings Directive. Min-naħa tagħha, Malta trid tgħaddi awtomatikament dik l-istess tip ta’ informazzjoni meħtieġa li tiġi mibdula taħt is-Savings Directive ma’ Stati Membri oħra, lil Jersey rigward pagamenti ta’ interessi li jsiru minn Malta lil individwi residenti f’Jersey.

Kummissarju għoli Malti f'Londra

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma rapporti li l-kummissarju għoli Malti f'Londra rrikkmanda lill-prof. Guido de Marco bħala kandidat ta' Malta għaċ-chairmanship tal-Commonwealth foundation?

Response (DALLI, JOHN)

Il-President Emeritus il-Professur Guido de Marco ġie nominat għall-kariga ta' President tal-Commonwealth Foundation b'deċiżjoni li ħa l-Gvern Malti.

Privatizzazzjoni tal-freeport

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li l-privatisation unit ma sabitx vijabbli l-interess li wrew fil-privatisation tal-freeport id-Dubai ports authority? X'inhi l-pożizzjoni strateġika tal-gvern f'dan il-proċess? Il-gvern iħoss li jagħmel sens li l-privatizzazzjoni ssir favur linja ta' shipping aktar milli lill-port operator internazzjonali? Meta jinstab operatur ġdid għall-freeport, dan se jkompli bl-arranġamenti eżistenti mal-cargo handling company ltd? Jekk il-gvern se jinnegozja ma' shipping line, x'salvagwardi se jkun hemm biex jiġi żgurat li shipping lines oħrajn ikunu jistgħu joperaw b'mod adegwat mill-freeport? Il-gvern qed jippjana tibdil fil-port worker regime qabel ma jikkonkludi l-privatizzazzjoni tal-freeport? Huwa minnu li d-ditta CMA-CGM qegħda thedded lill-gvern li titlaq mill-freeport jekk ma tingħatalhiex il-konċessjoni tal-privatizzazzjoni tal-management tal-freeport?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li id-Dubai Ports ma kienux wrew interess fil-bidu tal-process u ma tefgħawx offerta. Meta ricenti dawn wrew interess, il-Privatisation Unit qaltithom li l-process originali kien għadu għaddej mal-kumpanija li kienet ġiet identifikata u għalhekk ma kienx possibbli li f'dan l-istadju jiftaħ xi trattattivi mad-Dubai Ports. Il-Gvern kontinwament għamilha cara li min jirbaħ il-koncessjoni biex iħaddem il-Port irid jipprovdi a 'Common user facility'. Barra min hekk l-kumpanija li magħha qegħdin isiru n-negozjali ser ikollha tqabbad port operator internazzjonali biex tħaddem il-Port. Il-Gvern qatt ma ġie mhedded min ħadd u zgur ma ghandux din it-theddida mis-CMA/CGM. Deciżjoni dwar il-mistoqsijiet fuq il-Cargo Handling u l-Port Worker regime, għad trid tittieħed wara evalwazjoni tas-sitwazzjoni.
Leg 10 PQ #5441 Sitting 127 2004-05-10 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Festi tal-Karnival — Ħlas ta' premjijiet għall-karrijiet rebbieħa

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-ħlas tal-premjijiet għall-karrijiet rebbieħa tal-Karnival għadu ma sarx?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi l-pagamenti tal-Karnival 2004 qegħdin jinħadmu u ser jinħarġu fi żmien qarib.

Vapuri reġistrati taħt il-bandiera Griega

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi se jieħu l-Gvern Malti wara li ġie mgħarraf li l-Gvern Grieg qed iħejji inċentivi ġodda biex jiġu offruti lis-sidien tal-vapuri li jkunu jridu jirreġistraw il-vapuri tagħhom taħt il-bandiera Griega?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Gvern, prinċiparjament permezz tad-Direttorat tal-Bastimenti Merkantili fi ħdan l-Awtorita' Marittima, dejjem jara kif jista' jżomm ir-reġistru Malti bħala wieħed attrajenti għas-sidien tal-bastimenti waqt li jassigura l-livelli meħtieġa mill-liġijiet internazzjonali relattivi.

Joint trade mission

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kien l-eżitu tal-joint trade mission ma' l-Iżlanda li l-Malta Enterprise organizzat fil-Kajr fix-xahar ta' Marzu?

Response (DALLI, JOHN)

Seba' kumpaniji pparteċipaw f'dan l-avveniment, 4 minn Malta u tlieta minn Iceland. Mill-kummenti li rċevejna mill-parteċipanti nfushom, dan l-avveniment jidher li kien suċċess għax huma kienu kuntenti kemm bil-kwalita' għolja ta' laqgħat li kienu organiżżati kif ukoll mis-servizzi li kienu pprovduti mill-Korporazzjoni Maltija għall-Impriża u imsieħba oħra.

Kumitat konġunt Hispano-Malti

Question

Jikkonferma l-Ministru li minħabba fil-bdil fl-amministrazzjoni Spanjola l-laqgħa tal-kumitat konġunt Hispano-Malti ġiet posposta? Ġiet iffissata data ġdida għal-laqgħa tal-Mixed Commission?

Response (DALLI, JOHN)

Ir-risposta hi fl-affermattiv. S'issa għadha ma ġietx iffissata data ġdida għall-laqgħa tal-Mixed Commission.

Berlin — Konferenzi kontra l-anti-semitiżmu

Question

Malta kienet rappreżentata fil-konferenzi kontra l-anti-semitiżmu li nżammet mill-OSCE f'Berlin? Jekk iva, minn min kienet rappreżentata? Jista' il-Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja tad-diskors tar-rappreżentant Malti, jekk kien hemm?

Response (DALLI, JOHN)

Ir-Rappreżentant Permanenti għall-OSCE, l-Ambaxxatur Walter Balzan, irrappreżenta lil Malta fil-konferenza kontra l-anti-semitiżmu li nżammet mill-OSCE f'Berlin bejn it-28 u d-29 ta' April 2004. Il-Presidenza Irlandiża ta' l-Unjoni Ewropea għamlet stqarrijiet f'isem il-15 il-Membru ta' l-Unjoni u f'isem il-10 pajjiżi li se jissieħbu fl-1 ta' Mejju 2004, kemm fis-sessjonijiet plenarji li nżammu fil-ftuħ u fl-egħluq kif ukoll matul is-sessjonijiet ta' xogħol (working sessions) tal-konferenza. Malta allinejat ruħha ma' dawn l-istqarrijiet.

Kummissjoni għolja ta' Malta f'Londra — Locally engaged personnel

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienu s-salarji tal-locally engaged personnel (LEPs) fil-kummissjoni għolja ta' Malta f'Londra kif ukoll x'kien ix-xogħol ta' dawn l-LEPs sa l-aħħar ta' Marzu 2004? Jista' jindika min huma dawk l-LEPs li jagħmlu xogħol l-oħrajn f'każ li wħud minnhom ikunu morda jew fuq vaganza, jekk kienx hemm xi talba għal żieda fl-allowances ta' xi LEP, min kienu dawn u għaliex saret din it-talba, jekk sarux talbiet minn xi LEPs għalll-flexitime u min kienu l-LEPs li għamlu din it-talba? Jista' il-Ministru jagħti dettalji sħaħ ta' dawk l-LEPs li ngħataw time off in lieu mis-sena 2001 sa l-aħħar ta' Marzu 2004, għal liema raġuni ngħataw dan it-time off in lieu u min awtorizza dan it-time off in lieu? Jista' jgħid jekk ingħatawx xi allowances fiskali lil xi LEPs partikolari over and above dak stipulat fil-kuntratt tagħhom għal xogħol li sar waqt jew wara l-ħin tax-xogħol fil-kummissjoni għolja kif ukoll barra l-kummissjoni għolja f'Londra?

Response (DALLI, JOHN)

Hija prerogattiva tal-Kummissarju Għoli li jiddelega x-xogħol dejjem skond l-esiġenza tas-servizz.

EHCR — Ħatra ta' imħallef

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid min huma t-tliet kandidati li ġew nominati mill-Gvern Malti biex jiġu kkonsidrati għall-post ta' l-avukat G. Bonello bħala imħallef fl-EHCR la jtemm il-ħatra tiegħu fi tmiem Ottubru ta' din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

It-tliet kandidati proposti huma: L-Imħallef Dr Giovanni Bonello L-Imħallef Dr Joseph D. Camilleri L-Imħallef Joseph A. Filletti

Dwana — Complement ta' ħaddiema

Question

Huwa minnu li fil-ġimgħat li ġejjin se jitnaqqas il-complement ta' ħaddiema mad-Dwana minħabba t-tibdil fis-sistema tad-dwana b'konsegwenza tad-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropeea?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li s’issa ma hemm l-ebda complement stabbilit dwar in-numru ta’ ħaddiema f’kull grad fid-Dipartiment tad-Dwana. Taħdidiet f’dan ir-rigward qed isiru mar-rappreżentanti tal-ħaddiema.

Continental shelf delimitation — Diskussjonijiet ma' l-awtoritajiet Taljani

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'ġie diskuss ma' l-awtoritajiet Taljani dwar il-continental shelf delimitation aktar kmieni din is-sena?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-diskussjonijiet li rrefera għalihom jikkonċernaw il-qsim tal-Blata Kontinentali.

MOBC — Chief executive officer

Question

B'riferenza għal rapport li deher taħt ir-ras ta' Maltese cross fil-ħarġa ta' April, 2004 tal-BUNKERSPOT - INDEPENDENT INTELLIGENCE FOR THE GLOBAL BUNKER INDUSTRY , jista' il-Ministru jitlob ċaħda jew konferma mill-persuna indikata, billi fir-rapport jingħad li: '' Frank Sammut, MOBC's CEO will soon leave the company to become an independent consultant and it is widely suspected that he will be closely associated with recently formed private company ISLAND BUNKER OILS LTD. Some in the industry are concerned that this could mean that ISLAND BUNKER OILS might inherit some or all of MOBC's supply business and be treated more favourably than its competitors in terms of obtaining storage capacity at the terminal. This prospect has been greeted angrily by some of the smaller players in Malta, who claim that such an arrangement would be hugely disappointing. ISLAND BUNKER OILS has an exclusive brokerage arrangement with Palm Shipping Agency Ltd which is seen by some as potentially harmful to their own business?'' Jista' il-Ministru jikkonferma dak li deher aktar kmieni fl-istess artiklu fejn is-CEO tal-MOBC ġie kkwotat li qal li one of the reasons cited by for MOBC's withdrawal as a physical supplier, is the high cost associated with time-chartered barges which recently has rendered the MOBC supply operation no longer viable? Jekk dan kollu mhuwiex minnu, x'qed iżomm lic-CEO tal-MOBC milli jieħu passi legali kontra dan il-ġurnal influwenti fil-qasam tal-bunkering?

Response (GATT, AUSTIN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għad-domandi supplimentari li għamilli hu l-ġimgħa l-oħra.

Cabinet sub-committee — Laqgħat

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm-il laqgħa saret tal-Cabinet sub-committee? Meta saru dawn il-laqgħat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

F’waħda mill-aħħar laqgħat tiegħu, il-Kabinett il-ġdid approva dokument li jipprovdi għat-twaqqif ta’ erba’ Kumitati tal-Kabinett u li se jkunu responsabbli rispettivament għall-Kompetittività, Politika Soċjali, Ambjent u Proġetti Nazzjonali. L-ewwel laqgħat ta’ dawn il-Kumitati tal-Kabinett mistennija jsiru fi żmien qasir.

Assistent personali tal-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

Question

Jikkonferma l-Ministru li l-assistent personali tiegħu ġie maħtur konslu ġenerali għal Malta fil-Libja?

Response (DALLI, JOHN)

Il-Konslu Ġenerali għal Malta fil-Libja huwa s-Sur Robert Aquilina, li beda l-inkarigu tiegħu fit-22 ta' April 2004. Is-Sur Aquilina għandu l-kwalitajiet u abbiltajiet meħtieġa sabiex imexxi fid-direzzjoni mixtieqa mill-Gvern din il-kariga impenjattiva, u għaldaqstant, mid-data indikata, l-impenji kontrattwali li kellu mal-Ministeru tiegħi ġew terminati sabiex ikun jista' jassumi r-responsabbilitajiet tiegħu ġewwa Tripli.