Jista' il-Ministru jinvestiga ilmenti li fl-emerġenza ta' l-isptar San Luqa ġieli jkun hemm min idum sitt sigħat biex jinqeda, per eżempju mill-11.00 p.m. sal-5.30 a.m.?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma neskludix il-possibilita' li jkun hemm xi nies li jdumu ħin twil biex jinqdew mid-Dipartiment ta' l-Emerġenza. Wieħed irid isemmi li meta pazjent jilmenta li dam sa kemm inqeda, ħafna drabi jirriżulta illi jew ma kienet emerġenza xejn, jew kien hemm numru ta' emerġenzi veri f'salt bħal meta ikun hemm M.V.A. (inċident tat-traffiku), jew jkunu saru numru ta' eżamijiet mit-tobba; X-Rays, testijiet tad-demm u kultant anke perjodu ta' osservazzjoni fl-Emerġenza. Jekk l-Onor. Interpellant għandu xi każ speċifiku nitolbu jgħaddili d-dettalji biex dan jiġi investigat.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12253 u jgħid kemm daħlu flus f'liri Maltin, f'multi u interessi, matul is-sena li għaddiet mid-dipartiment tat-taxxi interni, mid-dipartiment tal-VAT u mit-tax compliance unit rispettivament fuq taxxi u VAT dovuti rispettivament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 12663.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija 12268 u jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-istudji ta' feasibility dwar is-sħubija ta' Malta fl-ERM2 kif talbet l-oppożizzjoni u kif issuġġerixxa wkoll l-ex-ministru tal-finanzi John Dalli fl-artikli tiegħu ta' "The Sunday Times" tal-Ħadd li għadda?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 12513.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 12253 u 12344 u jgħid kemm daħlu flus f'liri Maltin, f'multi u interessi, matul is-sena li għaddiet mid-dipartiment tat-taxxi interni, mid-dipartiment tal-VAT u mit-tax compliance unit rispettivament fuq taxxi u VAT dovuti rispettivament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 12663.
Jista' il-Prim Ministru jgħid fiex waslu x-xogħlijiet fuq il-bini ta' Dar Malta fi Brussels? Il-permessi tal-bini ħarġu kollha? Jekk le, liema għadhom pendenti? Tista' tagħti indikazzjoni tat-time scales li fihom mistenni jsir ix-xogħol meħtieġ u jintlaħqu l-istadju varji tar-refurbishment tal-bini għall-iskopijiet li nxtara għalih? Kemm intnefaq s'issa fuq il-proġett, apparti mit-transazzjoni tax-xiri tal-proprjeta'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u t-tweġiba ser tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 12253, 12344 u 12490 u jgħid kemm daħlu flus f'liri Maltin, f'multi u interessi, matul is-sena li għaddiet mid-dipartiment tat-taxxi interni, mid-dipartiment tal-VAT u mit-tax compliance unit rispettivament fuq taxxi u VAT dovuti rispettivament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tat-Taxxi Interni daħħal l-ammont ta’ Lm731,028 f’multi u l-ammont ta’ Lm811,117 f’interessi matul is-sena li għaddiet.
Id-Dipartiment tat-Tax Compliance Unit jagħmel tax audits u investigazzjonijiet biss u sussegwentament jgħaddi rapport lill-Kummissarju tal-VAT u lill-Kummissarju tat-Taxxi Interni b’rakkomandazzjoni ta’ tax assessments.
Għar-rigward tad-Dipartiment tal-VAT nixtieq ninfurmak li din l-informazzjoni ma tistax tinġabar għal raġunijiet tekniċi.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 12384 u 12514 u jgħid kemm hemm persuni fuq il-waiting list biex issirilhom operazzjoni, qasam b'qasam, fl-isptarijiet tal-gvern illum u kemm ilhom jistennew f'kull każ?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-waiting list li hemm fid-Dipartiment tal-Kardjoloġija hija kif ġej:
Angiogram pending- 1964 (annual turn over 2100)
Angioplasties - 139 (annual turn over 540)
Pacemakers- 21
Intra Cardiac Defibrillators- 10
Electro Physiology Study- 2
Fid-Dipartiment tal-Ortopedija
Hemm sitt konsulenti li għandhom 6,026 pazjenti.
Fid-Dipartiment tal-Maternita' Ġinekoloġija
Majors-238
Minors-295
Fid-Dipartiment tal-Kiruġija
General Surgery- 1590
Urology- 396
Neurosurgery- 67
Plastic Surgery- 91
ENT- 424
Dental- 125
Il-maġġoranza ta' dawn il-pazjenti għandhom appuntament għall-operazzjoni fiż-żmien ftit xhur.
Fid-Dipartiment Tal-Oftalmija
Katarretti- 3255- It-tul ta' żmien hu ta' sentejn u tmien xhur
Vitrectomies- 38- Dawn jiġu operati skond l-urġenza u l-prognożi
Silicone Oil Removals- 37- Dawn in-nies iridu jistennew mill-inqas sena biex issirilhom għax hekk hu l-protokol. Issir l-operazzjoni qabel biss jekk jinqalgħu xi kumplikazzjonijiet.
Corneal Grafts- 45- Il-lista tiddependi minn kemm ikollna donaturi.
Jista' il-Ministru jindika kemm-il sular mil-livell tat-triq se jkollha l-plot li qed tinbena qrib id-Delta showroom, Naxxar Road, San Ġwann. 'il fuq mill-knisja?
Tista' il-Ministru tgħid x'possibbilta' hemm li jiġi introdott il-lift fl-indirizz li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament billi hemm inkwilini anzjani ġo fih kif ukoll inkwilina li tbati minn problemi tal-qalb?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-Awtorita' tad-Djar ma għandha ebda applikazzjoni għal stallar ta' lift fil-blokk indikat mill-Onor. Interpellant.
Jista' il-Ministru jgħid kemm mistennija tkun in-nefqa totali fuq ic-CHOGM - il-konferenza tal-kapijiet ta' l-Istati tal-Commonwealth - li se ssir f'pajjiżna f'Novembru li ġej? Jekk se jinqabeż il-budget allocation ta' Lm1.5 miljun, b'kemm mistenni jinqabeż u kemm ġie kommess infiq s'issa dwar din l-attivita'?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Nirreferri lil-Onervoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 11728. L-ammont kommess s'issa huwa ta' Lm 43,616.
B'riferenza għal housing case li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament u li jikkonċerna armla u xebba single mother, peress li l-fond fejn joqogħdu m'għadux abitabbli minħabba ħsara strutturali kkawżata mll-post li jmiss ma' tagħhom, u minħabba l-urġenza tal-każ, liema fond ġie spezzjonat mid-dipartiment konċernat, tista' il-Ministru tikkunsidra lil din il-familja għal fond alternattiv b'sens ta' urġenza?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-applikazzjoni li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant, li daħlet fid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali fil-11 ta' Mejju 2005, qed tiġi proċessata flimkien ma oħrajn simili.
Ninsab infurmata wkoll li l-urġenza li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant ma teżistix peress li l-post indikat ma kienx l-abitazzjoni ta' l-applikanti.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid il-kiosk tal-ġelati li hemm fil-bajja ta' San Ġorġ, San Ġiljan, x'tip ta' permess għandu u jekk fil-preżent huwiex qiegħed skond il-liġi li tgħid li ma jistax jingombra l-bankina li l-kiosk qiegħda fuqha? Huwa skond il-liġi li suppost qiegħed mhux anqas minn 50 metru 'il bogħod mill-eqreb stabiliment?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-bejjiegħ tal-ġelati imsemmi mill-Onorevoli Interpellant huwa kopert bl-liċenzja ta' bejjiegħ fit-toroq. Fost il-kondizzjonijiet għall-bejgħ fit-toroq hemm li ma jkun hemm ebda ingombru jew inkonvenjent għal min ikun għaddej fit-triq u li l-post fejn tkun ipparkjata l-vettura ma jkunx f'distanza li timxiha ta' 50 metru mid-dħul għal xi post kummerċjali. Ninsab infurmat ukoll illi minn spezzjoni li għamlet il-Pulizija irriżulta illi dan il-bejjiegħ qiegħed il-barra mid-distanza ta' 50 metru.
Jista' il-Ministru jgħid x'kien l-għan u l-eżitu taż-żjara tiegħu fil-festival ta' Cannes? Kemm ġiet tiswa ż-żjara? Min kienu l-membri tad-delegazzjoni Maltija?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-Ministri tal-Kultura kollha tal-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni Ewropea ġew mistiedna mill-membru tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli mis-Soċjetà ta’ l-Informatika u l-Media, Viviane Reding, għal Europe Day. F’dan l-avveniment il-Ministri tal-Kultura Ewropej jiltaqgħu ma’ diretturi u produtturi biex jiġu diskussi l-iżviluppi fil-qasam taċ-ċinema Ewropew. Din is-sena it-tema kienet “Iċ-Ċinema Ewropew u s-Soċjetà ta’ l-Informatika” u ġew diskussi affarijiet bħal kif nistgħu nużaw teknoloġiji ġodda biex nippromwovu l-politika kulturali Ewropea jew kif iċ-ċinema diġitali jista’ jgħin fid-distribuzzjoni ta’ xogħolijiet Ewropej speċjalment fi swieq ġodda.
L-attività sservi wkoll biex issir valutazzjoni tas-suċċessi taċ-Ċinema Ewropew kif ukoll l-effettività tal-programmi ta’ l-Unjoni Ewropea f’dan il-qasam, speċifikatament il-programm MEDIA Plus. Disgħin fil-mija ta’ films Ewropej li jitqassmu barra mill-pajjiż ta’ produzzjoni tagħhom jieħdu appoġġ mill-programm MEDIA, appoġġ li fl-2004 ammonta għal €110 miljun. Operaturi Maltin issa jistgħu jipparteċipaw f’dan il-programm u fil-Ministeru tiegħi twaqqaf il-Malta MEDIA Desk li jippromwovi u jagħti informazzjoni lill-operaturi fuq il-programm. Ninsab infurmat li diġà hemm xi operaturi Maltin li applikaw, jew huma fil-proċess li japplikaw, taħt dawn il-programmi mal-Kummissjoni Ewropea.
Id-delegazzjoni ta' Malta kienet tinkludi apparti minni, lil Charles Zammit, uffiċjal fis-Segretarjat Privat tiegħi.
L-ispiża għal din il-laqgħa, spiża li tkopri l-vjaġġ u akkomodazzjoni għal tnejn min-nies, kienet ta’ Lm 784.
Jista' il-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li meta l-Kummissjoni Għolja ta' Malta fl-Awstralja f'Canberra ġiet biex taħtar segretarju biex jieħu ħsieb it-taqsima kummerċjali u kulturali ingaġġat ċittadin Kanadiż? X'esperjenza kellu f'xogħol kulturali Malti? X'kienet ir-raġuni li s-sejħa għall-applikazzjonijiet saret biss fil-Canberra Times mingħajr ma saru ebda avviżi fil-gazzetta nazzjonali Maltija jew fuq ir-radjijiet tal-komunita'? Jikkonferma li dan irriżenja wara ftit aktar minn xahar f'din il-kariga?
Ma jaħsibx il-Ministru li għandha tiġi riattivata d-drawwa li f'każi simili jinħarġu press releases biex il-komunita' Maltija tkun informata dwar dawn il-vacancies li jolqtuhom mill-viċin?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-Mistoqsija numru 12589.
Jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li l-Gvern Malti ma kienx rappreżentat fil-funeral statali ta' l-Onor Al Grassby, l-ex-Ministru ta' l-Immigrazzjoni Awstraljan li kellu rabtiet qrib ferm mal-Maltin, liema funeral sar f'Canberra?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ngħatat f'Mistoqsija Parlamentari 12591.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-Kummissjoni Għolja ta' Malta fl-Awstralja għandha żewġ konsli onorarji f'Victoria, f'South Australia u fi New Zealand u l-konslu onorarju li kien hemm fi New South Wales għadu ma nħatarx ħaddieħor floku?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Fil-preżent, il-Gvern ma jħossx il-bżonn li jappunta konslu onorarju f'New South Wales għax il-bżonnijiet konsolari f'dan l-istat huma moqdijin tajjeb mill-Konslu Ġenerali.
Tista' il-Ministru tgħid jekk hemmx xi ħsieb li tiġi rranġata l-anomalija tal-pensjoni ta' l-ex-ħaddiema tat-tarzna, u dan b'riferenza għall ex-ħaddiema bħal persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li rtira madwar ħames snin ilu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.
Tista' il-Ministru tara meta pensjonant li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, mistenni jirċievi l-aġġustament ta' l-increments ta' l-aħħar sentejn fil-pensjoni tiegħu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.
Tista' il-Ministru tgħid jekk kienx hemm żviluppi ġodda biex l-ikwilini li dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, ikunu jistgħu jixtru l-fond tal-gvern li jgħixu fih? Nifhem li sa ftit żmien ilu kien hemm problemi dwar il-fatt li t-titlu ta' l-art kien għadu ma daharx għal fuq il-gvern.
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-konvenju bejn l-Awtorita' tad-Djar u l-inkwilini ndikati mill-Onor. Interpellant għax-xiri tar-residenza tagħhom ġie ffirmat. Ninsab infurmata wkoll li l-kuntratt finali ma jistax jiġi ffirmat qabel ma l-art li fuqha hemm mibnija r-residenza tiġi trasferita lill-Awtorita'.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12349, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni, u jgħid jekk hux veru li waqfu t-titjiriet tal-Libyan Arab Airlines lejn Malta? Jekk iva, għaliex? Il-Gvern Malti kellu x'jaqsam ma' din id-deċiżjoni?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Libyan Arab Airlines għadhom iħaddmu it-titjiriet tagħhom bejn Tripli u Malta permezz ta' code share agreement li għandhom ma' l-Air Malta. Il-kumpanija ma' tat l-ebda raġuni għal din id-deċiżjoni tagħha.