Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hemm u liema huma dawk it-trattati għall-ħelsien mit-taxxa doppja li qed jiġu negozjati bħalissa? Kemm minnhom ġew konklużi f'dawn l-aħħar sentejn?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li matul dawn l-aħħar sentejn saru negozjati u ġew inizjalati f’livell tekniku trattati għall-ħelsien mit-taxxa doppja mal-Greċja, Serbia u Montenegro, San Marino, Spanja u l-Emirati Arab Magħquda. Matul l-istess żmien ġew iffirmati t-trattati ma’ Iżlanda u ma’ San Marino u ġie ffirmat ukoll Protokol mal-Belġju li emenda t-trattat oriġinali.
Hemm numru ta’ trattati oħra li kienu ġew negozjati u inizjalati qabel is-sentejn li għaddew u li għadhom ma ġewx iffirmati. Dawn huma t-trattati ma’ l-Irlanda, il-Ġordan, Singapore, it-Tajlandja u l-Ukraina.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12253 u jgħid kemm daħlu flus f'liri Maltin, f'multi u interessi, matul is-sena li għaddiet mid-dipartiment tat-taxxi interni, mid-dipartiment tal-VAT u mit-tax compliance unit rispettivament fuq taxxi u VAT dovuti rispettivament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Affarijiet Rurali u Ambjent — Communications co-ordinator
Question
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 12251, għaldaqstant jistgħu jitqiegħdu fuq il-mejda tal-Kamra l-kuntratti tagħhom bl-iskali li qegħdin fihom bħala konferma ta' dan?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Il-Communications Co-ordinator tiegħi jinsab fi skala 6 u l-Communications Co-ordinator tas-Segretarju Parlamentari jinsab fi skala 7.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li d-dipartiment tal-kunsilli lokali ma bagħatx ħaddiema tal-gvern daqskemm mitlub mal-kunsill lokali tal-Gżira?
Response (BORG, TONIO)
Qed nassumi li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet li huma assenjati mal-Kunsilli Lokali. Skond l-informazzjoni li għandi, il-Kunsill Lokali Gżira ma għamel l-ebda talba għal xi ħaddiema minn dawn.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux veru li waqfu t-titjiriet tal-Libyan Arab Airlines lejn Malta? Jekk iva, għaliex? Il-Gvern Malti kellu x'jaqsam ma' din id-deċiżjoni?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk jistax joħroġ figuri komparattivi ta' kemm ġew viżitaturi Libjani minn Tripli u Benghazi minn qabel ma ġew introdotti l-visas b'paragun ma' minn mindu ġew introdotti dawn il-visas? Dan jista' isir billi wieħed iqabbel l-ewwel erba' xhur tas-snin 2003, 2004 u 2005 kif ukoll is-sena 2003 ma' dik 2004?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-istatistika mitluba mill-Onorevoli Interpellant m'hix disponibbli minn naħa tal-Pulizija.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk ġewx diskussi xi affarijiet bilaterali ma' xi awtoritajiet Russi waqt iż-żjara tiegħu f'Moska? Jekk iva, x'kienu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Waqt iż-żjara tiegħu f’Moska, l-Onorevoli Prim Ministru u Ministru tal-Finanzi kellu laqgħa mal-Viċi-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin, l-Eċċelenza Tiegħu Yuri Fedotov, li matula ġew diskussi:
- Ir-ratifika tat-Trattat Kostituzzjonali Ewropew;
- L-iskambji kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi;
- Ftehim dwar il-bini ta’ l-ambaxxata Maltija f’Moska;
- Kif ukoll id-dejn Russu dovut lil Malta
Il-Prim Ministru u Ministru tal-Finanzi kellu wkoll laqgħa mal-Viċi-Gvernatur tar-Reġjun ta’ Kostroma, is-Sur Mikhail Bondarienko, li matula ġew diskussi modi ta’ kooperazzjoni bejn Malta u r-Reġjun ta’ Kostroma bħal ma hi l-possibbilta ta’ trasbord fil-Malta Freeport ta’ prodotti tar-reġjun ta’ Kostroma fi triqithom lejn l-Afrika ta’ Fuq kif ukoll il-possibbilta ta’ kooperazzjoni fil-qasam turistiku u edukattiv.
Minħabba l-avvanzi kbar ta' Iżrael fil-qasam ta' l-informatika, jista' il-gvern jikkunsidra li jikkollabora aktar mill-viċin ma' dan il-pajjiż f'dan il-qasam?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern qiegħed jippjana li jiftaħ diskussjonijiet bil-għan li jiġi mfassal pjan ta' kollaborazzjoni bejn iż-żewġ partijiet fil-qasam tat-teknoloġija ta' l-informazzjoni. Fil-fatt f'April kelli l-opportunita' li niltaqa' mal-Ministru responsabbli minn dan il-qasam u ntlaħaq qbil li jibdew diskussjonijiet lejn l-aħħar ta' din is-sena.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hemm u liema huma dawk it-trattati għall-ħelsien mit-taxxa doppja li qed jiġu negozjati bħalissa? Kemm minnhom ġew konklużi f'dawn l-aħħar sentejn?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.
Fid-dawl ta' l-artiklu li deher dan l-aħħar fl-istampa lokali taħt it-titlu "Tower cranes trespassing over private property", jista' il-Ministru jgħid x'passi beħsiebha tieħu l-MEPA dwar dan?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-permessi li jinħarġu mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) jipproteġu d-drittijiet ta' terzi persuni (saving third party rights). F'każijiet bħal dawn li jitrattaw krejnijiet li jgħaddu minn fuq l-arja ta' terzi persuni, il-MEPA ma tidħolx għaliex din hija kwistjoni legali bejn terzi.
Jista' il-Ministru jgħid x'wassal għall-għeluq ta' l-uffiċini ta' l-MTA fi New York? Ma setgħux instabu premises b'kirja irħas ħalli jibqa' ikun hemm point of contact mat-tour operators Amerikani?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-għeluq ta' l-uffiċini ta' l-Awtorita' Maltija għat-Turiżmu fi New York ma kienx motivat biss mill-ispiża tal-kera tal-premises iżda mill-ispiża totali tal-preżenza fl-Istati Uniti meta mqabbla ma' l-ammont ta' turisti attirati minn dan is-suq. Minkejja li l-uffiċju ngħalaq, l-Awtorita' xorta waħda għandha marketing plan għas-suq Amerikan illi jippermetti assistenza lit-tour operators Amerikani li joperaw lejn Malta.
Jista' il-Ministru jgħid x'wassal għall-għeluq ta' l-uffiċċju tal-Malta Enterprise f'Washington DC? Il-Malta Enterprise qiegħda tikkonsidra li minflok tiftaħ uffiċini f'xi county jew counties Amerikani, bħal Maryland, fejn il-ħidma tagħha tista' tkun aktar iffokata?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li bħala parti mill-istrateġija li l-Malta Enterprise qegħdha taddotta rigward kummerċ barrani, iddeċidiet li tagħlaq l-uffiċċju tagħha li kellha f'Washington. Ir-raġunijiet li wassluha biex tieħu din id-deċiżjoni huma dawn:
1. Sfortunatament ir-riżultati miksuba minn dan l-uffiċċju f'dawn l-aħħar snin ma kienux pożittivi
2. Washington mhix qegħdha daqshekk fil-qalba minn fejn wieħed jista' jiġbed investiment barrani kif ukoll biex tippromwovi kummerċ għal Malta
3. Il-Malta Enterprise qed tagħmel ħilitha biex tikkonċentra fuq setturi u swieq partikolari. Minn Jannar 2005 il-Malta Enterprise bdiet tikkonċentra fuq missjonijiet marbuta ma' seturi magħżula.
Il-Malta Enterprise qegħdha tqabbad "multipliers" lokali. Dawn il-"multipliers jitħallsu b'senserija fuq investiment li jirnexxilhom jiġbdu lejn Malta.
Fl-aħħar tas-sena 2005 il-Malta Enterprise terġa' tara xi frott ħalliet din it-tattika u tiddeċiedi jekk għandux jinfetaħ uffiċċju f'xi stat ieħor li jkabbar possibilita' li jiġi attirat investiment fis-setturi magħżula mill-Malta Enterprise.
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'passi beħsiebu jieħu l-Gvern Malti dwar id-double taxation agreement ma' l-Istati Uniti bħala follow-up għaż-żjara riċenti tal-foreign and European affairs committee tal-Parlament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-istudji ta' feasibility dwar is-sħubija ta' Malta fl-ERM2 kif talbet l-oppożizzjoni u kif issuġġerixxa wkoll l-ex-ministru tal-finanzi John Dalli fl-artikli tiegħu ta' "The Sunday Times" tal-Ħadd li għadda?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’xi seduta oħra.
Apparti mill-Ministri u Segretarji Parlamentari u Segretarji Permanenti, jista' il-Prim Ministru jgħid liema huma dawk l-uffiċjali tal-gvern intitolati jsiefru club class?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kienx hemm xi żmien li fih l-awtoritajiet Amerikani offrew għajnuna għat-tisħiħ tas-sigurta' tal-freeport li ġiet rifjutata? Jekk iva, meta u għaliex?
Response (GATT, AUSTIN)
Minn informazzjoni li għandi ma jirriżultax li l-Freeport qatt ġie offrut xi għajnuna għat-tisħiħ tas-sigurta mill-awtoritajiet Amerikani u li ġiet rifjutata.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet tal-pulizija dwar il-kwestjoni ta' allegati irregolaritajiet fil-ħruġ tal-visas liċ-Ċiniżi mill-Ambaxxata Maltija f'Beijing?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 11550, għadha tgħodd.
Affarijiet Rurali u Ambjent — Communications co-ordinator
Question
Jista' il-Ministru jgħid f'liema skala jinsab il-communications co-ordinator tiegħu kif ukoll il-communications co-ordinator tas-Segretarju Parlamentari fi ħdan il-Ministeru tiegħu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninfurma lill-Onor Interpellant li l-uffiċjali msemmija qegħdin fl-iskali skond il-linji gwida li hemm fid-dokument "Engagement of Staff for Ministerial Secretariats" ippublikat fit-2 ta' Mejju 1999 u aggornat fit-8 ta' Mejju 2003.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jkun stallat u jibda jitħaddem l-inċineratur fl-isptar Mater Dei? Hemm ħsieb li dan jibda jitħaddem qabel ma jiftaħ l-isptar ħalli jitnaqqas l-inkonvenjent għar-residenti ta' Tal-Pieta', l-Imsida u Ta' Xbiex?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li r-rapport ta' proċrss ta' pre-kwalifikazzjoni għax-xiri ta' l-impjant ta' dekontaminazzjoni ta' skart kliniku għall-isptar Mater Dei kien tlesta fit-8 ta' Novembru, 2004. Madankollu, żewġ kumpaniji li ma kienux shortlisted appellaw mid-deċiżjoni. Il-Bord ta' l-Appell tal-Kuntratti f'deċiżjoni ppubblikata fit-8 ta' Frar, 2005, talab lill-Bord ta' Aġudikazzjoni sabiex jerġa' jevalwa mill-ġdid is-sottomissjonijiet ta' kumpanija minnhom. Il-Bord bagħat ir-rapport tiegħu ta' evalwazzjoni fit-19 ta' April, 2005.
Sakemm ma jiġix irreġistrat xi appell ieħor, jinbeda l-proċess li jwassal għall-aġudikazzjoni finali u eventwalment ix-xiri u l-installar ta' l-impjant. Taħt ċirkostanzi normali huwa mistenni li dan il-proċess kollu jieħu madwar tnax -il xahar.
Huwa l-ħsieb li dan l-impjant jitħaddem qabel ma jinfetaħ l-isptar il-ġdid.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm daħlu flus f'liri Maltin, f'multi u interessi, matul is-sena li għaddiet mid-dipartiment tat-taxxi interni, mid-dipartiment tal-VAT u mit-tax compliance unit rispettivament fuq taxxi u VAT dovuti rispettivament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.