Ministru ta' l-Affarijiet Barranin — Membri tas-segretarjat
Question
Jista' il-Ministru jgħid min huma l-membri tas-segretarjat tal-Ministru? X'karigi jokkupaw? Kemm minnhom huma ħaddiema taċ-ċivil? Kemm minnhom ġew seconded minn kumpanniji parastatali? Kemm minnhom huma bil-kuntratt?
Response (DALLI, JOHN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-membri tas-segretarjat tiegħi u tas-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tiegħi u l-karigi li jokkupaw. Kull membru huwa bil-kuntratt kif provdut fid-dokument "Engagement of Staff for Ministerial Secretariat" tat-8 ta' Mejju 2003. Hemm tlett membri li l-proċess tal-kuntratt tagħhom għadu ma ġiex finalizzat.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-prospetti li jiġi rkuprat id-dejn ta': Lm1.4m ta' MALPRO; Lm43.4m tal-Gozo Ferries; Lm7.05m tal-Malta Gantry; u Lm11.80m tal-Malta Export House?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skond l-informazzjoni li ngħatajt, il-Gvern qed jagħmel tajjeb għad-dejn kollu tal-Gozo Ferries u tal-Malta Export House. Fil-każ tal-kumpanija Malta Gantry, Lm2.1 miljun mid-dejn, se jiġi rkuprat mid-debituri matul is-sentejn li ġejjin filwaqt li l-Gvern qed jagħmel tajjeb għall-Lm4.95 miljun dejn fuq numru ta' snin. Il-Gvern se jagħmel tajjeb ukoll għall -Lm5.9 miljun dejn li fadal tal-kumpanija Malta Export House. Intant, id-dejn tal-Malpro Limited qed jiġi mħallas regolarmnet (Lm200,000 kull sena) mill-fondi ġenerati mill-kumpanija u hu previst li, l-kumpanija tkompli tiġġenera fondi mill-operat tagħha, tant li tkun tista' tkompli tħallas il-kumplament ta' dan id-dejn.
Jista' il-Ministru jikkonferma li fil-ġejjieni qarib il-kap preżenti tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin se jinbidel u floku se tilħaq bħala permanent secretary mara li bħalissa tinsab taħdem ta' ambaxxatur fi Spanja?
Response (DALLI, JOHN)
Jiena lqajt it-talba tas-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tiegħi sabiex, meta jagħlaqlu l-kuntratt fis-sbatax ta' Lulju 2004, jieħu mill-ġdid posting bħala Ambaxxatur.
Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Vakanzi għall-kariga ta' First Counsellor
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm vakanzi fil-ministeru għall-kariga ta' first counsellor? Kemm għaddew mill-aħħar eżami li sar għall-first counsellor? Kemm minn dawn li għaddew se jieħdu l-ħatra ta' first counsellor?
Response (DALLI, JOHN)
In-numru ta' vakanzi fil-kariga ta' First Counsellor, fiż-żmien li saret l-intervista, kien ta' sitta. Dawn il-vakanzi issa qed jimtlew gradatament minn fost l-erbatax il-uffiċjal li għaddew mill-intervista.
Il-Ministeru kien f'xi mod involut fil-kwestjoni tad-deportazzjoni tar-rifuġjati Eritrej li spiċċaw ġew ittorturati mal-wasla lura tagħhom f'pajjiżhom?
Response (DALLI, JOHN)
Il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin u Promozzjoni ta' l-Investiment kien biss involut fuq talba tal-Pulizija meta dawn talbu l-għajnuna tal-Ministeru biex jinġabru it-Travel Dcouments mill-Ambaxxati akkreditati lejn Malta ta' dawk il-persuni li ħa jkuna jintbagħtu lura pajjiżhom.
Jista' il-Ministru jgħid x'miżuri qed jittieħdu biex minħabba fiċ-ċaqlieq li suppost kellu jseħħ fil-prezzijiet dan l-aħħar minħabba t-tneħħija tal-levies, ma jkunx hemm price cartels, xi ħaġa li d-direttur ġenerali ta' l-affarijiet tal-konsumatur u tal-kompetizzjoni wera li jinsab impenjat li jilqa' kontriha?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li waħda mill-funzjonijiet tad-Diviżjoni tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni hi dik li jsegwi l-prezzijiet ta' numru ta' prodotti biex kemm jista' jkun jiġi assigurat li dawn jirriflettu kompetizzjoni ġusta fis-suq.
Fejn ikun hemm dubji li l-kompetizzjoni qed tiġi mxekkla permezz ta' xi ftehim bħal kartell jew abbuż ta' dominanza, l-uffiċċju jagħmel investigazzjoni permezz tal-poteri li għandu taħt l-Att dwar il-Kompetizzjoni.
B'riferenza għall-file no. L509/90/1 u t-talba li saret mis-San Ġwann youth football nursery, jista' il-Viċi Prim Ministru jinforma lill-Kamra dwar x'possibbilta' hemm li l-kumitat, flimkien mal-kunsill lokali ta' San Ġwann, ikunu jistgħu jiżviluppaw parti minn għalqa kbira li hemm biswit il-football ground tal-lokal (li bħalissa tinsab abbandunata) sabiex ikunu jistgħu jippjanaw proġett sportiv fil-ġejjieni qarib? Meta saret it-talba ġiet mgħoddija kopja tas-site plan lid-dipartiment konċernat? Billi l-kumitat ġie mgħarraf illi l-għalqa mhijiex f'area reġistrabbli, jista' jiggwidahom dwar xi proċeduri jistgħu jagħmlu biex jibdew diskussjoni mad-dipartiment konċernat minħabba l-proġett li għandhom ippjanat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li kwalunkwe talba li ssir dwar allokazzjoni ta' proprjeta' tal-Gvern lil xi għaqda sportiva għandha tgħaddi l-ewwel għand il-Kunsill Malti Sports fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni li imbagħad jikkoordina mat-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern dwar il-possibilita' jew le ta' l-allokazzjoni. Barra minnhekk l-ebda talba għall-użu ta' proprjeta' tal-Gvern għal skop speċifiku ma tista' tiġi milqugħa qabel ma dan l-iskop ma jkun approvat mill-Awtorita' ta' Malta għal l-Ambjent u l-Ippjanar.
Fil-każ ta' l-art li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant ninsab infurmat li din l-art tinsab biswit l-iskola ta' San Ġwann u għalhekk qed tiġi riservata għall-espansjoni ta' l-istess skola jekk ikun il-bżonn. Madankollu il-club ikkonċernat jista, jekk iħoss il-bżonn, jagħmel diskussjonijiet mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u mal-Awtorita' ta' Malta għall-Ambjent u l-Ippjanar dwar il-possibilita' li din l-art tintuża' għall-iskop mixtieq mill-istess club.
Msida — Xogħol fuq bini tal-gvern - problemi tad-drenaġġ
Question
Jista' il-Ministru jikkonferma rapporti li hemm xi problemi tad-drenaġġ li qegħdin jitfgħu lura x-xogħol fuq il-bini ġdid tal-gvern li hemm tielgħa fl-Imsida?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li sar ftehim mal-Awtorita' tad-Djar biex jieħdu ħsieb ix-xogħol tat-tħaffir, xogħol li fiċ-ċirkustanzi jippreżenta diffikultajiet tekniċi. Wara li jitlesta t-tħaffir, il-katusi jitqegħdu min-nies tal-Korporazzjoni.
Jista' il-Ministru jinvestiga d-diversi ilmenti li qed jasluli li minħabba li l-karozzi tal-linja qed jaslu l-Gżira mimlija, residenti ta' dan il-lokal qed isibu diffikulta' kbira biex jirkbu l-karozzi meta jkunu fuq l-istage ix-Xatt tal-Gżira?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Infurmat li l-biċċa l-kbira ta' l-ilmenti mir-residenti tal-Gżira isiru minħabba li ħafna drabi jkollhom jirkbu bil wieqfa peress li sakemm il-karozzi tal-linja jaslu l-Gżira jkunu kważi mimlija. Jidher li dan l-inkonvenjent japplika l-aktar għall-waqt il-peak hour. L-awtorita' minn naħa tagħha ser tipproċedi u tagħmel surveys biex tagħraf eżatt is-sitwazzjoni tar-residenti tal-Gżira.
Los Angeles Times — Rapport dwar parts użati fil-kostruzzjoni ta' armamenti nukleari
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-reazzjoni tal-gvern għal rapport li deher fil-Los Angeles Times li jallega li Malta tinsab fuq ir-rotta tat-traffikar ta' l-esportazzjoni llegali ta' parts użati fil-kostruzzjoni ta' armamenti nukleari li jiġu ri-esportati għall-pajjiżi terzi? Saru xi ilmenti dwar dan minn gvernijiet barranin u jekk iva, meta u minn min?
Response (DALLI, JOHN)
Jekk l-Onorevoli Membru qed jirreferi għar-rapport li deher fil-Los Angeles Times ta' l-24 ta' Mejju 2004, bit-titlu "Case Reveals Nuts and Bolts of Nuclear Network, Officials Say", miktub minn Josh Meyer, nixtieq ninfurmah li dan ir-rapport huwa nkorrett.
L-awtoritajiet kompetenti kkonfermaw li ma kien hemm l-ebda każ ta' importazzjoni u/jew ri-esportazzjoni illegali ta' parts użati fil-kostruzzjoni ta' armamenti nukleari.
Nixtieq nikkonferma li ma sar l-ebda lment (demarche) dwar dan minn ebda Gvern barrani.
Tista' il-Ministru tara li tiġi ndirizzata l-problema ta' fili miftuħin li hemm f'appartament tal-gvern li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, minħabba l-ilmijiet li jidħlu fl-appartament kull meta jagħmel il-maltemp?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Għaddejt l-ilment ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar u ninsab infurmata li diġa' ntbagħtu uffiċjali tekniċi ta' l-istess Dipartiment biex jagħmlu spezzjoni neċessarja.
Ministru ta' l-Affarijiet Barranin — Laqgħat f'Washington
Question
Jista' il-Ministru jagħti lista sħiħa tal-laqgħat li kellu riċentement f'Washington b'indikazzjoni tas-suġġetti diskussi f'kull waħda minn dawn il-laqgħat?
Fuq livell prattiku, x'miżuri ġew maqbula mas-segretarju ta' l-Istat Amerikan Colin Powell sabiex tissaħħaħ il-koperazzjoni Maltija u Amerikana fil-ġejjieni?
Response (DALLI, JOHN)
Matul iż-żjara uffiċċjali f'Washington, id-delegazjoni Maltija ltaqgħet mas-Senatur John Sununu, mill-Kumitat ta' l-Affarijiet Barranin tas-Senat, mas-Senatur Chuck Grassley, mas-Sur Timothy Punke, membru tal-Kumitat tal-Finanzi, mas-Sur Steve Hadley, Assistent tal-President u Viċi Konsulent dwar Sigurezza Nazzjonali, u naturalment, kif diġa' tħabbar fil-media lokali, laqgħa ma' l-Onorevoli Colin Powell, Segretarju ta' l-Istat Amerikan.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm każi fejn kien hemm split vote fost il-pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea fil-GM f'Ġinevra u kif ivvutat Malta f'kull wieħed minn dawn il-każi?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob l-Onorevoli Membru jkun aktar speċifiku u jindika għal liema fora u għal liema perjodu qed jirreferi.
Ambaxxatur Malti għal Ġinevra — Laqgħa dwar sehem Taiwan f'attivitajiet tal-WHO
Question
Jista' il-Ministru jikkonferma illi l-ambaxxatur tagħna f'Ġinevra kellu laqgħa mad-direttur ġenerali tal-cultural and economic delegation ta' Taipei dwar sehem Taiwan fl-attivitajiet tal-WHO?
Laqgħa tal-UNRWA dwar ir-rifuġjati Palestinjani f'Ġinevra — Rappreżentazzjoni ta' Malta
Question
Jista' il-Ministru jgħid fuq liema livell se tkun rappreżentata Malta fil-laqgħa ta' livell għoli tal-UNRWA li se ssir f'Ġinevra fil-bidu ta' Ġunju dwar ir-rifuġjati Palestinjani?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onorevoli Membru li r-rappreżentanza Maltija għal-laqgħa ta' livell għoli ta' l-UNRWA dwar ir-refuġjati Palestinjani, li se ssir f'Ġinevra fil-bidu ta' Ġunju 2004, għadha qed tkun ikkunsidrata.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni ta' Malta dwar il-lifting ta' l-Arms Embargo ta' l-Unjoni Ewropea lejn iċ-Ċina?
Response (DALLI, JOHN)
Malta temmen li wasal iż-żmien biex tiġi riveduta l-kwistjoni dwar l-embargu fuq l-esportazzjoni ta' armi lejn iċ-Ċina.
Bħalissa l-Unjoni Ewropea qiegħda tistudja din il-materja u Malta, bħala membru hi parti minn dawn id-deliberazzjonijiet.