Tista' il-Ministru tgħid f'liema skala tinsab il-communications co-ordinator tagħha?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Communications Co-Ordinator fil-Ministeru tiegħi hi fuq il-massimu ta' skala ta' salarju 7 konformi mal-Guidelines stabbiliti dwar l-ingaġġ ta' mpjegati fis-Segretarjati ta' Ministri u Segretarji Parlamentari.
Jista' il-Ministru jgħid f'liema skala jinsab il-communications co-ordinator tiegħu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta' l-impjegati kollha f'kull kariga fis-Segretarjat Privat tiegħi, nkluż dak fil-kariga li għaliha l-Onor. Interpellant qiegħed jagħmel riferenza, huma regolati skond Linji ta' Gwida mfassla mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru għal dan il-għan. Dawn il-kuntratti tqegħdu diġa' fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 12268 u 12360 u jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-istudji ta' feasibility dwar is-sħubija ta' Malta fl-ERM2 kif talbet l-oppożizzjoni u kif issuġġerixxa wkoll l-ex-ministru tal-finanzi John Dalli fl-artikli tiegħu ta' "The Sunday Times" tal-Ħadd li għadda?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fid-dokument ‘Malta’s Strategy for Participating in Economic and Monetary Union and adopting the Euro’ ippubblikat fuq il-web site tal-Ministeru tal-Finanzi www.mfin.gov.mt taħt il-link Euro Strategy for Malta.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12384 u jgħid kemm hemm persuni fuq il-waiting list biex issirilhom operazzjoni, qasam b'qasam, fl-isptarijiet tal-gvern illum u kemm ilhom jistennew f'kull każ?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Minħabba x-xogħol estensiv meħtieġ biex jinġabru d-dettalji kollha , ir-risposta qed tinġabar u ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra meta tkun lesta.
Jista' il-Prim Ministru jikkunsidra għajnuna finanzjarja lid-Dar tal-Providenza minħabba fil-kriżi finanzjarja li tinsab fiha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li għajnuna finanzjarja lid-Dar tal-Providenza, bħal għajnuniet oħra lill-għaqdiet filantropiċi simili, minn dejjem kienu u għadhom jiġu kkunsidrati f’qafas u fi strutturi stabbiliti li huma magħrufa minn tali għaqdiet.
B’hekk, ukoll, ikun iggarantit li kull għajnuna li tingħata jkollha l-aħjar valur għall-fondi li jintużaw.
Jista' il-Mnistru jgħid mill-1 ta' Jannar 2004 sal-lum kemm infetħu u kemm għalqu ristoranti f'pajjiżna? Liema kienu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li bejn Jannar 2004 sa llum l-Awtorita' għat-Turiżmu ħarġet 17 il-liċenzja ġdida ta' ristorant, filwaqt li fl-istess perijodu 21 ristorant twaqfitilhom il-liċenzja.
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' dawn ir-ristoranti.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hemm Maltin li għandhom xi residenza f'Għawdex u li ordinarjament jgħixu u jaħdmu Malta iżda li qalbu l-karta ta' l-identita' tagħhom billi biddlu l-indirizz tagħhom għal fuq il-gżira Għawdxija sabiex jieħdu l-benefiċċji li toffri l-Gozo channel għar-residenti ta' Għawdex?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li meta persuna tbiddel il-Karta ta’ l-Identità minħabba li din tiddikjara li marret tabita f’xi dar oħra, għall-finijiet ta’ l-Att dwar il-Karti ta’ l-Identità dan ikun ifisser li dik il-persuna qegħda effettivament tirrisjedi f’dak l-indirizz il-ġdid. L-ebda persuna li tbiddel il-Karta ta’ l-Identita’ tagħha minħabba li tkun biddlet l-indirizz m’għandha l-obbligu fil-liġi li tiddikjara wkoll ir-raġuni għaliex marret tgħix f’dar oħra.
Għaldaqstant l-Uffiċċju tal-Karti ta’ l-Identità ma jkunx jaf fejn ikunu jaħdmu dawk kollha li għandhom fil-pussess tagħhom Karta ta’ Identità.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet tal-pulizija dwar l-atti vandali deplorevoli li saru fuq Bieb il-Bombi u l-Istitut Kattoliku fil-bidu ta' dan ix-xahar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-investigazzjoni tal-Pulizija dwar il-każi msemmija mill-Onorevoli Interpellant għadha mhix konkluża.
Il-gvern jista' jikkunsidra qafas legali aktar b'saħħtu ħalli jiżgura li min imexxi l-isptarijiet ikun kriminalment responsabbli f'każi ta' anti-biotic resistant MSRA u/jew hospital acquired infections oħrajn?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-qafas eżistenti diġa' jipprovdi għar-responsabbilita' li għaliha qed jirreferi.
Jista' il-Ministru jgħid meta mistennija ir-reazzjoni formali għar-rapport Chalmers?
Response (GALEA, LOUIS)
Ir-risposta għar-rakkomandazzjonijiet u l-indikazzjonijiet tar-rapport Chalmers ma tingħatax b'sempliċi "reazzjoni formali". Fix-xhur li għaddew sar proċess ta' konsultazzjoni ma' l-istudenti, inġabru kummenti lill-kapijiet ta' l-istituzzjonijiet edukattivi konċernati, u tħejja x-xogħol għat-twaqqif mill-Gvern ta' Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla li ser tkun strument ewlieni tal-Gvern għar-riforma fis-settur ta' l-edukazzjoni ogħla.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-pjani tal-gvern dwar il-kumpannija Air supplies limited? X'ser jiġri mill-ħaddiema konċernati?
Response (GATT, AUSTIN)
L-Air Malta ser tbigħ sittin fil-mija tal-ishma tagħha fil-Kumpanija Air Supplies & Catering Co. Ltd. Il-proċess miexi skond kif ippjanat u t-transazzjoni hija ippjanata li tkun magħluqa sa Ġunju li ġej. Ir-relazzjoni bejn l-impjegati u l-kumpanija tibqa' miexja skond il-ftehim eżistenti.
Billi l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, qalulha li kien jonqosha 17-il kontribuzzjoni tan-national insurance biex tikkwalifika għall-pensjoni, tista' tħallas is-somma dovuta ħalli ma tiġix skwalifikata?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata dwar il-każ tagħha bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12302 u jgħid apparti mill-ministri u segretarji parlamentari u segretarji permanenti, liema huma dawk l-uffiċjali tal-gvern intitolati jsiefru club class?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 12302.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija 12268 u jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-istudji ta' feasibility dwar is-sħubija ta' Malta fl-ERM2 kif talbet l-oppożizzjoni u kif issuġġerixxa wkoll l-ex-ministru tal-finanzi John Dalli fl-artikli tiegħu ta' "The Sunday Times" tal-Ħadd li għadda?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija 12265 u jgħid x'passi beħsiebu jieħu l-Gvern Malti dwar id-double taxation agreement ma' l-Istati Uniti bħala follow-up għaż-żjara riċenti tal-foreign and European affairs committee tal-Parlament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 12265.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm persuni fuq il-waiting list biex issirilhom operazzjoni, qasam b'qasam, fl-isptarijiet tal-gvern illum u kemm ilhom jistennew f'kull każ?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar, risposta tingħata f'xi seduta oħra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 12303, jista' il-Ministru jgħid jekk hemm xi pjani maħsuba biex iżur Iżrael?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għandu l-intenzjoni li jiftaħ id-diskussjonijiet mal-Gvern ta' Iżrael fuq qafas ta' kollaborazzjoni fil-qasam ta' l-ICT. Dan jista' possibilment jinkludi żjarat tiegħi f'Iżrael.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12304 u jgħid kemm hemm u liema huma dawk it-trattati għall-ħelsien mit-taxxa doppja, li qed jiġu negozjati bħalissa? Kemm minnhom ġew konklużi f'dawn l-aħħar sentejn?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 12304.
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'passi beħsiebu jieħu l-Gvern Malti dwar id-double taxation agreement ma' l-Istati Uniti bħala follow-up għaż-żjara riċenti tal-foreign and European affairs committee tal-Parlament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern ser ikompli bil-ħidma kollha li hu possibbli biex anke ma’ dan il-pajjiż, jinħtieġ ftehim dwar double taxation agreement.
Apparti mill-Ministri u Segretarji Parlamentari u Segretarji Permanenti, jista' il-Prim Ministru jgħid liema huma dawk l-uffiċjali tal-gvern intitolati jsiefru club class?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li minbarra l-Ministri, Segretarji Parlamentari u Segretarji Permanenti jistgħu jsiefru club class uffiċjali pubbliċi fil-gradi wieħed, tnejn u tlieta, kif ukoll uffiċjal ieħor li jkun fi grad iċken, sa kemm ikun jagħmel parti mill-istess delegazzjoni. B’mod eċċezzjonali dan it-tip ta’ vjaġġar jista’ jkun meħtieġ ukoll f’dawk iċ-ċirkostanzi fejn ir-regoli ta’ l-ivvjaġġar ma jippermettux xort’oħra.