Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10805, li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Familja u tas-Solidarjeta' Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu, u cioe' jista' jgħid x'inhi r-raġuni li l-applikazzjoni għas-sussidju fuq is-servizz tat-telefon tal-persuna - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - ilha tiġi pproċessata minn Settembru li għadda?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Tista' il-Ministru tirrispondi mistoqsija parlamentari 10806 u cioe' tgħid x'inhi r-raġuni li l-familja tal-persuna, dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ġiet mgħarrfa li trid xahrejn sakemm it-talba tagħha biex jinfetaħ housing file tiġi pproċessata? Jekk din l-informazzjoni mhijiex korretta, tista' tindika l-housing file number tal-każ konċernat?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li meta persuna tagħmel talba mad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali, l-file jinfetaħ hekk kif issir it-talba u l-persuna tippreżenta d-dokumentazzjoni meħtieġa.
Jien infurmata wkoll li l-imsemmi Dipartiment ma għandu ebda applikazzjoni pendenti mingħand il-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10834, li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni, u cioe' jagħti konferma li qegħdin jitħarsu strettament l-obbligi tad-Data Protection Act fejn jidħlu e-mails u dokumenti oħra li jintbagħtu jew jaslu fuq l-apparat taħt il-kontroll tal-gvern?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li ċ-CIMU (bħala controller of personal data) u l-MITTS Ltd (bħala processor) josservaw strettament l-obbligi tad-Data Protection Act fejn jidħlu l-e-mails u kif ukoll dokumenti li jintbagħtu b’dan il-mezz.
Apparti l-Franċiż, l-ambaxxatriċi l-ġdida għal Tuneż taf bl-Għarbi?
Response (FRENDO, MICHAEL)
L-Ambaxxatriċi l-ġdida għal Tuneż għandha wkoll konoxxenza ta' l-Għarbi Maghrebin. Dan jiddistingwiha minn diversi Ambaxxaturi li, fi żminijiet oħra, kienu akkreditati għal pajjiżi Għarab. Ma nistax inqabbel ma' Ambaxxatriċi Maltin residenti oħra għal pajjiżi Għarab għaliex din hija l-ewwel darba li mara ġiet appuntata minn Malta biex tkun Ambaxxatriċi residenti f'pajjiż Għarbi.
Fid-dawl ta' l-importanza li qed tagħti lir-rwol kummerċjali ta' l-ambaxxati, jista' il-Ministru jgħid jekk l-ambaxxatriċi l-ġdida għal Franza f'Pariġi għandhiex hands on experience f'dak li huwa export u investment promotion?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Fil-proċess ta' l-għażla ta' l-Ambaxxatriċi l-ġdida għal Franza, jiena kkonsultajt informalment mal-Malta Enterprise li taw appoġġ sħiħ għall-għażla li saret għaliex għalkemm ma nistgħux ngħidu li għandha hands on experience f'dak li huwa export u investment promotion, jikkumpensa l-fatt li studjat għal żmien twil fi Franza u taf il-pajjiż biżżejjed sabiex tkun tista' taqdi d-doveri tagħha kif mistenni minnha.
L-għażla ta' l-Ambaxxaturi ma ssirx biss skond kemm għandhom hands on experience f'dak li huwa export u investment promotion għaliex l-Ambaxxaturi mhumiex trade representatives biss għalkemm għandhom ukoll dik il-funzjoni li jippromwovu l-kummerċ u Foreign Direct Investment f'Malta. L-Ambaxxatriċi magħżula għandha l-kwalitajiet kollha meħtieġa biex tkun suċċess f'dak li huwa export promotion u investment promotion lejn Malta għaliex għandha l-preparazzjoni intellettwali u akkademika, l-esperjenza tal-ħajja fi Franza, u l-"aptitude" biex tagħmel dan għall-benefiċċju ta' Malta. F'dan jien għandi l-appoġġ sħiħ tal-Malta Enterprise li kienu entużjażmati fl-għażla meta kellimthom informalment fuq din il-materja.
Fil-ġimgħa li ltaqgħet l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill ta' l-Ewropa fi Strasbourg, l-ambaxxatur Malti għall-Kunsill ta' l-Ewropa kien Strasbourg?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Fil-gimgħa indikata l-Ambaxxatur Licari kien qed jieħu sehem f'laqgħat tal-Bank ta' Żvilupp tal-Kunsill ta' l-Ewropa u tal-UNESCO li saru f'Pariġi. L-Ambaxxatur Licari huwa wkoll Ambaxxatur għall-UNESCO. Fi Strasbourg kien hemm l-Uffiċċjal Diplomatiku Claude Depasquale, preżenti f'dak il-perjodu indikat.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li qed ikun hemm power cuts fix-Xemxija fejn waħda minnhom damet sigħat sħaħ u llum kien hemm power cut oħra?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li fix-xahar ta' Frar kien hemm erba' interruzzjonijiet, tnejn kienu kawża ta' ħsarat fuq is-sistama tal-vultaġġ għoli u tnejn kienu kawża ta' xogħol ta' manutenzjoni li kien programmat b'avviż minn qabel.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10724 u cioe' jgħid kemm hemm ħaddiema bħalissa fil-PBS skond ir-rank u d-dipartiment tagħhom? Kemm ġie jiswa lill-gvern u lill-PBS il-proċess ta' ristrutturar tal-kumpannija? Kemm hemm kontributuri u part-timers mal-PBS bħalissa? Kemm qed tlaħħaq l-ispiża totali tal-kontributuri bħalissa kif ukoll tal-programmi li qed jiġu farmed out, possibbilment skond il-qasam rispettiv tagħhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10723 u cioe' billi l-anzjan - id-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - ilu żmien rikoverat f'St. Vincent de Paule u billi m'għadx hemm familjari joqogħdu f'dak l-indirizz, x'inhi r-raġuni li minkejja li l-persuna l-oħra - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - ilha żmien twil titlob biex il-pensjoni tintbagħat fl-indirizz ta' dan ta' l-aħħar billi għandha prokura fuq iċ-cheque tal-pensjoni ta' l-anzjan, it-Teżor xorta waħda qed jibqgħu jibagħtu ċ-cheques fl-indirizz antik ta' l-istess anzjan?
Response (GONZI, LAWRENCE)
F’każijiet bħal dawn is-sezzjoni pensjonijiet tat-Teżor titlob lill-pensjonant konċernat sabiex jimla u jiffirma formula maħruġa mit-Teżor jew jibgħat ittra lit-Teżor fejn jitlob u jindika fejn għandu jibda jirċievi iċ-ċekk tal-pensjoni.
B'riferenza għar-risposta mogħtija għal mistoqsija parlamentari 10542, jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-ispiża ta' konsulenza nvoluta?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Kif għidt fir-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 10542, l-ispejjeż qed jinqasmu bejn l-IPCC (Inter-Governmental Panel on Climate Change) u l-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin.
Fil-fatt, għal-laqgħa li se ssir f'Cairns, l-Awstralja, bejn l-14 u 17 ta' Marzu 2005, bħala preparazzjoni biex jiġi ffinaliżżat ir-rapport, saru arranġamenti sabiex l-ispejjeż tal-passaġġi ta' l-ajru għall-Awstralja u lura ser jitħallsu mill-IPCC, waqt li l-Gvern Malti se jħallas is-somma globali ta' LM 300 bħala "per diem allowance and contingencies" lill-Professur Briguglio.
Fil-Panel ta' l-IPCC (Inter-Governmental Panel on Climate Change) ma jsir l-ebda ħlas ta' konsulenza.
Jista' il-Minsitru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10545 u cioe' billi f'laqgħa li d-diriġenti tal-MIDI kellhom mal-Gżira United FC għarrfuhom li l-proġett ta' Manoel Island għandu jibda tard din is-sena, jista' il-Ministru jgħarraf lill-Kamra: a) jekk il-Gżira United FCjistgħux ikunu jafu meta se jibda x-xogħol tal-ground il-ġdid fil-proġett ta' Manoel Island, liema ground għandu jkun l-ewwel xogħol tal-proġett? b) Jekk il-Gżira United FC jistgħux ikunu jafu jekk hemmx ftehim bejn il-gvern u l-MIDI dwar it-titlu tal-ground? c) Jekk il-Gżira United FC jistgħux ikunu jafu jekk hix l-intenzjoni tal-gvern li jsir ftehim mal-Gżira United FC fuq tmexxija u titlu legali tal-ground? d) Jekk il-Gżira United FCjistgħux ikunu jafu li jekk mhix l-intenzjoni li jsir ftehim bejn il-partijiet konċernati, x'inhi l-intenzjoni tal-gvern?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jikkonferma jekk hemmx regolamenti li f'kull każ meta jinbidlu ambaxxaturi jsiru nventarji qabel jitlaq l-ambaxxatur u malli jasal ta' warajh? Jekk iva, dan se jsir fid-dawl tat-tibdiliet varji ta' ambaxxaturi li għadu kif ħabbar?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Il-prattika hi li meta jinbidlu Ambaxxaturi jsiru inventarji fir-Residenza qabel jitlaq l-Ambaxxatur u malli jasal ta' warajh (għalkemm ma hemm ebda regola li titlob dan).
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija ta' l-Onorevoli Interpellant nikkonferma li ma hemm ebda ħsieb li din il-prattika li ġiet segwita sa llum tinbidel.
Fi kwalunkwe każ l-Ambaxxatur huwa responsabbli għall-inventarju tar-residenza u ta' l-Ambaxxata.
Jista' il-Ministru jgħid jekk meta persuna tispiċċa minn ambaxxatur iżżommx id-dritt li tuża l-VIP Lounge ta' l-ajruport u li tiġi upgraded fuq il-vjaġġi ta' l-Air Malta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'seduta oħra.
Ministru ta' l-Affarijiet Bararnin — Żjara fiċ-Ċina
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk għandux xi stedina biex iżur iċ-Ċina u/jew jekk għandux xi pjani biex iżur dan il-pajjiż?
Response (FRENDO, MICHAEL)
F'dan l-istadju, minħabba problemi ta' schedule, ma hemmx pjanijiet immedjati għal żjara ġewwa ċ-Ċina, li magħha iżda Malta għandha u żżomm relazzjonijiet tajbin ħafna.
Jista' il-Ministru jgħid jekk saritx xi talba mill-gvern Ċiniż biex Malta fi ħdan l-Unjoni Ewropea tappoġġja t-talba Ċiniża biex tikseb market economy status? Jekk iva, x'inhi l-pożizzjoni tal-gvern Malti?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Iva, din it-talba saret. Malta qiegħda taħdem fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea għar-rigward ta' din il-materja.
Tista' il-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li l-applikazzjoni għas-sussidju fuq is-servizz tat-telefon tal-persuna - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - ilha tiġi pproċessata minn Settembru li għadda?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Tista' il-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li l-familja tal-persuna, dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ġiet mgħarrfa li trid xahrejn sakemm it-talba tagħha biex jinfetaħ housing file tiġi pproċessata? Jekk din l-informazzjoni mhijiex korretta, tista' tindika l-housing file number tal-każ konċernat?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jinġabar u Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10727 u cioe' jista' jagħti konferma li qegħdin jitħarsu strettament l-obbligi tad-Data Protection Act fejn jidħlu e-mails u dokumenti oħra li jintbagħtu jew jaslu fuq l-apparat taħt il-kontroll tal-gvern?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.