Jista' il-Prim Ministru jgħid liema dipartimenti governattivi jew enti pubbliċi taw kuntratti ta' konsulenza lill-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament matul l-2004 u l-2005? Kemm kienet l-ispiża ta' dawn il-kuntratti, wieħed wieħed, f'dawn is-snin? Jista' jgħid liema dipartimenti governattivi u enti pubbliċi taw kuntratti ta' konsulenza lill-kumpannija Island consultancy services matul l-istess medda ta' żmien u kemm kienet l-ispiża ta' dawn il-kuntratti f'dawn is-snin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.
Affarijiet Rurali u Ambjent — Kuntratti ta' Konsulenza
Question
Jista' il-Ministru jgħid liema dipartimenti governattivi jew enti pubbliċi taw kuntratti ta' konsulenza lill-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament matul l-2004 u l-2005? Kemm kienet l-ispiża ta' dawn il-kuntratti, wieħed wieħed, f'dawn is-snin? Jista' jgħid liema dipartimenti governattivi u enti pubbliċi taw kuntratti ta' konsulenza lill-kumpannija Island consultancy services matul l-istess medda ta' żmien u kemm kienet l-ispiża ta' dawn il-kuntratti f'dawn is-snin?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li qatt ma saru pagamenti lill-Island Consultancy Services Ltd minn dan il-Ministeru u d-Dipartimenti li jaqgħu taħtu.
Min-naħa l-oħra, matul l-2004 u l-2005 l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ikkummissjonat lis-sur Gordon Cordina konsulenza fuq l-analiżi ekonomika ta’ l-użu ta’ l-ilma tal-wiċċ (Economic analysis of surface water uses) skond Artiklu 5 u l-Annex III ta’ l-Avviż Legali 194/2004. Il-prezz għal din il-konsulenza jammonta għal Lm5,000 u jinkludi l-VAT.
Matul l-istess medda ta' żmien, ma ngħata l-ebda xogħol lill-kumpanija Island Consultancy Services Ltd.
Kif ukoll ninsab infurmat li l-kumpanija WasteServ Malta Limited ma kellha l-ebda kuntratt ta' konsulenza mas-Sur Gordon Cordina u/jew ma’ l-kumpanija Island Consultancy Services Ltd.
Kompetittivita' u Komunikazzjoni — Kuntratti ta' Konsulenza
Question
Jista' il-Ministru jgħid liema dipartimenti governattivi jew enti pubbliċi taw kuntratti ta' konsulenza lill-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament matul l-2004 u l-2005? Kemm kienet l-ispiża ta' dawn il-kuntratti, wieħed wieħed, f'dawn is-snin? Jista' jgħid liema dipartimenti governattivi u enti pubbliċi taw kuntratti ta' konsulenza lill-kumpannija Island consultancy services matul l-istess medda ta' żmien u kemm kienet l-ispiża ta' dawn il-kuntratti f'dawn is-snin?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li m'hemm l-ebda Dipartiment Governattiv jew Enti Pubblika li jaqgħu taħt dan il-Ministeru li taw xi kuntratt ta' konsulenza lill-persuna li dwarha ingħataw dettalji, matul l-2004 u l-2005. Lanqas ma ingħataw kuntratti ta' konsulenza lill-kumpanija Island Consultancy Services matul l-istess medda ta' żmien mill-istess Dipartimenti u Enti Pubbliċi.
Mandankollu dan il-Ministeru kien ingħata servizz ta' konsulenza mill-kumpanija Islands Consulting Services fis-sena 2004. L-ispiża li tħallset għal dan is-servizz kien dak ta' Lm 1,410, inkluż il-VAT. Ma nafx jekk din hix l-istess kumpanija li għaliha qed jagħmel referenza l-Onorevoli Interpellant.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15957 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid ġiex identifikat is-sit fejn sejra ssir is-slipway ġewwa Pembroke? Hemm xi indikazzjoni meta ser isir dan u jekk hux se jkun hemm konsultazzjoni mal-kunsill lokali dwar dan? Jekk ġie identifikat is-sit, saret talba lill-MEPA għall-permessi meħtieġa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-ippjanar u kostruzzjoni ta' slipways ġodda kif ukoll xogħol ta' manutenzjoni fuq slipways eżistenti jaqgħu taħt ir-responsabbilita' tad-Direttur tas-Sajd u Akwakultura. Normalment dan jikkuntratta x-xogħol lill-Marine Section tal-Works Deptartment.
Għalhekk din il-mistoqsija għandha tiġi riferuta lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jikkonferma rapporti li l-pixxina nazzjonali se tkun magħluqa sa Frar minħabba xi xogħlijiet li se jsiru fuqha? X'inhuma dawn ix-xogħlijiet u kif ser jaffettwaw dan kollu lill-clubs tal-waterpolo?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Pixxina Nazzjonali mhux ser tkun magħluqa fix-xahar ta' Jannar 2006. Matul dan ix-xahar għandu jitkompla parti oħra mill-pjan tax-xogħol ta' manutenuzjoni u refurbishment kif kien ġie mħabbar aktar qabel.
Informat ukoll li l-KMS wasal fi ftehim ma' l-Amateur Swimming Association fuq il-perjodu meta l-Pixxina Nazzjonali ma tkunx tista' tintuża.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 15082, 15317, 15445, 15573, 15720 u 15951 u jgħid meta u minn min ġie stabilit li l-Enemalta għandha "ħofra" ta' Lm50 miljun?
Response (GATT, AUSTIN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal 'Press Release' Nru. 1554E maħruġa mid-DOI fil-25 ta' Ottubru 2005.
Jista' il-Ministru jikkonferma jekk huwiex se jinnomina l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, bħala rappreżentant ta' Malta f'Iżrael? Jidhirlu li din hija għażla għaqlija minħabba li din il-persuna għandha opinjonijiet pro-Iżraeliti estremi u ferm magħrufa?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Għada ma saret l-ebda għażla għal persuna biex tirrapreżenta lil Malta f'Tel Aviv darba tinfetaħ rappreżentanza diplomatika flimkien ma` oħra f'Ramallah.
Sadattant, l-Ambaxxatur Malti non-residenti għall-Iżrael jibqa` l-Ambaxxatur Abram Borg li ġie appuntat Ambaxxatur għall-Iżrael fid - 9 ta` Awissu 2002.
Jista' il-Ministru jgħid jekk l-elezzjoni għal ħatra ta' chairman għall-Council of Europe development bank saritx u x'kien ir-riżultat? Jekk ma saritx, meta ser issir u x'qed jagħmel il-Ministeru biex jiffavorixxi u jaġevola lill-Ambaxxatur Licari li jkopri l-Kunsill ta' l-Ewropa?
Response (FRENDO, MICHAEL)
B'referenza għall-Mistoqsija numru 16115, nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li l-elezzjoni għall-ħatra ta' Chairman għall-Council of Europe Development Bank ser ssir fid-9 ta' Diċembru. Diġa saru, seba rounds ta' elezzjonijiet li baqgħu bla riżultat konlużżiv.
Malta għandha lill-Ambaxxatur Joe Licari bħala kandidat għal dan il-post. Il-Ministeru ma hu qed jagħmel xejn biex, fis-sarkażmu ovvju ta' l-Onorevoli Interpellant "jiffavorixxi u jaġevola lill-Ambaxxatur Licari". Il-Ministeru qed jagħti appoġġ sħiħ kif jixraq li jagħmel kulħadd lill-kandidatura Maltija b'Notes Verbales u diskussjonijiet ma' pajjiżi oħrajn u anki ftehim fuq kandidaturi.
Jista' il-Ministru jikkonferma li beħsiebu jneħħi liċ-chairman preżenti li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tan-National Commission for UNESCO u minfloku jaħtar lill-persuna li dettalji dwarha wkoll qed jintbagħtu separatament, li diġa' kien jokkupa din il-kariga xi għaxar snin ilu?
Billi kien il-ħsieb li jintlaħqu repatriation agreements dwar l-immigranti illegali ma' diversi pajjiżi membri tal-Commonwealth waqt iċ-CHOGM, jista' il-Ministru jgħid jekk intlaħaqx dan il-għan jew le u jekk iva, ma' liema pajjiżi ntlaħaq ftehim?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Diġa tajt tweġiba għal din id-domanda waqt id-dibattitu wara l-istqarrija Ministerjali dwar iċ-CHOGM mill-Onorevoli Prim Ministru.
Jista' il-Ministru jgħid x'kienet ir-reazzjoni tal-Gvern Malti għall-kritika li saret f'The Independent Newspaper UK tas-Sibt li għadda li l-Gvern Malti, flimkein ma' dak Ingliż u dak Ċipriott, huma akkużati li qed iħallu l-Unjoni Ewropea tmur lura mill-impenn tagħha biex tagħti aċċess agrikolu akbar lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-kuntest tad-DOHA global trade round, u dan meta skond il-prinċipji tal-Commonwealth "there shoud be the freest possibbli flow of multilateral trade on terms fair and equitable to all"?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Il-ġurnalista ta' The Independent, UK naturalment huwa liberu jagħmel l-interpretazzjonijiet tiegħu.
L-istqarrijiet li ħarġu miċ-CHOGM huma ċari biżżejjed meta jittieħdu fil-kuntest u fit-test (text) sħiħ tagħhom.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġie rrapportat serq fil-Għargħur fix-xahar ta' Novembru 2005?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul Novembru ta' din is-sena, il-Pulizija kellha tlett rapporti ta' serq fil-Għargħur. Tnejn kienu jirrigwardjaw serq minn residenzi, filwaqt li l-ieħor kien dwar serq ta' kurrent elettriku.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 15081, 15318, 15482, 15608, 15718 u 15947 u jgħid x'miżuri konkreti ttieħdu fl-aħħar sena fuq livell amministrattiv u ta' purchasing biex jiġu ndirizzati l-ineffiċjenzi u l-ħela fil-korporazzjoni Enemalta u x'cost savings saru?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 15958, jista' il-Ministru jirrispondi b'riferenza għar-reservoir ta' Ta' Giorni?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li r-reservoir f'Ta' Giorni mhux wieħed użat għall-ilma tax-xorb.
Jien infurmat li l-vandaliżmu imsemmi jikkonsisti fi tkissir ta' bank tal-ġebel u /jew konkos u m'għandu x'jaqsam xejn mal-funzjoni ta' dan ir-reservoir. Jien infurmat wkoll li l-passi biex isiru t-tiswijiet meħtieġa ittieħdu mill-Kunsill Lokali ta' San Ġiljan.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 15082, 15317, 15445, 15573 u 15720 u jgħid meta u minn min ġie stabilit li l-Enemalta għandha "ħofra" ta' Lm50 miljun?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 15571 u 15707 u jgħid kemm kien hemm ħaddiema ta' l-Air Malta li ħadu l-early retirement mis-sena 2003 sal-lum, sena b'sena u grad bi grad?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jgħid ġiex identifikat is-sit fejn sejra ssir is-slipway ġewwa Pembroke? Hemm xi indikazzjoni meta ser isir dan u jekk hux se jkun hemm konsultazzjoni mal-kunsill lokali dwar dan? Jekk ġie identifikat is-sit, saret talba lill-MEPA għall-permessi meħtieġa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-Onor. Interpellant huwa mitlub li jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Wara l-vandaliżmu li sar fuq ir-reservoir ta' l-ilma ġewwa Pembroke, jista' il-Ministru jara li jittieħdu l-passi urġenti biex dan ir-reservoir jissewwa u jingħata face lift tant meħtieġa? Huwa minnu li kienet saret works order biex isir dan ix-xogħol u waqaf kollox? X'wassal għal dan id-dewmien?
Response (GATT, AUSTIN)
Mhux ċar għal liema att ta' vandaliżmu qed jirreferi għaliħ l-Onorevoli Interpellant.
Jien infurmat li f'Pembroke hemm reservoir wieħed li mhux użat għall-ilma tax-xorb u kienu sarulu xi xogħlijiet is-sena li għaddiet mill-Kunsill Lokali ta' Pembroke u mhux mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma.