Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Biljetti ta' l-ajru

Question

Għadhom in vigore struzzjonijiet biex delegazzjonijiet tal-gvern sejrin barra minn Malta jaqtgħu l-biljetti tagħhom preferibbilment mill-Air Malta direttament? Fil-każ tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin, jista' il-Prim Ministru jikkonferma li kuntrarju għal dak li ġie rappurtat f'The Times tad-09.06.04 sa ftit ilu kienu qed jinqatgħu l-biljetti kollha mingħand aġenzija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li għandha shareholding interest f'Holding Co li fiha huma nvoluti membri tal-familja tal-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin - u dan mingħajr ma jinġiebu kwotazzjonijiet minn travel agents oħrajn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ma nbidel xejn mill-istruzzjonijiet li kien hemm s’issa dwar biljetti ta’ l-ajru. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, il-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin u Promozzjoni ta’ l-Investiment diġà wieġeb li d-dipartiment konċernat jitlob kwotazzjonijiet mill-Air Malta u minn aġenzija privata u jordna l-biljetti minn fejn jirriżulta l-irħas.

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Biljetti ta' l-ajru

Question

Jista' il-Prim Ministru jivverifika illi l-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin dejjem ġab quotations għall-biljetti ta' l-ajru mixtrija fiż-żmien li l-Ministru Dalli ilu Foreign Minister, mingħand tliet kumpanniji ta' l-ivjaġġar separati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin u Promozzjoni ta’ l-Investiment diġà ddikjara li fil-każ ta’ biljetti ta’ l-ajru, id-dipartiment responsabbli jitlob kwotazzjonijiet mill-Air Malta u minn aġenzija privata u jordna l-biljetti minn fejn jirriżulta l-irħas.

Ambaxxati

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm ambaxxati li bagħtu kontijiet mhux bilanċjati f'din l-aħħar sena jew aktar? Liema kienu dawn l-ambaxxati? X'kienu l-ammonti nvoluti?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ambaxxati ta' Malta kemm f'din l-aħħar sena, kif ukoll qabel, dejjem bagħtu l-kontijiet bilanċjati, jiġifieri il-cash book dejjem ġie rikonċiljat mal-bank statement skond il-proċeduri normali ta' accounting.

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Biljetti ta' l-ajru

Question

Jista' il-Prim Ministru jinvestiga jekk il-kumpannija ta' l-ivjaġġar li mingħandha jixtri l-biljetti regolarment il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin iġġibx ukoll tfajliet mill-Ewropa tal-Lvant f'pajjiżna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ovvjament din il-mistoqsija tikkonċerna l-operat ta’ kumpanija privata. M’huwiex ċar jekk l-Onorevoli Interpellant huwiex qiegħed jallega li hemm xi ksur tal-liġi. F’dan il-każ hu mistenni jirrapporta lill-awtoritajiet kompetenti.

MFSA — Xiri ta' biljetti ta' l-ajru

Question

Jista' il-Prim Ministru jikkonferma li fiż-żmien li l-MFSA kienet taqa' taħt ir-responsabbilta' tal-Ministru Dalli kemm-il darba xtrat biljetti ta' l-ajru mingħand l-aġenzija ta' l-ivjaġġar li ssemmiet f'The Times riċentement u li tagħmel parti mill-holding company li tinvolvi familjari tal-Ministru Dalli?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ biljetti ta’ l-ajru li nxtraw mingħand Tourist Resources, huwa ta’ tmienja u sebgħin (78).

Financial Leasing Legislation

Question

Il-gvern għandu ħsieb li jintroduċi Financial Leasing Legislation? Dan se jsir permezz ta' legal notice jew leġislazzjoni fil-Kamra? Jekk fl-affermattiv, meta mistenni jsir dan?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-attività ta’ financial leasing diġà tinsab regolata bħala waħda mill-attivitajiet li jaqgħu taħt il-Financial Institutions Act (Kap 376) ta’ l-1994. Fil-fatt tinsab elenkata hħala t-tieni attività fl-iskeda għall-imsemmi Att. Min iwettaq dan in-negozju, ikun jeħtieġ liċenzja mill-Malta Financial Services Authority li hija inkarigata bil-liġi sabiex tissorvelja dan it-tip ta’ negozju.

Pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea — Applikazzjoni għal tnaqqis fil-VAT rate

Question

Malta applikat biex tibbenefika mill-konċessjoni tal-Unjoni Ewropea lill-pajjiżi membri fl-Unjoni li kienet miftuħa sal-1 ta' Mejju 2004 biex ikunu jistgħu jnaqqsu il-VAT rate tagħhom fuq labour intensive services aktar u aktar billi s-settur turistiku li tant niddependu fuqu huwa meqjus bħala settur labour intensive?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-settur turistiku mhux inkluż fil-lista ‘K’ ta’ servizzi li jkattru x-xogħol (labour intensive services) tas-Sitt Direttiva dwar il-VAT. Ta’ min iżid, madanakollu, illi l-ivvjaġġar internazzjonali huwa eżenti bi kreditu u l-akkomodazzjoni turistika hija taxxabbli bir-rata mnaqqsa ta’ 5%. Dan ilu hekk minn qabel Malta ssieħbet formalment fl-Unjoni Ewropea.

Djar — Kuntratt tal-bejgħ ta' post tal-gvern

Question

Billi l-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għamlet il-konvenju fuq ix-xiri ta' l-appartament tagħhom fis-sena 2000, tista' il-Ministru tagħti indikazzjoni meta mistenni jsir il-kuntratt tal-bejgħ tal-fond indikat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Awtorita' tad-Djar qed tistenna li tiġi stabbilita l-provenjenza ta' l-art li fuqha hi mibnija l-proprjeta' indikata mill-Onor. Interpellant biex tkun tista' tikkonkludi l-kuntratt tal-bejgħ ta' l-istess proprjeta'.

Impjiegi — Ħaddiema li ngħataw is-sensja

Question

Billi saru diversi stqarrijiet min-naħa tal-Prim Ministru li diversi ħaddiema li ġew issensjati mill-azjendi u kumpanniji li kienu jaħdmu magħhom reġgħu ġew ingaġġati mill-istess ditti, jista' il-Ministru jagħti lista komprensiva - ditta b'ditta - ta' kemm issensjaw nies u kemm minnhom reġgħu ġew ingaġġati ma' l-istess kumpanniji?

Response (GALEA, LOUIS)

Jista' l-Onorevoli Ministru jindika għal liema perjodu jixtieq din l-informazzjoni.

Liċenzji fuq satellite dishes

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma jekk ġiex finalment stabbilit jekk il-liċenzja tal-gvern fuq is-satellite dishes hijiex konformi mar-regoli ta' l-Unjoni Ewropea u jekk le, jekk humiex se jsiru refunds lill-persuni konċernati?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-kwistjoni qiegħda tiġi kkunsidrata, fid-dawl tar-regolamenti li huma fis-seħħ illum.

Voice of the Mediterranean

Question

Billi issa għaddew xhur mindu għalaq l-istazzjon Voice of the Mediterranean, jista' il-Ministru jagħti indikazzjoni jekk l-apparat sofistikat tar-radju inbiegħx u jekk iva, lil min u b'liema prezz?

Response (DALLI, JOHN)

Nikkonferma li l-apparat li kien jintuża mill-Voice of the Mediterranean għadu ma nbiegħx. Il-Ministeru qed jitlob lill-Gvern Libjan sabiex jaħtar rappreżentant tiegħu ħalli, flimkien ma' l-uffiċċjali tal-Ministeru tiegħi, jkun jista' jinbeda dan il-proċess.

Ministru ta' l-Affarijiet Barranin — Safar fuq xogħol

Question

Jista' il-Ministru jgħid minn kemm ilu Ministru ta' l-Affarijiet Barranin u Promozzjoni ta' l-Investiment, kemm-il darba siefer fuq xogħol governattiv? Minn min kienet komposta d-delegazzjoni ministerjali f'kull okkażjoni?

Response (DALLI, JOHN)

Mill- 24 ta' Marzu 2004 'l hawn, sifirt fuq xogħol kif se ngħid: Data Destinazzjoni Membri Oħra tad-Delagazzjoni 25 ta’ Marzu sa 27 ta’ Marzu Brussels Is-Sur Robert Aquilina 9 ta’ April sa 12 ta’ April Tripoli Is-Sur Robert Aquilina 14 ta’ April sa 17 ta’ April Dublin Is-Sur Frank Zammit, is –Sur John Inguanez 18 ta’ April sa 20 ta’ April Pariġi Waħdi 22 ta’ April sa 24 ta’ April Sirakuża Waħdi 25 ta’ April sa 28 ta’ April Luxembourg Is-Segretarju Parlamentari Dr. Michael Frendo, is-Sur Frank Zammit, is-Sur John Inguanez 5 ta’ Mejju sa 6 ta’ Mejju Dublin Is-Sur Alfred Zarb, is-Sur Frank Zammit, is-Sur John Gatt Rutter 8 ta’ Mejju sa 9 ta’ Mejju Ruma Waħdi 11 ta’ Mejju Catania Dr. Mario Costa, is-Sur Jonathan Muscat 12 ta’ Mejju sa 13 ta’ Mejju Strasbourg Is-Sur Frank Zammit 16 ta’ Mejju sa 29 ta’ Mejju Brussels Is-Sur John Inguanez, is-Sur Pierre Mallia Washington / London Is-Sur Frank Zammit, Dr. Mario Costa China Is-Sur Frank Zammit, Dr. Mario Costa, is-Sur Chris Baldacchino

Enemalta — CEO

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'pakkett finanzjarju għandu ic-CEO tal-korporazzjoni Enemalta?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li ic-CEO tal-Enemalta Corporation għandu dan il-pakkett finanzjarju: Salarju LM23,000 Expense Allowance LM 500 Disturbance Allowance LM 500 Total LM24,000 Huwa jgawdi wkoll minn beneficcji oħra bħall uzu ta' karozza, ħlasijiet ta' kontijiet ta' telefon u internet. Hu kopert ukoll minn poloz ta' Assikurazjoni.

Tarzna

Question

It-telf li qed isir illum fit-Tarzna wara li tnaqqsu dawk in-nies kollha bl-early retirement u wara li daħlu fis-seħħ il-provvedimenti tal-ftehim kolletiv il-ġdid, jista' il-Ministru jgħid kemm qed ivarja minn dak li kien proġettat mill-management u approvat mill-management innifsu? Mit-telf kollu li sar f'dawn l-aħħar tliet snin, kemm minnu hu dovut għall-: a) penalitajiet minħabba li l-management naqas li jilħaq l-obbligi tiegħu? b) kemm minnhom kienu bad debts li qatgħet it-Tarzna dwar flejjes li l-management ma ġabarx? c) kemm tħallsu flus lil barranin u/jew lill-kuntratturi barranin mis-sena 2002 'il quddiem?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minkejja li l-provedimenti tal-ftehim kollettiv gdid, l-aktar f'dak li ghandu x'jaqsam mar-riformi fil-prattici tax-xogħol, għadhom ma ġewx implimentati kollha minħabba diretivi ta' azzjonijiet industriali. Il-varjazzjoni ta' telf attwali kontra l-Budget hu biss ta' 2.5% għola minn dak 'budgeted'. Rigward it-tieni parti tad-domanda: (a) L-ammont totali ta' penalitajiet fl-aħħar tliet snin (2001 sa 2003) kien biss ta' LM87,000. (b) Il-provision for bad and doubtful debts tat-tarzna f'dawn l-aħħar snin kien kif ġej: 2001 LM5.3 miljuni (dawn jirreferu l-aktar għal debitu kbir li kien ilu jakkumula għal ħafna snin minn klijent wieħed kbir partikulari. Il-bicca kbira ta' dan id-debitu nġabar fl-2004 wara negozjati konkluzi b'success mill-management tat-tarzna ma' dan il-klijent. Dawn in-negozjati solvew ukoll kwistjonijiet oħrajn pendenti ma' dan il-klijent li kellu claims sostanzjali kontra t-tarzna). 2002 irkuprar ta' bad debts ta' LM364,206 l-aktar wara li l-management tat-tarzna ġabar flus mingħand klijent lokali li kien qed jirrifjuta li jħallas debitu antik minħabba kwistjoni li kellu mat-tarzna fl-imgħoddi. 2003 irkuprar ta' bad debts ta' madwar LM2 miljuni. (Dan l-aktar minħabba il-ftehim milħuq ma' klijent partikulari li laħaq ftehim mal-management tat-tarzna biex iħallas l-ammont dovut minnu, kif ukoll biex isir ftehim fuq kwistjonijiet oħra pendenti bejn il-klijent u t-tarzna. Dan il-klijent kellu claims sostanzjali kontra t-tarzna marbuta ma incident li sar ħafna snin ilu iżda li t-tarzna kienet għadha ma għamlitx provisions għalihom fil-kotba tagħha. Għadhom qed isiru diskkussjonijiet mal-awdituri fuq il-figuri finali għal din is-sena). L-informazzjoni l-oħra mitluba mill-Onor. Interpellant hi meqjusa bħala ta' natura kummercjali.

Ministru ta' l-Affarijiet Barranin — Biljetti ta' l-ajru

Question

Jista' il-Minstru jgħid minn fejn inqatgħu l-biljetti ta' l-ajru għad-delegazzjonijiet li mexxa kemm ilu Ministru ta' l-Affarijiet Barranin?

Response (DALLI, JOHN)

Jiena nfurmat li fil-każ ta' xiri ta' biljetti ta' l-ajru, id-dipartiment responsabbli jitlob kwotazzjonijiet mill-Air Malta u minn aġenzija privata u jordna l-biljett minn fejn jirriżulta l-irħas. Jien nfurmat li b'dan mhux biss id-dipartiment qed ikollu servizz aħjar talli f'dawn l-aħħar xahrejn ġew frankati il-fuq minn LM5,000 lira. Issa qegħdin nidentifikaw possibbilta oħra ta' frankar ta' flus. Is-sistema li qed tintuża s'issa mill-Ministeru hu li fejn għandna ambaxxati, ikunu nies mill-ambaxxati li jagħmlu l-arranġamenti fil-lukandi meħtieġa waqt vjaġġar ta' uffiċċjali. Qed insibu li f'dan il-każ nistgħu nġibu prezzijiet aħjar jekk nużaw is-servizzi ta' l-Air Malta jew ta' aġenziji privati lokali. Għalhekk qegħdin nagħtu struzzjonijiet lid-dipartiment fil-Ministeru li jieħu ħsieb l-ivjaġġar biex jibdel is-sistema u jibda jitlob kwotazzjonijiet kif jagħmel fil-każ tal-biljetti ta' l-ajru, iqabbel dawn mal-prezzijiet li jkollhom l-ambaxxati u jagħti struzzjonijiet lil min ikun l-irħas biex jagħmel l-allokazzjoni. Ikun tajjeb jekk jirnexxielna nġibu l-istess servizz bi prezz inqas. Inħeġġeġ liċ-Chairman tal-Public Accounts Committee biex jitlob lill-Awditur Ġenerali jagħmel eżerċizzju fejn jara l-prezzijiet li bihom jinxtraw il-biljetti ta' l-ajru fis-settur pubbliku kollu, iqabbilhom mal-prezzijiet li qed jitħallsu fil-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin u jara jekk hux il-każ li kull min mhux qed juża s-sistema li qed tintuża f'dan il-Ministeru fil-fatt jagħmel hekk.
Leg 10 PQ #6095 Sitting 139 2004-06-15 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Ministru għat-Turiżmu u Kultura — Żjarat barra minn Malta

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il żjara għamel barra l-pajjiż fix-xahar ta' Mejju u x'kien l-iskop ta' kull żjara?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant li fil-perjodu msemmi kont Berlin bejn il-5 u s-7 ta' Mejju għal-konferenza "The Cultural Year of the Accession Countries"li għaliha attendew il-Ministri tal-Kultura mill-għaxar pajjiżi ġodda fl-UE, u bejn is-17 u t-22 ta' Mejju fi Franza u l-Italja. Fl-ewwel każ għal-laqgħa tal-Ministri tal-Kultura tal-pajjiżi membri fl-UE fil-kuntest tal-"Cannes Film Festival", u fit-tieni każ għal għadd ta' avvenimenti li jippromwovu lil Malta mil-lat kulturali u turistiku f'Cervia.

Pulizija — Armi mingħajr liċenzja

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew ikkonfiskati armi bla liċenzja mingħand individwi f'Għawdex fis-snin 2003 u 2004 u kemm minnhom ġew irritornati lura lis-sidien?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2003, il-Pulizija qabdet 12-il arma tan-nar in konnessjoni ma' xi ksur ta' liġi f'Għawdex. Dawn kollha ġew esebiti l-Qorti fi proċeduri kriminali li ttieħdu kontra l-persuni rispettivi, li f'għaxar każi minnhom il-Qorti ordnat konfiska, f'każ ieħor ġie illiberat u l-ieħor għadu mhux deċiż. Infurmat ukoll illi matul din is-sena, ġew maqbuda 12-il arma tan-nar oħra. Arma minnhom ġiet esebita u l-Qorti ordnat il-konfiska, filwaqt illi l-11-il arma l-oħra għad iridu jiġu esebiti quddiem il-Qorti.

Taxxa tad-dħul — Dipartiment tat-taxxi nterni

Question

Kemm daħħal taxxa tad-dħul extra il-Gvern minn mindu tneħħiet il-priskrizzjoni fuq il-kontijiet pendenti mad-dipartiment tat-Taxxi Interni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba ma tistax tinġabar.

Postijiet tal-Gvern — Problema ta' l-Umdita'

Question

B'referenza għall-ittra tal-perit tad-9 ta' Diċembru 2003, dwar il-fond li d-dettalji dwarhu qed jintbagħtu separatament, jistgħu jittieħdu l-passi meħtieġa biex jiġi żgurat li problema ta' l-umdita' tiġi eliminata għal kollox, għalkemm saru xi xogħlijiet fil-fond imsemmi hemm indikazzjonijiet li minkejja dan ix-xogħol il-problema għadha ma gietx melgħuba?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern irreferiet it-talba li saritilha dwar ħsara minn umdita' fil-post li qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant lid-Dipartiment għall-Bini u Tiswija ta' Djar li huwa responsabbli minn din il-materja.