Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10602 u jagħti lista ta' konsulenti jew kumpanniji ta' konsulenza, lokali jew barranin, li l-ministeru, inkluż il-korporazzjonijiet pubbliċi kollha li jaqgħu taħtu, għamel użu minnhom matul l-2004? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet? Jista' jgħid kemm għad baqa' ħlasijiet li jridu jsiru?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10593 u jagħti lista ta' konsulenti jew kumpanniji ta' konsulenza, lokali jew barranin, li l-ministeru, inkluż il-korporazzjonijiet pubbliċi kollha li jaqgħu taħtu, għamel użu minnhom matul l-2004? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet? Jista' jgħid kemm għad baqa' ħlasijiet li jridu jsiru?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12722 u jgħid fiex waslu x-xogħlijiet fuq il-bini ta' Dar Malta fi Brussels? Il-permessi tal-bini ħarġu kollha? Jekk le, liema għadhom pendenti? Tista' tagħti indikazzjoni tat-time scales li fihom mistenni jsir ix-xogħol meħtieġ u jintlaħqu l-istadju varji tar-refurbishment tal-bini għall-iskopijiet li nxtara għalih? Kemm intnefaq s'issa fuq il-proġett, apparti mit-transazzjoni tax-xiri tal-proprjeta'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jikkonferma l-Ministru li qabel l-elezzjoni ta' l-2003 ic-CEO tal-MITTS kien stqarr li l-MITTS kellha d-dover li tirriċerka l-possibbilta' li s-settur pubbliku kollu jibda juża software open source minflok Microsoft? Fil-fatt kien sar xi studju dwar dan u jekk iva, tista' tippubblikah? X'inhi r-raġuni li sal-lum l-MITI donnu ma jridx jikkonsidra open source minflok is-sistemi alternattivi wżati? Kemm qed jonfoq il-gvern f'liċenzjoni tal-Microsoft?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 12544 fejn inti weġibt li l-urġenza li rriferejt għaliha ma teżistix, peress li l-post indikat ma kienx l-abitazzjoni ta' l-applikant, nirriferik ġentilment għal żewġ persuni li isimhom qed jintbagħat separatament li jikkonfermaw li din kienet l-abitazzjoni tagħhom kif ukoll għall-housing inspection li saret wara li ġara l-inċident fejn il-housing inspector innifsu ikkonfermalhom bil-fomm l-urġenza tal-każ tagħhom fis-sit li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li skond rapport tal-Pulizija li għandu d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali, liema rapport sar wara l-inċident minn waħda mill-persuni ndikati mill-Onor. Interpellant flimkien ma' l-għarus tagħha, jindika ċar li l-post hu "r-residenza futura" ta' din il-koppja.
B'riferenza għall-kontijiet tad-dawl tal-familja ta' żewġ persuni li dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament fis-sens li minkejja li ilhom li pproduċew evidenza dokumentata li ilhom miżżewġin mis-sena 1983, in-numru ta' residenti tal-kontijiet li rċevew dejjem baqgħu jidhru bħala resident wieħed, jista' il-Ministru jara li jsir l-aġġustament xieraq u nitlob illi jekk kien hemm overcharging jingħata refund adegwat lil din il-familja?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw sensji, xahar b'xahar, matul ix-xhur ta' Jannar, Frar, Marzu, April u Mejju 2005? Kemm kien hemm minnhom fl-eta' bejn is-16 u t-30 sena, bejn il-31 u l-44 sena, bejn l-45 u l-55 sena u minn 56 sena 'l fuq? Kemm kien hemm minnhom li ngħataw f'Malta u kemm kien hemm minnhom li ngħataw f'Għawdex?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub.
Jista' il-Ministru jgħid kemm inqatgħu persuni minn fuq ir-reġistru tad-diżimpjieg matul l-2004 u bejn Jannar u Mejju 2005? Għaliex?
Response (GALEA, LOUIS)
Matul l-2004 inqatgħu 1492 persuna minn fuq l-ewwel u t-tieni parti tar-reġistru b’deċiżjoni ta’ l-ETC. Minn dawn 331-il persuna, nqabdu jaħdmu u jirreġistraw, 795 irrifjutaw opportunita' ta’ xogħol, filwaqt li 366-il persuna rrifjutaw opportunita' ta’ taħriġ.
Filwaqt li bejn Jannar u April 2005 inqatgħu 625 persuna minn fuq l-ewwel u t-tieni parti tar-reġistru b’deċiżjoni ta’ l-ETC. Minn dawn 111-il persuna, nqabdu jaħdmu u jirreġistraw, 358 irrifjutaw opportunita' ta’ xogħol, filwaqt li 156-il persuna rrifjutaw opportunita' ta’ taħriġ.
Jikkonferma l-Ministru li l-isptar San Luqa ngħataw struzzjonijiet biex ma jingħatawx aktar pilloli Aredia għall-każi ta' acute bone density problems?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm l-ebda struzzjonijiet ġodda fuq l-użu ta' l-Aredia.
Il-protokol indikat fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari numru 5838 għadu qed jiġi osservat mill-Isptar San Luqa.
Jista' il-Prim Ministru ġentilment jagħti konsiderazzjoni xierqa biex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li kien irriżenja mill-AFM għal raġunijiet ta' saħħa, jiġi kkonsidrat għal re-engagement issa li l-kundizzjoni u l-problemi personali li kellu tjiebu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li l-persuna msemmija ġiet maħlula mis-servizz wara li l-każ ġie deċiż minn Bord Mediku skond proċeduri ta’ l-Armata. Il-Bord Mediku stabbilixxa li dan l-individwu, fil-kundizzjoni li kellu, ma setgħax jaqdi d-dmirijiet normali ta’ suldat u li ma kienx hemm possibbilità li huwa jfieq. Fil-fatt l-individwu nħarġitlu wkoll pensjoni tas-servizz pro rata. Ċirkustanzi bħal dawn jipprekludu li l-persuna nvoluta tiġi kkunsidrata għal-re-engagement fl-Armata.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li l-kamra 21, Dwejra li kienet okkupata mingħajr titlu u li ġiet żgumbrata ftit ilu, tinħareġ bl-offerti? It-talba qed issir f'isem familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament.
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bħalissa qegħdin jiġu konklużi l-pjanti sabiex il-kamra 21, fid-Dwejra, tkun tista' tiġi mikrija permezz ta' sejħa għall-offerti.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-kummissarju għoli ta' Malta fl-Awstralja attendiex għall-funeral ta' l-ex-kummissarju għoli ta' Malta fl-Awstralja s-Sur Joe Forace?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Ninsab infurmat li l-Kummissarju Għoli ta' Malta fl-Awstralja attenda għall-funeral ta' l-ex Kummissarju Għoli ta' Malta, is-Sur Joseph Forace. Għall-funeral kien hemm ukoll uffiċċjali oħra tal-Kummissjoni Għolja ta' Malta.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' pagamenti dovuti li suppost tħallsu mill-Ministeru s-sena l-oħra u li ma tħallsux fis-sena 2004 u li issa kellhom jitħallsu din is-sena? Minħabba f'hekk, x'effett ser ikun hemm fuq il-fondi approvati lill-Ministeru? X'passi ttieħdu kontra l-uffiċjali inkarigati minħabba f'dan in-nuqqas?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont dovut fis-sena 2004, li tħallsu fl-2005 kien kif jidher hawn taħt. Tajjeb ngħid li dawn il-ħlasijiet ma jkunux saru għal tlett raġunijiet:
(i) dawk li ma jkunux laħqu tħallsu - Lm 14,309;
(ii) dawk li l-invoices tagħhom tkun waslet f'Diċembru u għalhekk ma jkunux laħqu tħallsu għax id-Dipartiment ikun laħaq għalaq is-sena - Lm 7,271;
(iii) dawk li l-invoices tagħhom ikunu waslu fil-Ministeru wara l-ewwel ta' Jannar - Lm 62,687.
Naturalmant dawn ikollhom l-effett li jittieħdu mill-allokazzjoni ta' l-2005 lill-Ministeru.
L-uffiċċjal li kien responsabbli għal dawn il-ħlasijiet sa l-1 ta' Jannar 2005 ma ġġeddidlux il-kuntratt tiegħu peress li kien jaħdem fuq bażi każwali.
Jista' il-Ministru jgħid liema huma l-uffiċjali tal-ministeru li għandhom dritt għal karozza tal-gvern, u kemm nefqet kull persuna fi fuel matul is-sena li għaddiet?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-lista ta' uffiċċjali tal-Ministeru li għandhom dritt għall-karozza tal-Gvern u kemm nefqet kull persuna fi fuel matul is-sena li għaddiet hija kif tidher hawn taħt:
Karozzi tal-Ministeru
Hon Michael Frendo
Lm 692.65
Hon John Dalli
Lm 539.92
Hon Joe Borg
Lm 366.35
It-tieni karozza tal-Ministri Michael Frendo u Joe Borg
Lm 419.15
It-tieni karozza tal-Ministru John Dalli
Lm 64.70
Segretarju Permanenti Prezenti
Lm 95.76 (Diesel)
Segretarju Permanenti Preċedenti
Lm 233.76 (Diesel)
Kap tas-Segretarjat tal-Ministru Michael Frendo
Lm 20.00 (Diesel)
Kap tas-Segretarjat tal-Ministru Joe Borg
Lm 149.38 (karozza tal-kiri)
Direttur (Policy)
Lm 344.74
Direttur (Legali)
LM 54.52
Direttur Servizzi Korporattivi
Lm 272.85
Direttur Konsolari, Protokollari u Informazzjoni
Lm 315.66
Direttur Relazzjonijiet Bilaterali
Lm 204.23
Direttur Relazzjonijiet Multilaterali
Lm 36.00
Is-Segretarja Privata, l-Assistent Segretarju Privat u l-Communications Co-ordinator tal-Ministru Michael Frendo jużaw il-karozza tagħhom u għalhekk jieħdu car allowance. L-istess kienu jagħmlu il-Kap tas-Segretarjat tal-Ministru John Dalli kif ukoll il-Communications Co-ordinator tal-Ministru Joe Borg.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ilha ma tkun imħaddma t-taxi booth li hemm fl-arrival section tal-mitjar tal-Gudja? X'inhi r-raġuni għal dan? Huwa minnu li hemm xi problemi ta' funding min-naħa ta' l-awtorita' tat-trasport flimkien ma' l-MTA? Kif qed jiġi żgurat li dawk li jużaw is-servizz tat-taxi jiġu charged skond l-iskeda li hemm imwaħħla mat-tieqa tal-booth?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Jien infurmat li t-taxi booth tal-Ajruport ilha ma’ tiġi mħaddma mit-3 t’ Ottubru 2004. Dan minħabba l-fatt li l-ispejjeż kienu qed jammontaw għall-aktar minn Lm13,000 u billi l-Awtorita' kienet l-unika stakeholder li kienet qed tiffinanzja dan it-taxi booth, ittieħdet deċizjoni li din tiġi imwaqqfa.
L-Enforcement Officers ta’ l-Awtorita dwar it-Trasport qed jagħmlu spezzjonijiet regolari sabiex jikkonfermaw li x-xufiera qegħdin iħarsu it-tariffa uffiċjali.
Fil-preżent, qed isiru laqgħat f’dan ir-rigward sabiex isiru l-arranġamenti meħtieġa biex din terġa tiġi miftuħa. Il-Ministeru qiegħed jisħaq li dan il-ftehim ikun parti minn qafas aktar wiesgħa li jinkorpora kundizzjonijiet oħra li jirregolaw l-operat tat-taxis.
Tista' il-Ministru tara li jittieħdu passi dwar il-fili miftuħin tal-fond li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, billi dan qed jikkawża umdita' u ħsarat kemm fil-kamra tas-sodda kif ukoll fil-kamra tal-banju tal-flat?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li x-xogħol indikat mill-Onor. Interpellant ġie nkluż fil-programm ta' xogħlijiet li għandu d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar.
Tista' il-Ministru tara li jittieħdu passi dwar il-kundizzjoni ħażina tas-soqfa ta' diversi kmamar ta' l-appartament li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, possibbilment ikkawżati minn xi seepage ta' ilma minn appartamenti oħra?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li minn spezzjoni li għamel id-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar f'Lulju 2004 fl-appartament indikat mill-Onor. Interpellant, irriżulta' li għalkemm is-saqaf tal-kamra tal-banju kellu xi tbajja ta' umdita ma kienx hemm ħsara strutturali.
Madankollu, l-imsemmi Dipartiment kiteb lid-Dipartiment għat-Tmexxija tal-Proprjeta' biex dan ta' l-aħħar javża lill-inkwilin li joqgħod fl-appartament ta' fuq l-appartament indikat biex jisgura li ma hemmx leakagesfis-sistema tad-drainage jew ta' l-ilma.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ċ-ċentru tas-saħħa tal-Gżira lanqas għandhom boroż tal-karti biex ipoġġu l-pilloli fihom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li ma hemm l-ebda nuqqas ta' boroż żgħar għall-pilloli iżda kien hemm xi nuqqassijiet fid-delivery ta' boroż kbar li jingħataw biex jinġarru l-affarijiet fihom. Dan għandu jittranġa fil-jiem li ġejjin.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li pazjenti bid-diabete li għandhom bżonn żewġ alcohol wipes kuljum qed jingħataw biss 30 wipes fix-xahar?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Pazjenti bid-dijabete huma intitolati għal alcohol wipe waħda għal kull applikazzjoni, jiġifieri:
pazjenti bid-dijabete japplikaw l-insulina darba kuljum u b'hekk jingħataw 30 alcohol wipes fix-xahar mill-ispiżerija ta' l-Isptar San Luqa. Dawk il-pazjenti li japplikaw l-insulina darbtejn kuljum jingħataw 60 alcohol wipes fix-xahar mill-ispiżerija ta' l-Isptar San Luqa.