Legislature:
Category:
Reset
Active:

Impjiegi — Ħaddiema li spiċċaw bis-sensja

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw sensji xahar b'xahar f'Ġunju, Lulju, Awissu u Settembru 2006 u bl-etajiet - taħt it-30 sena u 'il fuq minn 30 sena? Jista' jgħid kemm inqatgħu persuni minn fuq l-ewwel u t-tieni parti tar-reġistru tax-xogħol fl-istess xhur indikati?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ta' Xbiex HE

Question

Jista' il-Ministru jordna li jittieħdu passi dwar l-għalqa li hemm qrib Block B1, Ta' Xbiex HE li qed tintuża ta' rubbish dump u qed tkun mimlija ġrieden?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li wara li saret spezzjoni fil-għalqa li hemm qrib Block B1 ta' Xbiex minn uffiċjali tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika ġie kkonfermat li hemm akkumulu ta' żibel u għalhekk nħareġ avviż lis-sid ta' l-istess art sabiex jitneħħa l-akkumulu mingħajr ebda dewmien. Impjegati tas-Sezzjoni tal-pest Control ta' l-istess Dipartiment poġġew velenu fil-madwar tal-post indikat illum 13 ta' Ottubru 2006. Ser issir spezzjoni oħra fil-jiem li ġejjin sabiex jiġi kkonfermat li l-inkonvenjent tneħħa.

MITTS — Chairman/CEO

Question

Jista' il-Ministru jgħid hux minnu li ċ-chairman u CEO tal-MITTS se jirriżenja mill-kariga tiegħu? Huwa minnu li konsulent mal-MITTS li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament se jinħatar minfloku? Jekk fl-affermattiv, meta se tiġi fis-seħħ ir-riżenja?

Response (GATT, AUSTIN)

Ġejt infurmat li ċ-Chairman u CEO tal-MITTS Ltd. jixtieq itemm it-term tiegħu fil-bidu tas-sena 2007. Il-MITTS Ltd. ħarġet applikazzjoni għal-pożizzjoni ta' Kap Eżekuttiv u bħalissa qed isiru l-interviews għal din il-pożizzjoni. Il-Gvern iħabbar l-ħatra taċ-Chairman tal-MITTS meta jkun f'waqtu.

St Luke's — Inċineratur

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma t-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari riċenti fejn jingħad li l-flue gas exit temperature ta' l-inċineratur ta' l-isptar San Luqa hija ta' madwar 906 grad ċentigradu? Ma jidhirlux li din il-figura hija għolja ż-żejjed meta wieħed iqis li dokument li ilu għand il-MEPA sa mill-2003 jistqarr li l-inċineratur imsemmi ma jilħaqx temperaturi ogħla minn madwar ftit aktar minn 400 grad ċentigradu? Fid-dawl ta' dan kollu, jista' għal darba oħra jikkonferma kemm tkun il-flue gas exit velocity?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nikkonferma t-tweġiba mogħtija dwar il-flue gas exit temperature and velocity ta' l-Inċineratur ta' l-Isptar San Luqa, jiġifieri Temperatura ta' 906 grad centigrade, u veloċta' ta' 29.8m/s. Dawn ir-riżultati ġew iċċertifikati minn inġinier indipendenti mill-isptar, wara li uża l-apparat meħtieġ. Ninsab infurmat li d-dokument ikkwotatt mill-Onorevoli Interpellant, li sar f'Marzu 2003 jikkonferma li t-temperatura ta' madwar 400 grad centigrade kienet biss stima, billi l-inċineratur la għandu, u qatt ma kellu thermocouples u temperatue gauge. Il-bibljografija estensiva ta' l-istess dokument tinkludi ħafna kummenti fuq l-Inċineratur, iżda jien infurmat li, qatt ma sar xi studju xjentifiku biex jikkonfermahom.

Ta' Qali — Bini tal-crafts village

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol fuq il-bini tal-crafts village f'Ta' Qali? Fejn waslu l-pjani tal-gvern għal dan il-proġett?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Ministeru għal Iżvilupp Urban u Toroq qed jipprepara t-tenders għax-xogħol meħtieġ.

Fabbriki

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm fabbriki (bini) u kumpanniji joperaw fl-oqsma industrijali ta' Ħ'Attard, Bulebel, Ħal Far, Kordin, Ħal-Luqa, Marsa, Mosta, Imrieħel, Ricasoli, San Ġwann, Ta' Dbiegi, Ħal Safi/Kirkop u Xewkija? Kemm hemm ħaddiema jaħdmu f'dawn l-oqsma industrijali? Jista' jgħid kemm kienu l-fabbriki li waqqfu l-operat tagħhom bejn Jannar u Settembru 2006? Kemm kienu ilhom joperaw f'pajjiżna?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li n-numru ta’ fabbriki li joperaw mill-oqsma industrijali amministrati mill-Malta Industial Parks Ltd huma dawn: Attard: 18 Bulebel: 81 Hal Far: 55 Kordin Hutment area: 16 Kordin: 76 Luqa: 110 Marsa: 92 Mosta: 22 Mriehel: 24 Ricasoli: 24 San Gwann: 66 Ta' Dbiegi: 18 Tal-Karwija: 2 Kirkop: 2 Xewkija: 39 Total: 645 Rigward il-parti tal-mistoqsija parlamentari, fejn qiegħed jigi mistoqsi n-numru ta’ impjegati li qegħdin jiġu mħaddma mill-istess fabbriki, nitlob lill-Onor. Interpellant , jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat. Bejn Jannar u Settembru 2006 ġew lura f’idejn il-Malta Industrial Parks Ltd. 24 fabbrika. Iż-żmien ta' l-operat ta’ dawn il-fabbriki ivarja bejn is-sena 1973 u Settembru 2006.”
Leg 10 PQ #21056 Sitting 438 2006-10-16 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

White Rocks

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 16163, jista' il-Ministru jgħid jekk il-gvern ikkonsidrax x'ikun l-aħjar proġett għas-sit tal-White Rocks fl-interess ekonomiku tal-pajjiż? Jista' jgħid meta se jibda x-xogħol fuq dan il-proġett?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-ħsieb tal-Gvern huwa li tinħareġ sejħa ġdida fuq dan il-proġett. F'dik is-sejħa l-Gvern jindika l-prefernza tiegħu rigward x'tip ta' żvillup ikun qed jistenna minn dan il-proġett.

Belt Valletta — Bini tat-Teatru Rjal

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex waslu l-pjani tal-gvern biex tkun riabilitata z-zona ta' Bieb il-Belt u t-Teatru Rjal? Il-gvern għadu qiegħed jikkonsidra l-pjani mħabbra ftit tax-xhur ilu biex minflok it-Teatru Rjal ikun hemm il-bini tal-parlament?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Il-possibiltajiet biex tkun rijabilitata ż-żona ta' Bieb il-Belt u t-Teatru Rjal għadhom qegħdin jiġu studjati.

Mater Dei — IT tender

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid meta mistenni jsir l-adjudication ta' l-IT tender tal-Mater Dei? Jista' jikkonferma li s-sistemi neċessarji ta' l-IT se jkunu f'posthom qabel id-data tal-ftuħ ta' l-isptar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proċess ta’ l-evalwazzjoni tat-tender jinsab fl-aħħar fażi konkluż fil-ġimgħat li ġejjin. Meta poġġa t-tieni parti tal-mistoqsija tiegħu, l-Onorevoli Interpellant wera nuqqas ta’ apprezzament għal dak li ser jiġi kuntrattat. Is-sistemi u s-servizzi li ser jinxtraw huma mifruxin fuq bażi ta’ sħubija strateġika għal seba’ snin, bil-Gvern iżomm il-prerogattiva ta’ x’jimplimenta u meta jimplimenta f’idejh. Dak li l-Gvern ser ikun qiegħed jimplimenta fl-ewwel xhur tal-ftehim ser ikun ibbażat fuq il-business requirements li ġew artikolati fil-bidu ta’ dan il-proċess.

Dar Malta fi Brussell — Xogħol ta' kostruzzjoni

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid fiex wasal u meta se jitlesta x-xogħol ta' kostruzzjoni fuq Dar Malta fi Brussell u meta hu ppjanat li Dar Malta tibda tiffunzjona b'mod uffiċjali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kuntratturi ta’ Dar Malta avżawna li x-xogħolijiet ta’ kostruzzjoni se jitlestew sa l-aħħar ta’ Jannar 2007. Aħna nistennew li la darba l-għamara, ICT, is-sigurta’, it-trasferiment tan-nies u xogħolijiet oħra jitlestew, il-funzjoni uffiċjali ta’ Dar Malta tista’ tibda fl-ewwel tliet xhur tal-2007

Trasferiment ta' art lill-Gvern

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 20546 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin u cioe' billi waqt id-dibattitu dwar it-trasferiment ta' art lill-Gvern Amerikan għall-bini ta' ambaxxata ġdida jien bqajt mingħajr tweġiba għall-mistoqsija jekk is-sistema PISCES hijiex stand-alone system jew jekk xi gvern barrani għandux aċċess għat-tagħrif miġbur permezz tagħha dwar nies li jkunu deħlin l-ajruport ta' pajjiżna, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni attwali?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi s-sistema tal-PISCES qegħda tintuża fil-port controls ta' l-ajruport kif ukoll tas-seaport. Din is-sistema tiġbor informazzjoni li jkun hemm fuq il-passaport u l-moviment ta' persuni minn pajjiżi li m'humiex fl-Unjoni Ewropea. It-tagħrif li jinġabar fuq din is-sistema huwa għall-użu ta' l-awtoritajiet lokali u ma hi mqabbda ma' l-ebda sistema barra l-pajjiż.

Każ dwar Xogħol ta' Persuna

Question

Jista' il-Ministru jinvestiga għaliex persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ilha snin sħaħ biex minn general hand tilħaq supervisor?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li l-individwu, li d-dettalji tiegħu ngħataw mill-Onorevoli Interpellant, laħaq General Hand fil-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura fl-4 ta’ Frar, 1992. Minn dak in-nhar sa llum, ħarġu tlett sejħiet għal Supervisor f’dan il-Ministeru. Għall-ewwel żewġ sejħiet, l-individwu ma tefax applikazzjoni għal dawn il-postijiet. Huwa tefa’ applikazzjoni għas-sejħa taċ-Ċirkulari 121/01 tal-MPO, fejn ma ġiex magħżul għall-post ta’ Supervisor.

San Ġiljan — Swimming Pool bl-ilma infettat

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 20590, il-lukanda li rriferejt għaliha ilha żmien twil bis-swimming pool mimli ilma qiegħed li tinsab f'Bay Junction, San Ġiljan u li l-ilma tagħha kien u għadu infettat sal-lum, jista' il-Ministru jaċċerta li l-awtoritajiet tas-saħħa jidentifikaw il-post indikat u jieħdu l-passi meħtieġa fl-interess tas-saħħa pubblika, speċjalment tar-residenti fl-inħawi?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li fid-29 ta' Awissu 2006 waqt l-ispezzjoni l-uffiċjal tas-Saħħa Publika, kien muri swimming pool waħda, dik li qiegħda fuq il-bejt ta' l-istess kumpless. Għaldaqstant waqt spezzjoni oħra fl-4 ta' Ottubru fir-rigward tal-Mistoqsija Parlamentari Numru 20873 ġie kkonfermat li teżisti swimming pool oħra, fi trejqet il-Bajja San Ġiljan li huwa parti mill-istess kumpless. Dan huwa aċċessibbli minn passaġġ sotteran. Waqt l-ispezzjoni ġie kkonfermat li ammont t'ilma qiegħed , kien jeżisti ġo l-istess swimming pool. Il-fond indikat jidher li ġie meħud minn wieħed mill-banek kummerċjali u għalhekk inħareġ avviż lil l-istess bank sabiex isiru x-xogħlijiet meħtieġa. Wara li saret spezzjoni oħra minn uffiċjal tas-Saħħa Publika nhar il-Ġimgħa 6 ta' Ottubru 2006, fil-fond fi Trejqet il-Bajja, San Ġiljan ġie kkonfermat illi l-ilma qiegħed li kien hemm fis-swimming pool tneħħa u li l-istess pool ġie mnaddaf u diżinfettat. In oltre s-swimming pool ġie mgħotti b'materjal b'tali mod li ma tistax tidħol xita ġewwa fiħ.

Dipartiment tad-Djar

Question

Tista' il-Ministru tinvestiga l-każ ta' housing ta' mara anzjana li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li toqgħod ma' binha u qed tħallas Lm100 kera fix-xahar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-applikazzjoni għall-akkomodazzjoni alternattiva mill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' oħrajn simili. Ninsab infurmata wkoll li din il-persuna ilha tibbenefika mis-sussidju fuq il-kera minn Lulju 2006.

San Ġiljan — St Georges Road

Question

Billi ħafna sewwieqa spiss ma jindunawx biż-zebra crossing li hemm f'St Georges Road, San Ġiljan quddiem il-Pizza Hut, jista' isir xi lighting xieraq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari, saret spezzjoni fuq il-post minn uffiċjali għat-Taqsima għall-Immaniġġjar tat-Traffiku u l-Awtorita’ dwar it-Trasport ta’ Malta ser teżamina l-passi meħtieġa sabiex tali zebra crossing tiġi upgraded.

Gżira — Ċentru tas-Saħħa

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li qed ikun hemm dewmien kbir biex wieħed jinqeda miċ-ċentru tas-saħħa tal-Gżira, fejn nies ġieli jdumu madwar sagħatejn biex jieħdu l-pilloli?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-Risposta għall-Mistoqsija Parlamentari numru 18714.

Sptar San Luqa — Inċineratur

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 20326 tat-28 ta' Lulju 2006, jista' il-Ministru jwieġeb il-partijiet (g) u (h) tal-mistoqsija li jirriferu għal kemm huma l-flue gas exit temperature u l-flue gas exit velocity?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. interpellant li : g) Il-flue gas exit temperature meta l-emissjonijiet joħorġu mill-inċineratur tkun 906 degrees C. h)Il-flue gas exit velocity ta' l-inċineratur imsemmi normalment tkun 29.8 sec.

OPM — Direttur

Question

Jista' il-Prim Ministru jikkonferma min se jkun direttur fl-OPM dwar id-difiża b'effett mill-1 ta' Ottubru 2006? X'esperjenza għandha din il-persuna għal dan ix-xogħol? Fuq liema kriterji ntgħażlet? Xi kwalifiċi u taħriġ għandha għal dan il-post?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ħatriet ta’ Kapijiet ta’ Dipartiment isiru skond Artiklu 92 (4) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta fost uffiċjali pubbliċi anzjani. Ninsab infurmat li, wara l-ħruġ ta’ sejħa t’applikazzjonijiet għall-pożizzjoni ta’ Direttur (Affarijiet tad-Difiża) fl-Uffiċċju tiegħi, s-Sinjura Vanessa Frazier intgħażlet għal din il-pożizzjoni, b’effett mit-2 ta’ Ottubru 2006.
Leg 10 PQ #20795 Sitting 435 2006-10-09 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Arab League — Kopja tal-Memorandum

Question

Jista' il-Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-memorandum of understanding iffirmat ma' l-Arab League?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Memorandum of Understanding li ffirmajt fi New York fl-20 ta` Settembru mas-Segretarju Ġenerali tal-Lega ta' l-Istati Għarab. Kif spjegat fil-miri strateġiċi tal-Politika Barranija ta' Malta li ppubblika l-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin aktar kmieni din is-sena, Il-Gvern Malti jibqa' kontinwament ifittex li jsaħħaħ ir-relazzjoni politika bejn Malta u d-Dinja Għarbija. F'dan il-kuntest allura, Malta u l-Lega Għarbija ffirmaw Memorandum of Understanding li jipprovdi għal djalogu strutturat u laqgħat kull sena bejn il-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin ta' Malta u s-Segretarju Ġenerali tal-Lega Għarbija. Il-ftehim ġie ffirmat minni u minn Amr Moussa, Segretarju Ġenerali tal-Lega Għarbija nhar il-Ġimgħa 22 ta' Settembru 2006 fi New York waqt il-61 Sessjoni ta' l-Assembleja Ġenerali tal-Ġnus Magħquda. Inżid ukoll li, sussegwement għal dan il-ftehim, l-ALECSO (L-organizazzjoni dwar edukazzjoni, xjenza u kultura tal-lega għarbija) iffirmat ftehim ta` kooperazzjoni ma` l-Universita ta' Malta. Dan il-ftehim ġie iffirmat fil-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin nhar it-Tnejn 2 ta' Ottubru. Id-diskussjonijiet dwar dan il-ftehim kienu bdew waqt waħda miż-żjarat tiegħi fit-Tuneżija. Id-Direttur Ġenerali Dr Bousnina kien għal żjara uffiċjali f'Malta 'l Ġimgħa li għaddiet.