Jista' il-Prim Ministru jgħid kif jirrikonċilja l-appell tiegħu għall-consensus fil-politika lokali maċ-ċaħda tal-proposta ta' l-Oppożizzjoni biex titfassal strateġija nazzjonali permezz ta' konferenza nazzjonali dwar il-problema ta' l-immigranti llegali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għad-diskors li għamel il-Viċi Prim Ministru fl-Aġġornament tat-Tnejn 1 ta’ Novembru u cioé illi kif anke sostnejt jiena pubblikament, dil-Konferenza Nazzjonali tista’ ssir wara li l-Gvern u l-Oppożizzjoni jippubblikaw il-politika tagħhom dwar l-immigrazzjoni.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista ta' kemm-il safra siefru iċ-chairmen, id-diretturi, is-senior officials u konsulenti tal-PBS Ltd. mill-1 ta' Jannar 1999 sal-lum, x'kien l-għan taż-żjara tagħhom, kemm damet kull mawra u x'kienet in-nefqa totali f'kull vjaġġ konċernat?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jgħid x'wassal lil Freeport Terminal Maltabiex jixtru l-ishma tal-kumpannija Brindisi Terminal Italia S.P.A. minkejja t-telf li din ilha tagħmel mis-sena 2000 'il quddiem? Il-Ministru ħass il-ħtieġa li jikkonsulta lill-Kabinett dwar deċiżjoni strateġika bħal din?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istqarrija li għamilt dwar din il-materja u li tagħti l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Tista' il-Ministru tgħid x'qed iżomm lill-awtorita' tad-djar milli tapprova t-talba tal-familja - id-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament - biex jixtru darhom, talba li ilha pendenti snin sħaħ?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-Awtorita' tad-Djar ma tistax tiffinalizza l-kuntratt tax-xiri tar-residenza mill-familja ndikata mill-Onor. Interpellant qabel ma jsir it-trasferiment lill-Awtorita' ta' l-art li fuqha hemm mibnija d-dar.
Jista' il-Ministru jikkonferma rapporti li l-gvern qiegħed serjament jikkonsidra li jagħlaq diversi ambaxxati fosthom dawk ta' Dublin, The Hague, Budapest u Stokkolma? Jekk dan mhuwiex il-każ, il-gvern għandu xi ħsieb li jagħmel xi pjan ta' razzjonalizzazzjoni dwar l-għadd preżenti ta' ambaxxati madwar id-dinja?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Iva, l-Ministeru qed jagħmel il-preparazzjonijiet neċessarji biex jirrazzjonaliżża l-preżenza ta' Malta b'ambaxxati fl-Ewropa, fil-Mediterran u fil-bqija tad-dinja. Id-deċiżżjonijiet dwar ftuħ jew għeluq ta' ambaxxati jitħabbru meta jsiru.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra dettalji dwar l-obbligi kuntrattwali li għandu l-gvern mal-Perit Richard England dwar il-proġett tat-Teatru Rjali u l-madwar? Kemm tħallas s'issa, meta tħallas, ta' xiex tħallas u taħt liema kondizzjonijiet u meta mistennija jsiru pagamenti oħrajn lilu?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Nitlob lil Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat peress li l-pagamenti li saru s' issa ma sarux minn dan il-Ministeru u l-Kuntratt li għadu viġenti kien iffirmat mal-Ministeru għar-Riżorsi u Infrastruttura.
Fil-privatizzazzjoni tal-Bank of Valletta, il-gvern se jfittex sieħeb strateġiku kbir jew se jimxi fuq l-opinjoni taċ-chairman tal-MFSA li jsib banek daqs mezzan bħalma għandhom fil-Ġermanja u l-Italja, bħalma indika f'intervista riċenti fl-istampa lokali?
Response (GATT, AUSTIN)
L-opinjoni taċ-Ċhairman tal-MFSA hi ovvjament opinjoni tiegħu u s-sieħeb strateġiku mhux neċessarjament jinkwadra ruħu fiż-żewġ alternattivi (li huma ftit min ħafna) li ssemmew fid-domanda.
Jista' il-Ministru jagħti dettalji dwar il-kumpannija li magħha qed isiru trattattivi biex jiġi ri-introdott servizz bil-helicopter bejn Malta u Għawdex fuq bażi temporanja? Kif u minn min intgħażlet din il-kumpannija? X'inhu t-track record tagħha?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija nru. 7956.
Jista' il-Ministru jgħid kif se jsiru n-negozjati biex il-gvern jiddisponi mill-proprjetajiet fil-qasam tal-lukandi li għandha l-Air Malta? Kif se jiġu identifikati ix-xerrejja prospettivi? Minn min se jsiru n-negozjati għan-naħa tal-gvern mill-MIMCOL?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhu l-iskedar tal-gvern biex idaħħal lil Malta fl-ERM2, proċess li normalment jieħu mill-inqas sentejn qabel ma Malta tkun tista' tidħol fil-Euro? Fid-dawl tal-fatt li Malta weħlet f'erbgħa mill-ħames kondizzjonijiet għall-introduzzjoni tal-Euro f'pajjiżna, il-gvern se jkun influwenzat minn dan l-istat ta' fatt meta jieħu dan il-pass?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-ħames kundizzjonijiet li semma l-Onorevoli Brincat – magħrufa bħala l-kriterji ta’ Maastricht – japplikaw għall-introduzzjoni ta’ l-euro u mhux għad-dħul fl-ERM II. Għaldaqstant pajjiż li jrid idaħħal il-euro jrid jissoddisfahom meta jsir dak li huwa magħruf bħala l-convergence assessment wara li l-pajjiż ikun għamel għall-inqas sentejn fl-ERM II. Għalhekk il-fatt li Malta llum ma tissoddisfax il-kundizzjonijiet kollha m’huwiex waħdu fattur determinanti. Il-Gvern fassal strateġija li tinstab fil-Convergence Programme 2004-2007 biex jiżgura li Malta tilħaq dawn il-kriterji fi żmien mhux il-bogħod, u għalhekk tkun f’qagħda li ddaħħal l-euro. Jiena nittama li sa nofs is-sena d-dieħla nkunu f’qagħda aħjar biex niddeċiedu jekk sarx biżżejjed progress u jekk għandniex nieħdu l-ewwel pass lejn il-euro, jiġifieri li nidħlu fl-ERM II.
Jista' il-Ministru jgħid jekk għadx hemm arranġamenti preferenzjali dwar xiri taż-żejt mil-Libja? Jekk iva, meta xtrat l-aħħar il-korporazzjoni Enemalta minn dan is-sors, kemm xtrat u jekk le, meta ntemm l-arranġament?
Response (GATT, AUSTIN)
L-Enemalta ma għadx għandha arranġamenti preferenzjali dwar xiri taż-żejt mil-Libja.
L-aħħar arranġament li kien hemm, intemm fl-aħħar tas-sena 2003.
Billi l-Ministru riċentement għarraf lill-Kamra li l-gvern Malti ilu ma jixtri żejt b'rati preferenzjali mil-Libja għal dawn l-aħħar sentejn, jista' il-Ministru jgħid: jekk dan l-arranġament intemmx għax kien skada l-ftehim? Jekk ma baqax jiġi wżat on grounds of policy? Jekk sarux xi attentati min-naħa tal-gvern biex dan il-ftehim jiġi rijattivat?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-arranġament intemm meta skada l-ftehim minħabba li n-National Oil Corporation tal-Libya ma setatx tissuplixxi 'fuel oil' f''sulphur content' ridott kif bdiet tuża l-Enemalta fl-2003.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ilu ministru responsabbli għall-korporazzjoni Enemalta, sarx xi hedging taż-żejt min-naħa tal-korporazzjoni? Jekk iva, meta sar dan u jekk le, għaliex ma sarx?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Fid-dawl tal-fatt li qed naqgħu lura fil-kompetittivita', jista' il-Ministru jgħid jekk jaqbilx li hemm bżonn kumitat interministerjali sabiex jirrevedi l-istrateġiji tagħna dwar riċerka u żvilupp?
Response (GALEA, ĊENSU)
Ninforma lill-Onor. nterpellant li hemm kumitat tal-kabinett dwar il-kompetittivita' li hu presedut mill-Prim Ministru.
Il-gvern għandu xi pjani dwar ir-riallokazzjoni ta' l-armerija fil-palazz presidenzjali?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li m'hemmx pjani immedjati biex l-Armerija tiġi riallokata, pero` naturalment jekk kemm il-darba l-Parlament jopera fil-futur minn bini differenti, isir dak kollu meħtieġ biex terġa' tkun riallokata l-armerija għas-sede oriġinali tagħha.
Jista' il-Prim Ministru jgħid meta beħsiebu jgħaddi lill-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi l-opinjoni ta' KPMG dwar jekk il-Gvern Malti huwiex se jkun soġġett li jħallas ċertu ammont ta' taxxa jekk jikri parti minn Dar Malta fi Brussels għal skopijiet kummerċjali? Jista' jgħarraf lill-Kamra nnifisha wkoll bl-opinjoni esperta ta' KPMG?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-prinċipju ġenerali li l-awtoritajiet fiskali Belġjani jużaw f’każ li bini jinxtara minn stat sovran hu li jagħtu eżenzjoni totali mit-taxxa tar-reġistrazzjoni bir-rata ta’ 12½% fuq il-valur kuntrattwali ta’ meta tiġi trasferita l-proprjetà jew il-valur tas-suq jekk dan ikun iktar.
F’każ li parti mill-bini li jkun inxtara jibda jintuża għal skopijiet kummerċjali, il-liġi Belġjana titlob li fuq dik il-parti tal-bini li tinkera tkun trid titħallas din it-taxxa darba biss. Biss, il-Gvern hu nfurmat li ambaxxati ta’ pajjiżi oħra talbu eżenzjoni totali fuq il-bini kollu li xtraw, anke fuq dik il-parti li kienet qed tinkera. Jidher li dawn innegozja ma’ l-awtoritajiet fiskali Belġjani biex l-eżenzjoni tibqa’ tapplika peress li parti mill-bini kienet qed tinkera fuq bażi temporanja sakemm pajjiżhom jiġi bżonn il-bini kollu meta jassumi l-presidenza ta’ l-Unjoni Ewropea. Il-Gvern Malti għandu ħsieb li jitlob l-applikazzjoni ta’ dan l-istess preċedent meta jasal iż-żmien biex tinkera xi parti mill-bini.
Jista' il-Prim Ministru jgħid meta beħsiebu jgħaddi lill-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi l-opinjoni ta' KPMG dwar jekk il-Gvern Malti huwiex se jkun soġġett li jħallas ċertu ammont ta' taxxa jekk jikri parti minn Dar Malta fi Brussels għal skopijiet kummerċjali? Jista' jgħarraf lill-Kamra nnifisha wkoll bl-opinjoni esperta ta' KPMG?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-prinċipju ġenerali li l-awtoritajiet fiskali Belġjani jużaw f’każ li bini jinxtara minn stat sovran hu li jagħtu eżenzjoni totali mit-taxxa tar-reġistrazzjoni bir-rata ta’ 12½% fuq il-valur kuntrattwali ta’ meta tiġi trasferita l-proprjetà jew il-valur tas-suq jekk dan ikun iktar.
F’każ li parti mill-bini li jkun inxtara jibda jintuża għal skopijiet kummerċjali, il-liġi Belġjana titlob li fuq dik il-parti tal-bini li tinkera tkun trid titħallas din it-taxxa darba biss. Biss, il-Gvern hu nfurmat li ambaxxati ta’ pajjiżi oħra talbu eżenzjoni totali fuq il-bini kollu li xtraw, anke fuq dik il-parti li kienet qed tinkera. Jidher li dawn innegozjaw ma’ l-awtoritajiet fiskali Belġjani biex l-eżenzjoni tibqa’ tapplika peress li parti mill-bini kienet qed tinkera fuq bażi temporanja sakemm pajjiżhom jiġi bżonn il-bini kollu meta jassumi l-presidenza ta’ l-Unjoni Ewropea. Il-Gvern Malti għandu ħsieb li jitlob l-applikazzjoni ta’ dan l-istess preċedent meta jasal iż-żmien biex tinkera xi parti mill-bini.