Legislature:
Category:
Reset
Active:

VAT — Kmamar tan-Nar

Question

Billi l-logħob tan-nar huwa meqjus bħala parti mill-kultura Maltija u jservi ta' attrazzjoni għat-turisti, jista' il-gvern jikkonsidra li jeżenta lil dawk il-kmamar li jaħdmu n-nar milli jkomplu jħallsu l-VAT fuq ix-xogħol tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-attivitajiet tal-kmamar tan-nar ma jikkwalifikawx għall-eżenzjoni mill-VAT billi bl-Artiklu 5 tal-Liġi ta’ l-Att dwar Taxxa fuq il-Valur Miżjud huma meqjusa bħala persuni li jwettqu ‘attivita’ ekonomika ikun x’ikun ir-riżultat jew l-għan ta’ dik l-attivita’. Dan huwa wkoll konformi mas-Sitt Direttiva tal-VAT ta’ l-Unjoni Ewropeja.
Leg 10 PQ #20588 Sitting 431 2006-09-27 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Passiġġieri ta' l-ajruplan Egypt Air

Question

Jista' il-Ministru jagħti r-raġunijiet li ta il-Gvern Malti fin-note verbale tiegħu lill-Gvern Amerikan għat-talba ta' l-avukati Amerikani għall-għajnuna mill-Gvern Malti lill-passiġġieri ta' l-ajruplan ta' l-Egypt Air li kien ġie hi-jacked f'Malta snin ilu?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Din il-materja kienet ittrattata fi skambju ta korrispondenza bejn iż-żewġ gvernijiet. Fuq parir ta` l-Avukat Ġenerali, il-Ministeru ta` l-Affarijiet Barranin kien informa lill-Gvern Amerikan li t-talba kienet ġenerika wisq.

Msida — Appartamenti tal-gvern

Question

Tista' il-Ministru tagħti indikazzjoni meta mistennija jiġu stallati l-lifts fl-appartamenti tal-gvern fl-Imsida housing project kif ukoll jekk hemmx xi ħsieb li jitpoġġew poġġamani fejn m'hemmx?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li s’issa ġew stallati żewġ lifts fil-blokki ġodda tat-tielet fażi tal-proġett ta’ housing fl-Imsida. Il-lifts fil-ħames entraturi l-oħra mistennija jkunu lesti bejn Marzu u Ġunju li ġej. Ninsab infurmata wkoll li l-poġġamani fit-tronob tat-turġien kollha għandhom jitqiegħdu sa Novembru li ġej.

San Ġiljan — Swimming pool b'ilma infettat

Question

Billi quddiem il-lukanda Lapsi f'San Ġiljan hemm lukanda li ilha magħluqa żmien twil bi swimming pool mimli ilma qiegħed u nfettat, jistgħu l-awtoritajiet tas-saħħa jieħdu passi kontra dan l-inkonvenjent għar-residenti ta' l-inħawi f'San Ġiljan?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li waqt spezzjoni li saret fid-29 ta' Awissu 2006 ġie kkonfermat li ma hemm ebda ilma fis-swimming pool indikat; inoltre din ġiet mgħottija b'tali mod li ma tistax tinżel xita ġewwa fiha. Infurmat ukoll li azzjoni legali ttieħdet minn uffiċjali tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika kontra l-persuna responsabbli mil-lukanda ndikata fl-20 ta' Mejju 2005 u l-każ qiegħed sub-judiċe.

Fingerprinting tat-tfal

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern Malti dwar il-fingerprinting tat-tfal, u jekk din teżisti minn liema eta' huwa tal-fehma li għandha tiġi applikata?

Response (BORG, TONIO)

Il-Gvern m’għandux ħsieb li fil-futur qarib jintroduċi il-fingerprinting tat-tfal. Imma ta’ min jgħid li l-esperti tekniċi qegħdin janalizzaw l-implikazzjonijiet kollha involuti fl-isfond tar-Regolament tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropeja 2544/2004/KE dwar l-istandards għall-karatteristiċi ta’ sigurta` u għall-bijometriċi f’passaporti u dokumenti ta’ l-ivjaġġar maħruġa mill-Istati Membri. Tali diskussjoni fuq livell tekniku għadha fl-istadju inizjali tagħha.
Leg 10 PQ #20629 Sitting 431 2006-09-27 Oral · Interim From: LEO BRINCAT To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

MTA — Chairman u CEO

Question

No question text.

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Iċ-Chairman ta' l-Awtorita' Maltija tat-Turizmu huwa mħallas onorarju ta' Lm 7,000 fis-sena skond kif stabbilit mill-liġi. Il- kuntratt tas-CEO tal-Awtorita' Maltija tat-Turizmu għandu perjodu ta' sena u jista' jiġi mġedded bi qbil bejn il-partijiet. Is-salarju hu ta' Lm 36,000 fis-sena u ma' dan jista' jkun intitolat għall-Performance Bonus li ma jaqbizx l-Lm 14,000 fis-sena, u li jiġi kkalkulat skond kemm jintlaħqu miri kif stabbilit fl-istess kuntratt. Is-CEO huwa intitolat għall-karozza, servizzi tat-telefon b'xejn u polza ta' assigurazzjoni medika. (Ara wkoll risposta 20629 li saret f'seduta 432)

Ta' Xbiex HE — Manutenzjoni

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'inhi l-policy dwar talbiet ta' plastering, tkaħħil tal-fili, eċċ. fuq postijiet tal-gvern meta wħud mill-inkwilini jkunu xtraw il-post tagħhom u oħrajn le? Kien hemm xi każi riċenti fejn saru xogħlijiet simili fuq blocks simili f'Ta' Xbiex housing estate fejn il-maġġoranza tal-flats tal-block kienu mixtrija mill-ex-inkwilini?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li, biex ikun hemm uniformita' fil-faċċati tal-blokk kollu, l-policy tad-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar dwar is-suġġett indikat mill-Onor. Interpellant hi li x-xogħol isir mid-Dipartiment jekk fil-blokk ikun hemm mill-anqas żewġ appartamenti li jkunu bil-kera. Ninsab infurmata wkoll li l-imsemmi d-Dipartiment ma jżommx record tan-numru ta' appartamenti fi blokk li jkunu nxtraw mill-inkwilini. B'dankollu l-implimentazzjoni ta' din il-policy ma teskludix li x-xogħlijiet fil-faċċati ta' blokki jsiru mid-Dipartiment minkejja li l-maġġoranza ta' l-appartamenti jkunu nxtraw mill-inkwilini, sakemm żewġ appartamenti fil-blokk ikunu għadhom bil-kera.
Leg 10 PQ #20553 Sitting 430 2006-09-26 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Heritage Malta — Impjegati

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm messaġġiera u watchmen ma' Heritage Malta? Kif u fejn huma deployed? Meta ġew ingaġġati?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li Heritage Malta m’għandhiex messaggiera. In-numru ta’ watchmen huwa ta' 65 u kollha minbarra wieħed kienu impjegati mill-Gvern qabel ma twaqqfet Heritage Malta. Il-watchmen ġew detailed ma’ l-aġenzija mat-twaqqif tagħha, bħal ħaddiema oħra li kienu ma’ dak li kien id-Dipartiment tal-Muzewijiet. L-uniku wieħed li ma kienx parti minn dal-proċess sar impjegat ta’ Heritage Malta is-sena li għaddiet bħala parti mill-proċess li fih Heritage Malta assorbiet lil ħaddiema li kienu mpjegati ma’ dak li qabel kien ic-Centru Malta ghar-Restawr. Il-watchmen kollha huma deployed f’ siti u mużewijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' ta' Heritage Malta f’Malta u Għawdex.

Taxi Drivers — Liċenzji

Question

Jaqbel il-Ministru li taxi drivers ma jistax ikollhom liċenzja tal-mestjier tagħhom jekk ikollhom records kriminali u li jekk jiġri dan titteħdilhom din il-liċenzja għal raġunijiet ovvji ta' sigurta' għall-passiġġieri prospettivi tagħhom?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li l-Awtorita dwar it-Trasport ta’ Malta toħroġ tags lix-xufiera li jridu jsuqu kull tip ta’ vettura tat-Trasport Pubbliku. It- tags jinħarġu skond l-Avviż Legali numru 44 tat-2006. It- tag tista' tiġi irtirata mill-Awtorita' f’każ li x-xufier jinstab ħati fil-qorti ta’ atti kriminali ta’ gravita skond l-Atti Legali tat-2006 u /jew f’każ li xufiera tat- taxis jiksru l-kundizzjonijiet (No 7, 12, 16) tal-ftehim li ġie iffirmat (Kodiċi ta’ Kodotta) mas-sidien tat- taxis . Qed inpoġġi fuq il-mejda kopja tal-Kodiċi ta’ Kondotta.

VAT — Lotteriji Fiskali

Question

Jista' il-Prim Ministru jinvestiga rapporti li wasluli li għal aktar minn darba kien hemm rebbieħa tal-lotteriji fiskali tal-VAT li kellhom l-istess isem u ID number u dan f'xhur differenti wkoll? X'passi jittieħdu biex kollox isir above board f'dawn il-lotteriji?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fix-xhur ta’ April u Ġunju 2006 kien hemm żewġ rebbieħa bl-istess isem u ID number. Il-Lotterija Fiskali hija issorveljata minn Board magħmul minn: a) Rappreżentant għad-Direttur tal-Lotteriji b) Rappreżentant għan-Nutar tal-Gvern c) Żewġ Rappreżentanti għad-Dipartiment tal VAT d) Rappreżentant ta’ l-Awditur Ġenerali u e) Rappreżentatnt tal-Pubbliku (Għaqda tal-Konsumatur). Kull minn jixħet l-irċevuti fiskali għal-Lotterija għandu dritt li jitfa irċevuti kemm irid biex jieħu sehem. Għaldaqstant kull persuna tista’ tirbaħ aktar minn darba fl-istess xahar. Kull irċevuta imtella, la darba tissodisfa il-kriterji tal-Board, tiġi meqjusa rebbieħa allavolja jinzerta jkun hemm rebħ ieħor bl-istess isem u ID number.

Żejtun — Triq Ġiużeppina Curmi

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk xogħol li qed isir f'post privat u li jidher mit-triq fi Triq Ġiużeppina Curmi, Żejtun - site plan qed tintbagħat separatament - hux kopert b'permess jew le? Jekk fl-affermattiv, tista' l-awtorita' tara li ma jkunx hemm inkonvenjent għar-residenti tal-madwar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li saret spezzjoni fuq is-sit indikat u ma rriżultax li sar jew kien qiegħed isir xi xogħol. Fuq il-post hemm applikazzjoni PA 702/06 għal estensjoni, li ġiet approvata però il-permess għadu ma nħariġx

Għargħur — Kamra tan-Nar

Question

Jista' il-Ministru jara jekk tistax titwessa t-triq li tagħti għall-kamra tan-nar San Bert ta' l-Għargħur, li hi liċenzjata, għaliex jekk jinqala' xi inċident lanqas hemm minfejn tgħaddi fire-engine?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-passat, id-Direttorat tat-Toroq għamel xogħlijiet ta’ tiswija fit-triq imsemmija bl-iskop li jiġi ffaċilitat l-aċċess fl-inħawi. It-twessiegħ tat-trejqa imsemmija jiġi kkunsidrat skond il-prijoritajiet li jirriżultaw.

Luxol Stadium

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 20339 u 20415 u jgħid billi l-Luxol Stadium ġie inawgurat uffiċjalment dan l-aħħar, meta nħarġulu l-permessi meħtieġa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Il-pitch bl-artificial turf li gie inawgurat uffiċjalment ma kienx jeħtieġlu permess mill-MEPA. Sadanittant il-MEPA approvat l- applikazzjoni PA 01719/06 biex jiġi sanzjonat bini ta' store u changing rooms kif ukoll entratura ġdida u żieda ta' ħitan fil - Luxol Football Ground, Triq Falaise, Pembroke

NSO

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhuwa il-pakkett finanzjarju sħiħ li ġie offrut lis-Sur Gordon Cordina bħala kap ġdid ta' l-NSO? Se jitħalla jkompli bix-xogħol tiegħu l-universita' u ta' konsulenza ma' diversi azjendi u aġenziji governattivi u parastatali, fosthom il-Bank Ċentrali u l-MCESD? Jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-pakkett finanzjarju offrut lid-Direttur Ġenerali l-ġdid huwa hekk: a) salarju ta’ Lm16,000 fis-sena b) expense account ta’ Lm500 fis-sena c) karozza uffiċjali fully-expensed d) l-użu ta’ mobile telephone e) pagament ta’ kontijiet ta’ telefon fixed line f) bonus fuq is-salarju sa massimu ta’ 15% li hu marbut mal-performance. Il-kuntratt jispeċifika li d-Direttur Ġenerali l-ġdid ma jistax jidħol għal xogħol barra minn dak tal-kariga iegħu għajr li jagħmel xogħol akkademiku fl-Universita’ ta’ Malta sa massimu ta’ seba’ sigħat fil-ġimgħa.

San Ġwann — Naxxar Road

Question

Jista' il-Ministru jara li jittieħdu passi biex jinżebgħu z-zebra crossings kollha li hemm f'Naxxar Road, San Ġwann li huma faded?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li ser isiru spezzjonijiet biex nevalwaw il-kundizzjoni ta’ dawn ir-road markings sabiex jittieħdu l-passi neċessarji ħalli x-xogħol li hemm bżonn isir.

San Ġwann — Disco

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li jittieħdu passi dwar l-ilmenti ripetuti tar-residenti ta' San Ġwann fl-inħawi ta' Tal-Balal, li ilhom żmien jilmentaw bil-ħsejjes qawwija ta' mużika kull tmiem il-ġimgħa kkawżati minn disco fil-viċin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-ilmenti msemmija mill-Onorevoli Interpellant qed ikunu mistħarrġa mill-Pulizija skond il-liġi.
Leg 10 PQ #20546 Sitting 429 2006-09-25 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Gvern Amerikan — Trasferiment ta' Art

Question

Billi waqt id-dibattitu dwar it-trasferiment ta' art lill-Gvern Amerikan għall-bini ta' ambaxxata ġdida jien bqajt mingħajr tweġiba għall-mistoqsija jekk is-sistema PISCES hijiex stand-alone system jew jekk xi gvern barrani għandux aċċess għat-tagħrif miġbur permezz tagħha dwar nies li jkunu deħlin l-ajruport ta' pajjiżna, jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni attwali?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Depot tal-Pulizija — Dipartiment tal-Kondotta

Question

Jista' il-Viċi Prim Miinistru jgħid meta hemm il-ħsieb li tiġi komputerizzata s-sistema sħiħa tad-dipartiment tal-kondotta fid-depot tal-pulizija? Meta huwa maħsub li r-records li jinżammu fit-taqsima tal-kondotta fid-depot tal-pulizija jkollhom indirizzi aġġornati ta' l-applikanti li jkunu jaqblu ma' dawk ta' l-ID cards tagħhom, billi r-records tal-pulizija għadhom juru indirizzi antiki?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent il-Korp tal-Pulizija għaddej b'ħidma sabiex jiġu implimentati jew imsaħħa diversi sistemi kompjuterizzati. Is-sistema tal-kondotti tagħmel parti minn din il-proġett li l-ewwel fażi tiegħu huwa mistenni li jibda fil-ġimgħat li ġejjin. Din is-sistema ġdida ser ikollha link dirett ma' sistemi oħrajn sabiex it-tagħrif ikun aġġornat.

Luxol Stadium

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 20336 u jgħid jekk jistgħux jittieħdu passi biex il-Luxol Stadium ma jingħatawx il-permess mitlub biex jużaw, u kif diġa' qed jagħmlu, l-entrance il-ġdid ġewwa Falaise Road, St Andrews minħabba l-inkonvenjent ta' parking u tinġis u storbju li qegħdin spiss jikkawżaw lir-residenti ta' l-inħawi, liema inkonvenjent ma kienx jeżisti meta d-dħul kien qrib il-Parada Ground f'Alamein Road fejn kien hemm ħafna spazju għall-parking?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kwistjoni ta’ l-aċċess f’dawk it-toroq trid tintrabat mal-proposta ta’ l-Awtorità dwar it-Transport (MTA) għal Triq Sant’ Andrija (TEN-T Project).

Luxol Stadium

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 20339 u jgħid billi l-Luxol Stadium ġie inawgurat uffiċjalment dan l-aħħar, meta nħarġulu l-permessi meħtieġa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni tingħata f’Seduta oħra.