Minħabba l-kriżi ta' l-Iran, saru xi rappreżentazzjonijiet lill-Gvern Malti minn gvernijiet barranin dwar l-użu li l-Iranian Shipping Line qed tagħmel mill-freeport ta' Malta, u jekk iva, minn liema gvernijiet sar dan?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Ninsab infurmat li l-ebda Gvern barrani ma għamel rappreżentazzjonijiet formali mal-Gvern Malti dwar l-Iranian Shipping Line (IRISL), imma din il-materja ssemmiet waqt xi laqgħat ma' uffiċċjali minn pajjiż barrani.
It-tweġiba li ngħatat kienet li l-użu tal-Freeport mill-Iranian Shipping Line hija attivita` kummerċjali eżatt bħal dik ta` kumpaniji oħra simili, u l-awtoritajiet Maltin huma mpenjati li jiġġieldu kull xorta ta` abbuż mill-ġarr ta` merkanzija, rrispettivament mill-linja li tkun ġarret din il-merkanzija. Fil-Freeport hija operata wkoll s-sistema VACIS.
Jista' il-Ministru jinvestiga ilmenti li wasluli mingħand diversi studenti li kemm fil-każ ta' l-intermediate exams tas-systems of knowledge kif ukoll fir-rigward ta' l-A Level tal-home economics and human ecology, kien hemm bosta mistoqsijiet li ma ġewx koperti fis-sillabus ittrattat fil-higher secondary?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma kienx hemm mistoqsijiet barra mis-sillabu fl-eżamijiet tas-Systems of Knowledge fil-livell intermedju u fil-Home Economics and Human Ecology fil-livell avvanzat ta' l-eżamijiet tal-MATSEC.
Is-sillabi tal-MATSEC ikunu ppublikati mill-inqas sentejn qabel l-eżami u jintbagħtu f'kull skola post-sekondarja minbarra li jidhru fuq il-website tal-MATSEC Support Unit. Hekk l-iskejjel ikollhom biżżejjed ħin biex ifasslu l-kurrikulu tagħhom biex ikopru l-kontenut tas-sillabu.
Jista' il-Ministru jgħid xi żjarat kellu barra minn Malta f'April u Mejju u f'dawn iż-żjarat ma' min iltqajt?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għad-diversi stqarrijiet li diġa` ħarġu fil-pubbliku u li fihom l-informazzjoni mitluba. L-istqarrijiet kollha maħruġa mill-Ministeru qegħdin fuq il-website www.mfa.gov.mt u www.doi.gov.mt.
Billi jidher ċar li ma nżammitx id-data li fiha kellha tinfetah Dar Malta fi Brussel, jista' il-Prim Ministru jgħid meta se jinbeda jew inbeda xi xogħol fuqha kif ukoll meta dan mistenni jitlesta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-permess għax-xogħol ta’ kostruzzjoni fuq Dar Malta wasal fi Frar 2006. Dan kien jindika li x-xogħol ta’ kostruzzjoni ppjanat seta’ jibda f’nofs Marzu 2006. Sa din id-data setgħu jsiru biss xi xogħolijiet limitati fuq kostruzzjoni interna u xogħolijiet ta’ twaqqiegħ. Xogħol estern u xogħol aktar viżibli ta’ kostruzzjoni u twaqqiegħ beda mid-data speċifikata fil-permess.
Ix-xogħol ta’ kostruzzjoni huwa mistenni jitlesta sa Diċembru 2006.
Fid-dawl ta' l-artikli li dehru fil-ġurnal "Malta Today" dwar in-nuqqas ta' qbil bejn l-awtoritajiet Maltin u dawk Taljani dwar issues marbutin ma' l-immigrazzjoni illegali, jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni uffiċjali tal-Gvern Malti kif ukoll dik tal-Gvern Taljan kif ikkomunikata lill-Gvern Malti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Bħal ma jaf l-Onor Membru għax kien preżenti fis-seduta, dan is-suġġett ġie diskuss fid-dettal ma’ l-Ambaxxatur Taljan fil-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Barranin, ħafna qabel dehru l-artikli imsemmijin fil-Mistoqsija.
Il-pożizzjoni tal-Gvern Taljan hija li fil-maltemp kull biċċa tal-baħar li tgħaddi viċin Malta u li tkun qed iġġorr immigranti għandha tiġi mġiegħla tidħol lejn Malta ikun x’ikun l-istat tagħha u anke jekk l-immigranti nfushom ma jkunux iridu jiġu “salvati”. Din il-pożizzjoni mhix aċċettabbli għall-Gvern Malti, peress li skond il-Liġi Internazzjonali kwalunkwe vapur jew biċċa tal-baħar għandha d-dritt imsejjaħ “the right of innocent passage” u għalhekk skond il-liġi ma tistax tiġi nterċettata sakemm ma tiksirx liġijiet ta’ Malta meta tkun f’ibħra li fihom Malta għandha ġurisdizzjoni.
Jista' il-Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim ta' koperazzjoni li ġie miftiehem dan l-aħħar mas-Sawdi Għarabja?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim ta' koperazzjoni li ġie ffirmat fit-23 ta' April 2006 f'Riyadh bejn Malta u s-Sawdi Għarabja.
Dan il-ftehim jipprovdi struttura għall-promozzjoni tal-koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi u huwa l-bazi neċessarja għal kull ftehim ieħor fil-futur.
Il-ftehim ikopri is-setturi ta' l-ekonomija, tal-kummerċ, ta' l-investiment, tax-xjenza u t-teknoloġija, tal-kultura, taż-żagħżagħ u ta' l-isport. Iż-żewġ pajjiżi qed jintrabtu li jinkoraġġixxu l-espansjoni u d-diversifikazzjoni tal-kummerċ, inklużi "joint ventures", li jiffaċilitaw l-investiment reċiproku u li jiggarantixxu t-trasferiment ħieles tal-kapital bjen iż-żewġ naħat.
Il-ftehim jipprovdi wkoll għall-koperazzjoni, għall-iskambju ta' l-informazzjoni u għall-viżti t' uffiċċjali, riċerkaturi, esperti u tekniċi fil-kamp ta' l-edukazzjoni, xjenza u teknoloġija, kultura, żagħżagħ u sport.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-aktar issues bilaterali pendenti bejn l-awtoritajiet Maltin u dawk tal-Federazzjoni Russa? Meta ġew diskussi l-aħħar?
Response (FRENDO, MICHAEL)
"Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li l-issues bilaterali ewlenin bejn Malta u l-Federazzjoni Russa huma kif ġej:
- Ftehim dwar il-Ħarsien minn Taxxa Doppja
- Dejn pendenti mill-parti Russa
- Bini Diplomatiku
Dawn l-issues jiġu diskussi b`mod regolari kull meta jkun hemm kuntatti bejn iż-żewġ pajjiżi. L-aħħar kuntatt ta` dan it-tip sar f`Mejju 2006.
Apparti minn laqgħat li jista' ikollha maħsuba l-Unjoni Ewropea mal-Gulf Coperation Council, il-
Gvern Malti kellu xi kuntatti mal-GCC dan l-aħħar, u jekk iva dwar xiex?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għadni kif għamilt żjara uffiċjali ġewwa Riyadh fejn kelli laqgħa bilaterali mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tas-Sawja Arabja fejn ġew diskussi kwistjonijiet li jolqtu il-GCC. Illum stess qed nattendi fi Brussels.Iltqajt ukoll ma` l-Emirati (DTA) fejn iddiskutejna l-GCC u l-EU.
Billi taħt Ministru ta' l-Affarijiet Barranin ieħor il-Gvern Nazzjonalista kien qiegħed saħansitra jikkunsidra li jiftah ambaxxata fil-Marokk, jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-issues bilaterali ewlenin pendenti bejn iż-żewġ pajjiżi? Meta ġew diskussi l-aħħar?
Response (FRENDO, MICHAEL)
L-issues bilaterali ewlenin bejn Malta u l-Marokk huma kif ġej:
- Ftehim dwar il-Ħarsien minn Taxxa Doppja u Prevenzjoni ta` l-Evażżjoni ta` Taxxa fuq id-Dħul
- Ftehim dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni Reciproka tal-Investiment
- Ftehim ta` Koperazzjoni fil-Qasam tal-Ġlied kontra l-Kriminalita`
Dawn l-issues jiġu diskussi b`mod regolari kull meta jkun hemm kuntatti bejn iż-żewġ pajjiżi. L-aħħar kuntatt ta` dan it-tip sar f`Jannar 2006.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li tiġi kkonsidrata mill-ġdid talba li ilha pendenti diversi snin ta' familja minn San Ġwann li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, biex il-parti li qabel kienet tintuża bħala bus stop li tmiss mal-bitħa tagħhom tinbena f'garage għall-użu personali tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern tkun tista' tikkunsidra mill-ġdid it-talba li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant kemm il-darba jinġieb permess mingħand il-MEPA biex isir l-iżvilupp mitlub.
Jista' il-Ministru jinvestiga għaliex il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ma ġietx imġedda t-tourist guide licence tagħha sempliċement għaliex m'għaddietx lecture wieħed tas-CPD programme għal raġunijiet mediċi li ġew notifikati lill-MTA? Meta mistennija tinħareġ il-liċenzja lill-gwida konċernata ħalli l-pożizzjoni tagħha tiġi regolarizzata, aktar u aktar billi n-nuqqas ta' attendenza tagħha għall-programm imsemmi ma saritx b'kapriċċ?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-gwida li għaliha hemm riferenza fl-interpellanza bagħtet ittra fejn spjegat ir-raġuni għala ma setgħetx tattendi l-aħħar lecture u li lesta tattendi lecture ekwivalenti sabiex tkun tista' takkwista it-tiġdid tal-liċenzja ta' gwida.
L-Awtorita' laqgħet it-talba tagħha u se ġġedded il-liċenzja meta din il-gwida tattendi din il-lecture ekwivalenti.
Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni
Question
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 18375 u jgħid fuq liema bordijiet, korporazzjonijiet, aġenziji tal-gvern, kumitati u dipartimenti li jaqgħu taħt il-ministeru tiegħu qed iservi bħalissa l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament? X'inhi l-kariga u r-remunerazzjoni flimkien ma' perks oħra li għandu f'kull każ? Huwa minnu li qed jiġi ikkonsidrat għal CEO tal-Malta Enterprise?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant huwa Deputat Chairman Eżekuttiv tal-Malta Industrial Parks Ltd. b'renumerazzjoni ta' Lm16,000 fis-sena, l-użu ta' karozza, mobile phone u internet. Dan inħatar wara riżenja ta' CEO li kellu renumerazzjoni ta' Lm18,200, "performance bonus" ta' mhux aktar minn Lm1800 u allowance ta' Lm2500, mobile phone, internet u health insurance.
Peress illi minkejja li saru avviżi għall-reklutaġġ u interviews ma nstab ħadd addatattat biex jimla l-post, id-Deputy Chairman ingħata rwol eżekuttiv minflok jiġi maħtur CEO.
Huwa wkoll Direttur mhux Eżekuttiv tal-Korporazzjoni Enemalta b'renumerazzjoni ta' Lm1,500 fis-sena u Personal Care Health Insurance, kif ukoll membru tas-sotto - Kumitat tal-Finanzi u jieħu renumerazzjoni ta' Lm20 kull sessjoni. Hu wkoll Direttur ta' Sabratha Co. Ltd., b'renumerazzjoni ta' Lm900 fis-sena.
Ma naħsibx li għandi nagħti nformazzjoni ta' l-applikanti għal post ta' CEO Malta Enterprise.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 18394 u jgħid x'inhu l-marketing budget tal-MITI għall-promozzjoni ta' l-IT fost is-soċjeta' Maltija? Liema media qed jintużaw għal dan il-għan? Liema programmi televiżivi qed jiġu sponsorjati għal dan il-għan u għaliex l-allokazzjoni mhijiex tkun aktar mifruxa?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li m'hemm l-ebda budget partikolari allokat għall-promozzjoni tal-IT fost is-soċjeta Maltija. Il-marketing kollu li jsir huwa fuq bażi ta' sponsorship agreements li l-Ministeru rnexxielu jilħaq ma' diversi operaturi fil-qasam, fosthom Maltacom, Oracle, Microsoft u SAP. Diversi mezzi tal-media jintużaw u dawn jintgħażlu skond in-natura ta' l-inzjattiva. Il-Ministeru ma jisponsorja l-ebda program televiżiv. Hemm ftehim bejn il-Ministeru u l-programm ICTV li jixxandar fuq il-PBS. Dan il-programm qed isir minn kumpanija lokali tal-produzzjoni wara li saret sejħa pubblika għall-offerti. Il-programm jitħallas mir-riklamar li tiġbor l-kumpanija li tipproduċieh u l-Gvern ma joħroġ xejn.
Jista' il-Minsitru jgħid x'inhi r-raġuni li l-gvern mhuwiex lest li jsewwi l-istoppage fid-drains komuni li hemm fi Block 3B, Triq Mimosa, San Ġwann? Jaf li hemm min hu sid ta' l-appartament tiegħu li saħansitra lest jagħti l-kontribut tiegħu għal dan il-għan?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk huwiex minnu li l-MFSA awtorizzat lill-insurance companies biex meta jsewwu għand panel beaters u mechanics karozzi li jkun ilhom fit-triq ħames snin jew aktar, dawn jistgħu jwaħħlu parts second hand jew mhux tad-ditta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi l-MFSA ma’ ħarġet l-ebda regola rigward parts li għandhom jintużaw minn panel beaters u mechanics biex jissewwew karozzi li jkunu assigurati.
Jista' il-Ministru jagħti lista tat-triqat li se jiġu asfaltati fil-Madliena, b'data indikattiva ta' meta se jitlestew ix-xogħlijiet?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Il-lista tat-toroq li jridu jsiru qegħda tkun finalizzata. Huwa l-ħsieb tal-Ministru li s-Swieqi jkun wieħed mill-lokalitajiet li jingħataw prijorita' fil-programm ta' xogħlijiet ta' toroq li jrid jiġi mniedi.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 18208 u jgħid fiex waslet l-applikazzjoni prospettiva ta' Malta għal sħubija fl-OECD?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Il-proċess ta` tkabbir ta` l-OECD, bl-isħubija ta` membri ġodda , qiegħed jiġi eżaminat minn din l-istess organizzazzjoni. L-applikazzjoni għas-sħubija ta` Malta fl-OECD , bħal dik ta` pajjiżi oħra, qed tiġi evalwata, skond il-proċedura normali. Tajjeb li jingħad li hemm diversi pajjiżi li ilhom li applikaw għal sħubija fl-OECD, fosthom Ċipru u s-Slovenja li applikaw għaxar snin ilu, u li għad għandom applikazzjoni pendenti. Dan jgħodd ukoll għal membri Stati oħra ta` l-Unjoni Ewropea li għadhom mhumiex membri ta` l-OECD, bħall -Estonja , Latvia u Litwanja u li ukoll applikaw għaxar snin ilu. Anke pajjiżi bħaċ-Ċili , Iżrael u r-Russja għandhom applikazzjoni għal sħubija li għadha qed tiġi kkunsidrata. L-aħħar tkabbir sar fl-1996.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 17948 u 18312 u jara li jittieħdu passi dwar il-fatt li fil-garages il-ġodda li hemm fil-housing estate il-ġdid ta' l-Imsida - b'mod partikolari numru 70, Conception Street, Imsida - il-mod kif sar ix-xogħol fuq il-bankini l-ġodda qed iwassal biex l-ilma jaqleb għall-ġol garages infushom b'konsegwenza li fil-maltemp ir-residenti lanqas ikunu jistgħu jagħmlu użu mill-garages?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-bankini fit-triq imsemmija saru bl-istess linja u livelli tal-bankini li kien hemm qabel. Il-qlib tal-bankini sar il-barra (lejn it-triq) biex jiġi evitat li l-ilma jaqleb lejn il-bini.
L-indirizz speċifikat fil-mistoqsija parlamentari - 70, Conception Street ma jifformax parti mill-blokok il-ġodda tal-Housing iżda minn blokok oħrajn tal-Housing li jinsabu viċin l-Għajn tal-Ħasselin u li nbnew diversi snin ilu. F'din iż-żona tal-proġett il-bankini reġgħu nbnew fl-istess linja u l-istess livelli tal-bankini l-antiki. Għal din ir-raġuni huwa diffiċli tifhem kif bankina identika bħal ta' qabilha tista' toħloq problema ġdida ta' għarar.
Sadanittant, ser jiġi ċċekkjat jekk teżistix xi problema fil-qlib tal-wiċċ tat-triq (asfalt) u jekk din tirriżulta jittieħdu l-passi meħtieġa.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-lift tad-dar ta' l-anzjani tal-Gżira qed ikun spiss wieqaf b'inkonvenjent għar-residenti nfushom u l-istaff?
X'tip ta' maintenance agreement hemm dwaru? Veru li l-aġent m'għandux il-parts meħtieġa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li riċentiment saret manutenzjoni estensiva fuq il-mutur u s-sistema tal-brejkijiet fil-lift tad-Dar ta' l-Anzjani tal-Gżira. Dan sar biex tonqos l-inkonvenjenza għar-residenti u l-istaff ta' l-istess Dar.
Meta jkun hemm bżonn ta' xi tiswijiet urġenti kif ukoll manutenzjoni ta' rutina fil-lift ta' l-istess Dar jiġu msejħa lift Technicians jew lift Engineer, mill-MSD Lifts and Airconditioning Section fi ħdan il-Marsa Engineering Services Unit tal-Gvern, dan minħabba li għandna Maintenance Agreement bejn id-Dipartiment ta' l-Anzjani u l-MSD tal-Marsa.
Ma jirriżultax li l-aġent ma kellux il-parts meħtieġa minħabba li l-ħsarat tranġaw fi żmien raġjonevoli bl-inqas inkonvenjent għar-residenti, kif ukoll għall-istaff.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm xi żviluppi dwar l-investigazzjonijiet marbuta mal-qtil ta' l-accountant Lino Cauchi li sar 24 sena ilu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-pulizija għadha qed tinvestiga dan il-każ.