Jista' il-Ministru jgħid jekk sarx xi studju biex jiġi stabilit x'impatt se jkollu fuq il-bottom line tal-korporazzjoni Enemalta jekk u meta tiġi mplimentata d-deċiżjoni li l-petrol u d-diesel jibda jiġi mpurtat minn sorsi oħra barra l-Enemalta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'se tkun il-kontribuzzjoni tal-gvern ċentrali u ta' l-Unjoni Ewropea fuq proġetti parzjalment finanzjati mill-Unjoni Ewropea matul din is-sena amministrattiva?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li l-fondi użati mill-Programm Pre-Adeżjoni u Faċilita’ Tranżitorja jinsabu f’Tabella ‘A’ li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Rigward il-Fondi Strutturali, id-Direttorat ta’ l-Awtorita’ tal-Pagament fil-Ministeru tal-Finanzi għamel ċertifikazzjoni waħda sa issa; din saret fit-30 ta’ Ġunju 2005. L-ammonti ċertifikati u sussegwentement rimborsati mill-Kummissjoni Ewropeja, għal kull Fond jinsabu f’Tabella ‘B’ li qed inpoġġi wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'konsiderazzjoni ngħatat jew se tingħata lis-suġġeriment tal-FOI li jkun hemm fluctuating peg mal-euro sabiex il-pajjiż ikun jista' jassorbi aħjar shocks internazzjonali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li l-użu tal-fluctuation bands ta’ l-ERM II ġie kkunsidrat sew qabel ma ttieħdet id-deċiżjoi li l-valur tal-lira Maltija mal-Euro jibqa’ fiss f’April li għadda. Ir-raġunijiet ġew spjegati fit-tul waqt il-konferenza stampa li ngħatat fit-30 ta’ April. Ma ġara xejn minn dakinhar ‘l hawn li jinvalida dawk ir-raġunijiet.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li jiġu ngaġġati nies bil-kuntratt fil-ministeru ta' l-affarijiet barranin?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Il-Gvern eżerċita, skond il-proċeduri normali, d-dritt li jingaġġa lill-istudenti li ħadu scholarship għal Bruges u Sussex. Skond ir-rabta li daħlu għaliha ħames studenti li l-Ministeru bagħat fuq scholarship dawn ġew ingaġġati b'kuntratt ta' 3 snin mall-Ministeru.
Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l -Informazzjoni — Riklami dwar il-kriżi ta' l-enerġija
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm nefaq il-ministeru f'riklami dwar il-kriżi ta' l-enerġija fil-ġurnali lokali?
Liema ġurnali tħallew barra minn dan ir-riklamar?
Ma jħossx il-Ministru li kienu żejda l-kummenti partiġġjani kontra l-Kap ta' l-Oppożizzjoni f'riklami mħallsin minn fondi pubbliċi?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jistgħu jittieħdu passi biex it-toilets tal-Qorti jinżammu ndaf bi standard ta' iġene ferm aħjar milli huma fil-preżent?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-toilets pubbliċi fil-Qrati jitnaddfu assidwament mill-inqas tlett darbiet kuljum.
Irid jingħad ukoll li huma ħafna n-nies li jippattroċinjaw dan il-lok li sfortunatament mhux dejjem jirrispettaw ir-regoli ta' l-iġene.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati nies ma' l-Enemalta fis-snin 2003-2005 rispettivament u f'liema kategorija ġew ingaġġati? Kemm kien hemm nies li rtiraw jew li ġew boarded out fl-istess medda ta' żmien?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi s-salary structure tat-top management ta' l-Enemalta miċ-chairman 'l isfel? Kemm qed jitħallsu l-membri tal-fuel procurement board tal-korporazzjoni, inkluż nies tekniċi barranin li jistgħu qed iservu fuqu?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid min huma l-investituri prospettivi li qed jikkonsidra l-gvern għall-bini ta' lukanda qrib il-Casino tal-Birgu? Jekk hemm consortia involuti, min huma l-membri tagħhom?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-operaturi tal-Casino di Venezia infurmaw lill-Ministeru tiegħi li qegħdin jitkellmu ma’ investituri prospettivi kemm fuq l-operat tal-Casino kif ukoll fuq l-iżvilupp tal-lukanda qrib il-Casino.
Infurmat li t-taħdidiet huma fi stadju avvanżat imma għadhom mhux konklużi. Minhabba f’hekk mhux opportun li jingħataw ismijiet ta’ investituri f’dan l-istadju.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li jittieħdu passi dwar il-prostituti li jkunu qed jitlajjaw f'Garden Street, Gżira b'inkonvenjent għar-residenti tal-lokal?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija regolarment tagħmel u ser tkompli tagħmel spezzjonjiet, fost l-oħrajn fit-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant, minn fejn tressqu diversi persuni fuq tlajjar għal skop ta' prostituzzjoni.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 14801 u jgħid liema huma t-toroq li l-gvern ċentrali għandu skedati biex jiġu asfaltati ġewwa San Ġwann, San Ġiljan, l-Imsida, Ta' Xbiex, Għargħur, Tas-Sliema, Gżira, Pembroke, Swieqi, Madliena u l-Ibraġġ?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-toroq li l-gvern ċentrali għandu skedati biex jiġu asfaltati huma :-
Toroq
Lokalita
Triq Indri Grima / Triq is-Swatar
Msida
Triq Xmiexi
Msida
Triq Bordin
Msida
Triq il-Baltiku
San Ġwann
Triq p/o Mensija
San Ġiljan
Triq Emvin Cremona
San Ġwann
Peress li l-Prim Ministru qal li sponsors lokali sejrin jikkontribwixxu Lm500,000 fi sponsorships għaċ-CHOGM, kemm minnhom ġew minn kumpanniji li fihom il-gvern għandu xi sehem? Tista' tagħti lista ta' dawn il-kumpanniji parastatali, jew b'sehem governattiv, li offrew sponsorship għal din il-konferenza u x'kien il-kontribut ta' kull organizzazzjoni individwalment? Kif sejrin jintużaw dawn l-isponsorships?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Jiena nfurmat li ċ-CHOGM Task Force irnexxielha tassigura sittax-il sponsorship. Dawn huma mqassma kif ġej:
- 4 minn entitajiet tal-Gvern jew entitajiet b'sehem maġġoritarju
- 7 minn kumpaniji/individwi Maltin
- 4 minn kumpaniji multinazzjonali
Il-kumpaniji parastatali jew b'sehem organiżżativ li offrew sponsorship għal din il-konferenza u s-sehem tagħhom huwa kif ġej:
Maltacom
Servizzi ta' telekomunikazzjoni u telefonija ċellulari
AirMalta
Servizzi ta' transport bl-ajru u sehem qawwi fil-marketing ta' Malta u taċ-CHOGM
Bank of Valletta
Servizzi finanzjarju u sehem qawwi fil-marketing
Awtorita Maltija għat-Turizmu
Sehem qawwi fl-organiżżazzjoni ta' programm ta' attivitajiet soċjali u kulturali għad-delegati u l-popli Malti għal waqt iċ-CHOGM.
Jista' il-Ministru jgħid kemm intnefaq s'issa fuq it-tħejjijiet għaċ-CHOGM? Kemm hemm nefqa kommessa s'issa fuq iċ-CHOGM summit?
Response (FRENDO, MICHAEL)
S'issa ntefqet is-somma ta' Lm 596,784 fuq tħejjijiet għaċ-CHOGM.
In-nefqa kommessa s'issa għal din is-sena hija ta' Lm1,515,047 li parti minnha iżda tiġi miġbura lura b'kumpens għal xi servizzi li jingħataw għall-ġurnalisti u wkoll minn ħlasijiet ta' delegati għall-akkomodazzjoni fil-Golden Sands.
Jista' il-Ministru jgħid x'agenda items sejra tissuġġerixxi Malta għad-diskussjonijiet taċ-CHOGM, apparti mit-temi prinċipali li diġa' ġew imħabbra?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Billi l-aġenda taċ-CHOGM ma taqax taħt ir-responsabbilta' tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin, nitlob lill-Onorevoli Membru sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 14415 u jgħid: Billi f'interview li ta lil "The Sunday Times of Malta" nhar is-27/02/05 il-High Commissioner ta' Malta f'Londra qal li: "His top priority will be to channel more foreign direct investment towards Malta", jista' il-Ministru jgħid x'ħidma saret lill-Kummissarju Għoli f'dan ir-rigward f'dawn l-aħħar seba' xhur kif ukoll x'riżultati nkisbu?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Matul dawn l-aħħar seba' xhur il-Kummissarju Għoli ta' Malta f'Londra flimkien mal-Malta Enterprise kien involut f'diversi attivitatjiet li ġew organiżżati flimkien ma' organiżżazzjonijiet oħrajn fl-Ingilterra.
L-għan ta' dawn l-attivitajiet kien li jiġi attirat investiment barrani lejn Malta kif ukoll żieda fl-esportazzjoni ta' prodotti u servizzi Maltin permezz ta' outsourcing.
Dawn l-attivitajiet kienu jinkludu:
- One-to-one meetings
- Seminar ma' Assoċjazzjoni ta' kumpaniji fl-outsourcing
- Workshop ma' kumpanija ta' konsulenza ta' l-informatika
Fost ir-riżultati miksuba sa issa hemm:
- Negozjati fi stat avvanzat ma' kumpanniji fis-setturi ta' l-ikel, ta' l-informatika u fis-settur marittimu biex iwaqqfu impriżi ta' manifattura f'Malta b'potenzjal ta' 150 impjiet ġdid.
- Ġew konklużi kuntatti sostanzjali fuq bażi ta' ħames snin għal subcontracting ta' software ma' kumpaniji Maltin.
- Bħalissa hemm negozjati fi stat avvanzat ma' kumpaniji ta' konsulenza biex Malta ssir magħrufa aktar bħala outsourcing destination u biex kumpaniji Ngliżi jgħaddu xogħol lill-kumpaniji Maltin.
Fl-istess ħin il-Kummissarju Għoli fl-Ingilterra pparteċipa f'inizjattivi mnedija mill-MFSA biex Malta tikseb sehem akbar mis-suq ta' l-ICT. Il-Kummissarju Għoli Refalo għamel u qed juża kuntatti li issa għandu fis-City, f'Mansion House u ma' għadd ta' Guilds biex iwessa u jkabbar il-firxa ta' interess lejn Malta.
Apparti minn dan, il-Kummissarju Għoli fl-Ingilterra kellu laqgħat mall-Konsli Onorarji ta' Malta biex jgħinu u tiġi kkordinata l-ħidma tagħhom bl-għan li jiġi mħajjar investiment akbar lejn Malta. Nixtieq inżid li l-ħidma tal-Kummissarju bħalissa tinkludi wkoll dik fil-qasam ta' l-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż u biex pazjenti Ngliżi jiġu kkurati fi sptarijiet Maltin. Il-Kummissarju Għoli qed jieħu sehem sħiħ fl-organiżżazzjoni tal-laqgħa tal-Commonwealth Businees Council li sa tinżamm qabel iċ-CHOGM.
Fil-qasam tat-turiżmu, l-ħidma tal-Kummissarju Għoli wasslet biex organiżżaturi jagħżlu Malta għall-konferenzi tagħhom kif ukoll qed jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-ħidma li twettaq l-MTA permezz ta' l-Uffiċċju ta' l-Awtorita Maltija tat-Turiżmu f'Londra.
Ta' min ifakkar li qabel it-tluq tiegħu lejn l-Ingilterra l-Kummissarju Għoli Michael Refalo kellu laqgħat ma' għadd ta' Ministri tal-Kabinett u rappreżentanti ta' għaqdiet fl-industrija u kummerċ.
B'riferenza għat-talba tal-kunsill lokali Pembroke, x'kunsiderazzjoni ngħatat lit-talba tagħhom biex ikun hemm ħruġ ieħor minn Triq Pietru Darmenia, Pembroke għaliex fil-preżent l-unika aċċess u ħruġ għaż-żona indikata huwa minn bejn block 6 i/u sit B indikat i.e. Triq Pietru Darmenia (ara pjanta annessa mal-korrispondenza tagħhom)?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Traffic Management Unit irriżulta li kienet saret spezzjoni minn uffiċjali tat-TMU, li jikkonferma li t-triq imsemmija ma tinfidx. Irriżulta wkoll li skond it-Temporary Provision Schemes tal-Malta Environment and Planning Authority, l-alignment ta’ din it-triq huwa li tali triq ma tinfed imkien. Għaldaqstant minħabba li t-TPS jaqgħu taħt ir-responsabbilta’ tal-MEPA, it-TMU rrakkomanda li l-Kunsill ta’ Pembroke sabiex jikkuntatjaw lill-MEPA dwar l-oġġezzjonijiet tagħhom rigward it-TPS.