Legislature:
Category:
Reset
Active:

Immigranti Illegali Ċiniżi

Question

Fid-dawl tar-rapporti li dehru fl-istampa internazzjonali, speċjalment dik Taljana, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk sarux xi kuntatti bejn l-awtoritajiet Maltin u dawk Taljani dwar id-dħul ta' immigranti llegali Ċiniżi fl-Italja li jkunu ġejjin minn Malta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija Maltija u l-Awtoritajiet Taljani qegħdin f'kuntatt bejniethom dwar is-suġġett imsemmi mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 10 PQ #10160 Sitting 226 2005-01-27 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Żjara Presidenzjali fir-Repubblika Ċeka

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kien ir-rwol u l-feedback li kellu l-kap ta' l-economic department tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin fiż-żjara riċenti Presidenzjali fir-Repubblika Ċeka?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Il-Kap ta' dan id-Dipartiment flimkien mal-persuni l-oħra assenjati fl-istess Dipartiment assistew fil-preparazzjonijiet meħtieġa għal din iż-żjara. L-Onorevoli Interpellant japprezza li l-kompitu tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin huwa li "jiftaħ it-triq", u li jagħti kull assistenza oħra lill-komunita' kummerċjali Maltija biex jiffaċilita l-kummerċ. Dan kien l-iskop ta' l-assistenza li ngħatat għaż-żjara Presidenzjali. Il-"follow-up" għalhekk irid isir mill-Malta Enterprise u mis-settur privat, u meta jkun il-każ, dan jaqa' taħt il-kompetenza ta' Ministeri oħrajn.
Leg 10 PQ #10161 Sitting 226 2005-01-27 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ambaxxaturi Ġodda

Question

Billi tħabbar li se jkun hemm erba' ambaxxaturi ġodda f'postings barra minn Malta, jista' il-Ministru jgħid x'kontroll se jkun hemm fuq ir-refurbishment costs li jistgħu jsiru mill-ambaxxaturi u l-familjari tagħhom?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Kull talba għal refurbishment ta' Ambaxxati jew residenzi uffiċċjali trid issir fuq talba ta' l-Ambaxxatur jew Ambaxxatriċi u trid tiġi approvata mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru jew minn uffiċjal delegat minnha, fil-parametri tal-vot allokat lill-Ministeru.

Enemalta/WSC — Ġbir ta' Arretrati

Question

B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 8854 u 9039 u cioe' jista' il-Ministru jikkonferma li l-ġbir ta' l-arretrati tal-Korporazzjoni Enemalta/WSC u l-Enemalta call centre se jibda jsir minn uffiċini fil-bini ta' l-MOBC, il-Marsa? Jikkonferma li l-uffiċini se jinkrew Lm600 fix-xahar? X'inhu l-arranġament bankarju li sar mal-Bank of Valletta dwar il-ħlas ta' dawn il-kontijiet pendenti? Hu minnu li overdue accounts se jiġu charged 1% fix-xahar?

Response (GATT, AUSTIN)

L-Enemalta ikkonkludiet diskussjonijiet ma' l-MOBC biex tuża uffiċini fil-bini tagħha fil-Marsa biex twaqqaf "call centre" fejn mingħandu jagħti l-flus ikun jista' jinqeda. Intagħżlu dawn l-uffiċini peress li l-MOBC hija kollha kemm hi tal-Gvern u għalhekk il-kera ta' LM600 fix-xahar tibqa' għand il-Gvern. Barra minn hekk saru arranġamenti mal-banek lokali biex kontijiet pendenti jibdew jitħallsu bi 'standing order' jew 'direct debit', imma mhux minnu li l-'overdue' accounts ser jigu 'charged' 1% fix-xahar imma 8% fis-sena.

Israel Telecom 2004 Conference

Question

Il-Gvern ħa sehem fl-Israel Telecom 2004 Conference li nżamment f'Tel Aviv fl-ewwel nofs ta' Novembru? Jekk iva minn min kien irrappreżentat u x'sehem kellu l-Ministeru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni fil-Fiera?

Response (GATT, AUSTIN)

Delegat mill-Malta Enterprise attenda l-Israel Telecom 2004 Conference bejn id-9 w l-11 ta' Novembru 2004. Id-delegat huwa responsabli mill-promozjoni ta' innovazzjoni w żvillup teknologiku fi ħdan l-Malta Enterprise. L-għan kien li jkattar it-tagħrif fuq il-promozzjoni u għajnuniet għall-kumpanijji godda fil-qasam tal-informatika w teknoloġiċi avvanzati waqt li fl'istess ħin isaħħaħ ir-rabtiet ma' dawk responsabli ta' dan ix-xogħol fl-Israel. Il-Ministeru ghall-Investiment, Industrija w Teknologija ta' l-Informazzjoni stabillixxa il-kuntatti biex issir iz-zjara.

CIMU — Offerti permezz ta' intel processors

Question

Wara l-passi li ħadet il-Kummissjoni Ewropea ma' pajjiżi membri oħrajn tal-UE, jista' il-Prim Ministru jgħid jekk iċ-CIMU irċeviex struzzjonijiet jew sejħiet min-naħa ta' l-istess kummissjoni biex ma tibqax toħroġ tenders - jekk huwa l-każ b'intel processors bħala pre-rekwiżiti Il-gvern qatt irċieva xi ilmenti jew struzzjonijiet mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-procurement policies tiegħu fil-qasam ta' l-informatika?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 9979.

PBS — Financial statements and reports

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 9995 u cioe' jista' jgħid il-financial statements and reports ta' PBS Ltd. għas-sena 2003 meta mistennija jkunu available mingħand ir-registrar of companies? Tista' titqiegħed kopja ta' dawn l-accounts fuq il-mejda tal-Kamra, flimkien ma' l-accounts għas-sena 2004, jekk dawn ukoll huma lesti u approvati?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 10 PQ #10080 Sitting 223 2005-01-24 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

VOM — Apparat

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'sar mill-apparat tal-Voice of the Mediterranean? Għadu kollu fil-post? Jekk le, kif u fejn spiċċa u taħt liema kondizzjonijiet? L-istaff tal-ministeru ġew mitluba jixhdu mill-Awditur Ġenerali f'dan il-każ? Jekk iva, min huma?

Response (FRENDO, MICHAEL)

L-apparat tar-Radju Voice of the Mediterranean għadu f'postu. Is-Segretarju Permanenti preċedenti u d-Direttur Servizzi Korporattivi kienu ġew imsejħa mill-Awditur Ġenerali sabiex jagħtu informazzjoni dwar il-VOM.
Leg 10 PQ #9934 Sitting 220 2005-01-17 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ambaxxata Maltija fl-Ungerija

Question

B'riferenza għall-ambaxxata Maltija fl-Ungerija li mistennija tingħalaq fl-ewwel nofs ta' din is-sena, jista' il-Ministru jikkonferma jekk fl-aħħar xhur inxtratx karozza ġdida mill-ambaxxata u jekk iva, meta? B'liema prezz inxtrat u ta' liema tip hi? Sar xi refurbishment fl-istess fond flimkien ma' spejjeż oħra anċillari?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Inxtrat karozza BMW 520i għall-Ambaxxata ta' Budapest f'Ġunju 2004. Il-prezz tal-karozza, wara li nġab il-permess tal-Ministeru tal-Finanzi, kien ta' €31,050. Din il-karozza issa ser tintuża f'xi Ambaxxata oħra skond il-bżonn. Ma sar l-ebda refurbishment.

Magħtab Landfill — The Scott Wilson Report

Question

Jista' il-gvern jippubblika r-rapport sħiħ magħruf bħala The Scott Wilson Report dwar il-Magħtab Landfill billi dan ġie ffinanzjat minn fondi pubbliċi? Jaħseb li mhijiex aċċettabbli l-iskuża li allegatament inġiebet li għalkemm stage 1 ġie ppubblikat, il-kumplament ma jistax jiġi ppubblikat għax jippreġudika xi tender - aktar u aktar meta dan it-tagħrif jista' ikun qiegħed jitfa' d-dawl fuq hazards ambjentali li l-pubbliku mhuwiex konxju dwarhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li r-rapport, magħruf bħala The Scott Wilson Report, għen sabiex jiġi fformolat it-tender biex jittieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jitnaqqsu l-impatti li l-istess studju identifika. Għaldaqstant ir-rapport jifforma parti essenzjali mid-dokument tat-tender li ser jiġi ppubblikat fil-futur qarib. Kif intqal fit-tweġiba ta' Mistoqsija Parlamentari nru. 6901 fis-seduta nru. 138 nhar l-14 ta' Gunju 2004, kopja ta' dan ir-rapport jitpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra hekk kif id-dokument tat-Tender għax-xogħlijiet meħtieġa jkun ppubblikat.

CIMU — Offerti permezz ta' Intel Processors

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 9887 u cioe' wara l-passi li ħadet il-Kummissjoni Ewropea ma' pajjiżi membri oħrajn tal-UE, jista' il-Prim Ministru jgħid jekk iċ-CIMU irċeviex struzzjonijiet jew sejħiet min-naħa ta' l-istess kummissjoni biex ma tibqax toħroġ tenders - jekk huwa l-każ b'intel processors bħala pre-rekwiżiti Il-gvern qatt irċieva xi ilmenti jew struzzjonijiet mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-procurement policies tiegħu fil-qasam ta' l-informatika?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jiena nfurmat liċ-CIMU qatt ma rċieva struzzjonijiet jew sejħiet oħrajn minn naħa tal-Kummissjoni Ewropea biex ma tibqax toħroġ tenders b’intel processors bħala pre-rekwiżiti. Oltre dan, la ċ-CIMU u lanqas l-MIIT qatt ma rċievew ilmenti jew struzzjonijiet mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-procurement policies tiegħu fil-qasam ta’ l-informatika.

PBS — Financial statements and reports

Question

Il-financial statements and reports ta' PBS Ltd. għas-sena 2003 meta mistennija jkunu available mingħand ir-registrar of companies? Tista' titqiegħed kopja ta' dawn l-accounts fuq il-mejda tal-Kamra, flimkien ma' l-accounts għas-sena 2004, jekk dawn ukoll huma lesti u approvati?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Israel — Ftehim dwar tassazzjoni doppja

Question

Jikkonferma l-Ministru li nbdew proċeduri biex jintlaħaq ftehim dwar tassazzjoni doppja ma' l-Israel? Jekk iva, f'liema stadju waslu t-taħdidiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 9778.
Leg 10 PQ #9871 Sitting 219 2005-01-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Federazzjoni Russa — Ambaxxatur għal Malta

Question

Jista' il-Ministru jgħid min se jinħatar bħala Ambaxxatur għal Malta fil-Federazzjoni Russa wara li Dr. J. Cassar ġie maħtur ambaxxatur fil-Libja?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 9870.
Leg 10 PQ #9872 Sitting 219 2005-01-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Presidenti/Prim Ministri barranin — Żjarat f'Malta

Question

S'issa kemm hemm żjarat fostna konfermati ta' Presidenti u Prim Ministri barranin għal matul is-sena l-ġdida? Liema huma u meta mistennija jsiru? Dan apparti mis-summit tac-CHOGM.

Response (FRENDO, MICHAEL)

Sa' issa ż-żjarat konfermati ta' Presidenti u/jew Prim Ministri huma tnejn: il-President ta' Ċipru u l-President ta' l-Italja. Iż-żewġ żjarat mistennija jsiru fl-ewwel nofs ta' din is-sena. Dawn apparti mis-Summit taċ-CHOGM.
Leg 10 PQ #9886 Sitting 219 2005-01-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

President tar-Repubblika — Żjarat barra l-pajjiż

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi żjarat formali/uffiċjali għandu ppjanati barra l-pajjiż il-President tar-Repubblika matul din is-sena l-ġdida?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Sa issa, l-President ta' Malta għandu żjara uffiċċjali waħda ppjanata għal matul l-2005.

Aġenzija li tieħu ħsieb kirjiet kummerċjali

Question

Billi xi xhur ilu inti kont ħabbart li kont sejjer taħtar kumitat/kummissjoni/aġenzija apposta sabiex tieħu ħsieb il-kirjiet kummerċjali f'fondi pubbliċi bħal Dar Malta fi Brussels, jista' il-Prim Ministru jgħid jekk din l-aġenzija nħatritx u jekk iva, minn min hi komposta? Jekk fl-affermattiv, meta nħatret u x'kienet il-ħidma tagħha s'issa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-intenzjoni tal-Gvern hi li meta jasal il-waqt, tkun entità eżistenti tal-Gvern li tieħu ħsieb il-kirjiet kummerċjali.

UCIMCO — Pensjoni ta' l-ex impjegati

Question

Tista' il-Ministru tgħid fiex wasal l-aġġustament tal-pensjoni ta' l-ex ħaddiema tal-kumpannija UCIMCO billi l-aħħar ftehim kollettiv relevanti kien ġie ffirmat f'Diċembru tas-sena 2002?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 8213 f'Seduta 176.