Jista' il-Ministru jgħid kemm inqatgħu biljetti ta' l-ajru u akkomodazzjoni ta' lukandi barra minn Malta mill-aġenzija li l-isem tagħha qed jintbagħat separatament, mill-kumpannija Malta Enterprise minn kemm ilha li twaqqfet?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Medja tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 6297, jista' il-Ministru jgħid jekk ġewx irtirati provvisti ta' din il-mediċina Cisapride mill-ispiżeriji? Ġew informati dwar dan l-iżvilupp il-general practitioners? Jaf il-Ministru li lill-pazjenti qalulhom biss li dawn il-pilloli kienu waqqfuhom mingħajr ma qalulhom għalfejn? Saru testijiet fuq il-pazjenti li kienu qed jieħdu ic-Cisapride regolarment mill-isptar biex jaraw jekk dawn kellhomx xi after effects fuqhom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni li l-mediċina Cisapride setgħet tagħmel xi effetti ħżiena kienet evalwata u f'Malta kien ġie rrakomandat lit-tobba li din il-mediċina kellha tintuża biss f'ċertu każijiet u wara li jkun assigurat li l-pazjent kellu riskju baxx li jaqbduh dawn l'effetti. It-tobba kollha kienu ġew avżati b'dawn ir-rakkomandazzjonijiet permezz ta' ċirkulari. Minn dak iż-żmien il-mediċina baqgħet tintuża b'mod ristrett sakemm issa ma għadhiex tiġi f'Malta. Għaldaqstant ma kienx hemm bżonn li jiġu irtirati l-provisti ta' din il-mediċina mill-ispiżeriji.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux se jżomm lill-Konslu Ġenerali ta' Malta attwali fi Tripli bħala l-bniedem responsabbli mill-ħruġ tal-visas liċ-ċittadini Libjani li jkunu ġejjin Malta?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li malli tkun f'posta s-Segretarju Permanenti l-ġdida l-Ministeru se jagħmel review tal-postings eżistenti u tal-policy marbuta ma' dawn il-postings.
Jista' il-Ministru jgħid x'kien is-sehem tal-MIMCOL fin-negozjati dwar ix-xiri ta' l-ambaxxata Maltija ġdida fi Brussels li ġiet tiswa Lm6.5 miljun? Min irrappreżenta lill-MIMCOL f'dawn in-negozjati?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-MIMCOL intalbet tagħti s-servizzi tagħha mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, u r-rwol prinċipali tagħha kien li tiffaċilita l-għażla tal-post, in-negozjati bejn il-partijiet u l-preparazzjoni tal-kuntratt.
Il-MIMCOL kienet rappreżentata minn -
Ivan Falzon
Mario Mizzi
Vincent Mifsud
Ministeru tal-Finanzi — Xiri ta' ambaxxata ġdida fi Brussels
Question
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'kien is-sehem tal-Ministeru tal-Finanzi fid-deċiżjoni li wasslet għax-xiri ta' l-Ambaxxata ġdida ta' Malta fi Brussels li tiswa Lm6.5 miljun? Kien hemm senserija involuta? Kif ġiet identifikata l-proprjeta' mixtrija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
(Tweġiba mogħtija: 05/07/2004PM)
(Seduta Numru: 146)
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li persuni li kienu jieħdu l-pilloli Cisapride mill-isptar San Luqa għadhom kif ġew mgħarrfa li dawn mhumiex se jibqgħu jinġiebu mill-gvern? Jikkonferma li persuna li tieħu dawn il-pilloli tliet darbiet kuljum issa se jkollhom tonfoq bejn Lm1 u Lm1.25c aktar kull ġurnata?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Minħabba raġunijiet ta' sigurta fuq is-saħħa tal-pazjenti (possibilita' ta' effetti fuq il-qalb li jistgħu jkunu fatali) il-mediċina Cisapride ma baqgħetx liċenzjata fuq is-suq dinji. Għaldaqstant il-produzzjoni tal-preparazzjonijiet li fihom din il-mediċina twaqqfet.
Konsegwentament il-pazjenti relevanti ġew mgħarrfa biex jinfurmaw lit-tabib kuranti tagħhom biex jirrakkomanda mediċina alternattiva fejn ikun il-każ.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm inqatgħu biljetti ta' l-ajru u akkomodazzjoni ta' lukandi mill-aġenzija li l-isem tagħha qed jintbagħat separatament, mill-Bank Ċentrali fiż-żmien li kien Ministru tal-Finanzi l-Onor. Dalli?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
(Tweġiba mogħtija: 05/07/2004PM)
(Seduta Numru: 146)
Jista' il-Ministru jgħid kemm inqatgħu biljetti ta' l-ajru u akkomodazzjoni ta' lukandi barra minn Malta mill-aġenzija li l-isem tagħha qed jintbagħat separatament, mill-kumpannija Malta Enterprise minn kemm ilha li twaqqfet?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jikkonferma rapporti li l-ex brigadier ta' l-armata li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, se jinħatar ambaxxatur ta' Malta f'pajjiż Nordiku fejn joqogħdu qraba tiegħu mill-viċin?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Ma jirriżultalix li l-informazzjoni li għandu l-Onorevoli Interpellant hija korretta.
Kumpannija privata — Traffikar ta' tfajliet mill-Ewropa
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jinvestiga u jgħarraf lill-Kamra jekk il-kumpannija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, f'dawn l-aħħar snin kenitx involuta fit-traffikar ta' tfajliet mill-Ewropa tal-Lvant lejn pajjiżna għal skopijiet illeċti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-kumpannija msemmija mill-Onorevoli Interpellant ma kenitx investigata mill-Pulizija dwar is-suġġett imsemmi.
Jista' il-Ministru jgħid kemm żaru Malta turisti f'Mejju li għadda b'paragun ma' l-istess xahar tas-sena ta' qabel?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-istatistika uffiċċjali għal Mejju għadha ma kienitx ippublikata mill-Uffiċċju Nazzjonali għall-Istatistika. Minn indikazzjonijiet mis-suq jidher li Mejju ta' din is-sena ser ikun ftit aħjar minn Mejju tas-sena l-oħra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 6107 u cioe' billi saru diversi stqarrijiet min-naħa tal-Prim Ministru li diversi ħaddiema li ġew issensjati mill-azjendi u kumpanniji li kienu jaħdmu magħhom reġgħu ġew ingaġġati mill-istess ditti, jista' il-Ministru jagħti lista komprensiva - ditta b'ditta - ta' kemm issensjaw nies u kemm minnhom reġgħu ġew ingaġġati ma' l-istess kumpanniji bejn l-1 ta' April sal-lum?
Response (GALEA, LOUIS)
Nitlob lil Onorevoli Interpellant jispeċifika liema perjodu qed jirreferi għalih.
Jista' il-Ministru jgħid x'sar minnha l-kumpannija Countertrade, x'pagamenti kien hemm involuti u lil min? X'inhi l-konnessjoni tal-Malta Export House mal-kumpannija Countertrade?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onorevoli Interepellant jispeċifika għal liema pagamenti qiegħed jirreferi. Rigward l-isem tal-kumpanija, Malta Countertrade kienet bidlet isimha għal Malta Export House Co. Ltd.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm inġabret taxxa fuq reġistrazzjoni ta' luxury sea craft? Kemm kien hemm super yachts u/jew sea crafts involuti f'din ir-reġistrazzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-taxxa li nġabret sal-11 ta’ Ġunju 2004 fuq l-importazzjoni ta’ yachts taħt l-iskema mħabbra mill-Gvern kienet ta’ Lm4.3 miljuni.
In-numru ta’ sea crafts involuti f’din ir-reġistrazzjoni huwa ta’ erba’ mija tmienja u tletin (438).
Ambaxxata Maltija fi Tripli — Applikazzjonijiet għal visa
Question
Jista' il-Ministru jikkonferma allegazzjonijiet li waslu għandi, li qed ikun hemm fast tracking ta' applikazzjonijiet tal-visa fi Tripli mill-Konsolat Ambaxxata Maltija mingħajr ma jsiru l-verifiki neċessarji ma' l-awtoritajiet kompetenti?
Response (DALLI, JOHN)
Hi proċedura normali li f'kull ambaxxata Maltija tinħareġ visa fl-iqsar żmien possibbli, speċjalment f'każijiet li jirrigwardjaw diplomatiċi barranin, persuni għolja tal-Gvern, każijiet urġenti mediċi u oħrajn li jistgħu jiġu kkunsidrati tali bħala urġenti.
Sal-15 ta' Ġunju 2004, il-Konsolat Malti fi Tripli kellu tmienja u għoxrin (28) applikazzjonijiet fast track. Id-dettalji ta' dawn l-applikanti xorta jintbagħtu lill-Uffiċċju ta' l-Immigrazzjoni f'Malta.
Ministru ta' l-Affarijiet Barranin — Xiri ta' biljetti ta' l-ajru
Question
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 6094, jista' il-Ministru speċifikament jgħid minn fejn inxtraw il-biljetti ta' l-ajru għad-delegazzjonijiet li mexxa kemm ilu Ministru ta' l-Affarijiet Barranin? Jista' jgħid jekk il-bookings għal-lukandi sarux mill-istess aġenzija/aġenziji? Jista' jgħid meta kien Ministru tal-Finanzi minn fejn kienu jinxtraw il-biljetti tal-mawriet tiegħu barra l-pajjiż matul din il-leġislatura?
Response (DALLI, JOHN)
Il-proċedura ta' kif jinxtraw il-biljetti ta' l-ajru mid-dipartiment konċernat fil-Ministeru tiegħi, b'mod li jingħażlu l-orħos prezzijiet f'kull każ, diġa spjegajtha fid-dettal fir-risposta li tajt għall-Mistoqsija Numru 6094. Din l-istess proċedura kienet tintuża wkoll meta kont Ministru tal-Finanzi.
L-aġenziji li minn għandhom jinqatgħu l-biljetti ta' l-ajru xi kultant jintalbu jieħdu ħsieb bookings f'lukandi skond il-pajjiż u ċ-ċirkustanzi. Kif għidt fir-risposta għall-Mistoqsija numru 6094, din il-proċedura issa se tinbidel biex nassiguraw l-aħjar servizz bl-anqas prezz.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġie jiswa l-printing/film setting u art work tal-company accounts l-aktar riċenti tal-Freeport? Fejn ġew stampati? Kien hemm offerti aktar vantaġġjużi għal dan ix-xogħol? Il-prezz ta' dan l-istampar kif jipparaguna man-nefqa fuq stampar u art work fuq il-company accounts ta' l-istess kumpannija s-sena ta' qabel?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li x-xogħol imsemmi mill-Onor. Interpellant sar għand Promotion Services Ltd għas-somma ta' LM787.75 li kienet l-istess daqs tas-sena l-oħra. Ma kien hemm l-ebda offerta aktar vantaggjuza.
Jista' il-Ministru jgħid jekk humiex qegħdin isiru xi trattattivi ma xi strategic partners prospettivi dwar il-privatizzazzjoni tal-Maltacom u tal-Bank of Valletta? Jekk iva, jista' jindika l-partijiet interessati?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li m'humiex qed isiru trattattIvi ma ' strategic partners fir-rigward tal- privatiżżazzjoni tal-Maltacom u l-BOV.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 6097 dwar financial leasing legislation, japprezza il-Prim Ministru li kif inhi l-liġi fil-preżent toffri non workable solutions għall-istituzzjonijiet finanzjarji tal-pajjiż u li għandha bżonn taxation provisions relatati ma' din il-leġislazzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-liġi tat-taxxa fuq l-income diġà taħseb li jistgħu jsiru regolamenti biex jiġi regolat it-trattament fiskali dwar finance leasing. Dawn ir-regolamenti qed jiġu ppreparati u huma mistennija li jiġu ppubblikati fi żmien qasir.