Legislature:
Category:
Reset
Active:

MCESD — Rapport tas-Sur JFX Zahra

Question

Jista' il-Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra r-rapport tas-Sur JFX Zahra dwar proposti għat-tisħiħ tal-MCESD?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi s’issa l-Kunsill ma ħa ebda deċiżjoni li r-rapport li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant għandu jsir pubbliku. Jekk ikun il-każ allura tittieħed l-azzjoni propiżja.

Sptar San Luqa — Inċineratur

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma jeżistux rekords uffiċjali jew estimi ta' l-ammonti ta' particulate matter jew fly ash li jiġu emessi fl-arja mill-inċineratur ta' l-isptar San Luqa? Jekk iva, jista' jipprovdi din l-informazzjoni għal dawn l-aħħar ħames snin?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-awtoritajiet ta' l-Isptar San Luqa la jagħmlu testijiet u għalhekk lanqas ma jżommu records ta' l-ammont ta' particulate matter jew fly ash li jiġu emmessi fl-arja mill-inċineratur ta' l-Isptar San Luqa. Testijiet simili isiru fl-inħawi mill-MEPA.

Każ ta' housing

Question

Tista' il-Ministru tara li tingħata konsiderazzjoni urġenti lill-każ ta' housing li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, minħabba l-kera li qed tħallas is-sinjura msemmija kif ukoll minħabba li tilfet id-dritt għad-dar matrimonjali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li fl-20 ta' Ottubru 2006, il-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ħadet id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali d-dokumenti mitluba u għalhekk issa l-applikazzjoni qed tiġi kkunsidrata.

ADT — Rotta 55

Question

Jista' il-Ministru jordna li l-ADT tinvestiga u tirrimedja l-inkonvenjent li qed isaqqfu wiċċhom magħhom ir-residenti tal-Għargħur li jkunu ġejjin mill-Belt, partikolarment meta dawk fuq ir-rotta 55 jaslu ħdejn iċ-ċimiterju ta' Ħal-Lija qed ikollhom jieqfu hemm, jaqsmu għal ħdejn il-car wash u jagħmlu nofs siegħa jistennew karozza oħra biex ittellagħhom il-Għargħur? Jekk dan qed isir minħabba xi xogħlijiet fin-Naxxar, jistgħu jiġu kkonsidrati rotot alternattivi temporanji minn San Ġwann jew l-Iklin?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
Leg 10 PQ #21431 Sitting 442 2006-10-24 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Management Efficiency Unit — Heritage Malta

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra r-rapport li l-management efficiency unit għamel dwar l-MCR ta' Heritage Malta?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ir-rapport mitlub mill-Onor. Interpellant huwa rapport ta’ konsulenza. Ma nħossx li għandi nippubblikah. Ir-rakkomandazzjonijiet li hemm fir-rapport, li l-Gvern kien jaqbel magħhom, ġew implimentati.

Gżira Health Centre

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma ilmenti li wasluli mingħand kostitwenti mill-Gżira li stqarrew li staff tal-Gżira health centre qalulhom li l-equipment ta' l-x-rays huwa qadim u għalhekk ġieli jkollhom jieħdu l-istess x-rays aktar minn darba?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qegħdin nindagaw l-allegazzjonijiet imsemmija fil-Mistoqsija. Risposta tingħata f'xi Seduta oħra.

SmartCity

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma d-diffikultajiet li qegħdin iżommu lill-Gvern Malti milli jilħaq ftehim dwar SmartCity?

Response (GATT, AUSTIN)

L-akbar diffikulta hi l-Oppażizzjoni li jidher li qed taghmel minn kollox biex tkisser il-kredibilita' ta Malta bħala post attraenti għall-investiment barrani izda jien ċert illi l-investituri jirrikonoxxu li fis-snin li ġejjin, l-Oppożizzjoni sejra tibqa' l-istess - fl-Oppożizzjoni - u konsegwentament m'għanniex għax ma nirbħux fuq dan it-tfixkil.

Dolceria f'San Ġwann

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi ħadu l-pulizija dwar il-fatt li dolceria f'San Ġwann li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, qegħda topera kontra l-liġi minkejja li d-diriġenti tilfu kawża fil-qorti tant li skond rapporti li wasluli mill-ġirien qegħda topera kważi 24 siegħa kuljum, fejn b'konsegwenza ta' dan qegħda toħloq irwejjaħ, ħsejjes u inkonvenjent għal dawn ir-residenti f'ħinijiet varji tal-ġurnata? Jista' jiġi kkonfermat jekk dan id-dulċier hux qiegħed jopera skond il-provvedimenti tal-liċenzja li għandu u jekk fil-fatt għandux liċenzja biex jopera?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija għamlet u ser tkompli tagħmel spezzjonijiet fl-istabbiliment imsemmi mill-Onor. Membru. Infurmat ukoll illi kull meta rriżulta li kien hemm xi ksur tar-regolamenti jew tal-kondizzjonijiet tal-liċenzja, l-Pulizija dejjem ħadet passi skond il-liġi. Fil-fatt infurmat ukoll illi kien hemm diversi proċeduri puddiem il-Qorti li ġew deċiżi, filwaqt li hemm oħrajn li għadhom pendenti quddiem il-Qorti.

Każ ta' housing

Question

Tista' il-Ministru tinvestiga każ ta' housing ta' familja anzjana li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li għadhom ibatu minn flooding kull maltempata li tagħmel?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali ma għandux applikazzjoni pendenti mill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant.

Każ dwar sussidju fuq kera

Question

Tista' il-Ministru tinvestiga s-sussidju fuq il-kera ta' familja mill-Imsida li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament minħabba li din il-familja għandha missierha invalidat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li s-sussidju fuq il-kera tal-familja ndikata mill-Onor. Interpellant inħadem din is-sena skond il-kuntratt iffirmat f'Ġunju 2002.

Każ dwar Lift

Question

Tista' il-Ministru tinvestiga l-ilment ta' familja mill-Imsida li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li għandhom il-lift li dejjem jeqfilhom meta tagħmel ix-xita?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għalkemm ir-responsabbilta' għall-manutenzjoni ta' lifts f'appartamenti tal-Gvern hi ta' l-inkwilini, peress li l-indirizz indikat mill-Onor. Interpellant qiegħed f'erja magħrufa li żżomm l-ilma tax-xita, għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar biex jinvestiga u jieħu l-azzjoni meħtiega possibbli.

Imsida — Triq il-Wied

Question

Jista' il-Ministru jara li jinżabru s-siġar kbar li hemm fis-centre strip ta' Triq il-Wied, Imsida?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dawn is-siġar fis-centre strip ta’ Triq il-Wied, Imsida ser jinżabru matul il-gimgħa dieħla.

Każ dwar Housing Inspection

Question

Tista' il-Ministru tara li ssir housing inspection ta' fond fl-Imsida li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali ma għandu ebda applikazzjoni mill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant. Ninsab infurmata wkoll li, minn riċerka li għamel l-istess Dipartiment, ma rriżultax li persuna bl-isem u l-kunjom indikati toqgħod fi Triq il-Wied, l-Imsida.
Leg 10 PQ #21293 Sitting 441 2006-10-23 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Għajn Tuffieħa — Golf course

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 21060 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u li issa ġiet riferuta lilu, jista' il-Ministru jgħid jekk il-gvern għadx għandu l-ħsieb li tkun żviluppata golf course fl-inħawi ta' Għajn Tuffieħa? Meta se tittieħed deċiżjoni finali dwar l-iżvilupp ta' din il-golf course? Hemm pjani minn naħa tal-gvern biex tkun żviluppata xi golf course oħra fil-gżejjer Maltin u Għawdxin?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Defence Director

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi t-tieni u t-tielet parti tal-mistoqsija parlamentari 20794 dwar id-defence dirctor fl-OPM?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li għar-rigward ta’ ħatriet ta’ Kapijiet ta’ Dipartimenti, issir rakkomandazzjoni għal ħatra wara li jintagħżel l-uffiċċjal l-aktar idoneju għal din il-pożizzjoni partikolari li tagħha tkun ħarġet is-sejħa. Nassigura lill-Onor Interpellant li l-persuna appuntata għandha l-kwalifiċi, t-taħriġ u l-esperjenza neċessarji għall-kariga li nħatret fiha, in vista tal-pożizzjonijiet varji li kienet tokkupa tul il-perijodu li ħadmet mal-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin.

IMF — Laqgħa Annwali

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid min irrappreżenta lil Malta fil-laqgħa annwali ta' l-IMF li saret dan l-aħħar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li waqt il-laqgħa annwali ta’ IMF, Malta kienet ġiet rappreżentata minn Michael Bonello, Governor Bank Ċentrali kif ukoll minn Alfred De Marco, Temporary Alternate Governor Bank Ċentrali

Servizz Pubbliku — Reduce Hours

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk hux se jestendi l-kundizzjoni tax-xogħol li tirregola li mara tista' taħdem mal-gvern b'reduced hours anke wara li t-tfal tagħha jkunu qabżu l-age limit ta' 12-il sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-benefiċċju li mpjegat mal-gvern jistgħu jaħdmu bir-‘reduced hours’ sakemm it-tfal jilħqu l-eta’ ta’ tnax-il sena għadu kif ġie ntrodott fil-Ftehim Kollettiv għas-sena 2005 sal-2010, għall-impjegati fis-servizz pubbliku. Għalhekk m’huwiex previst li dan il-benefiċċju jiġi estis fil-futur qrib.

Sussidju fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma

Question

Tista' il-Ministru tinvestiga jekk persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tikkwalifikax għal sussidju fuq il-kontijiet ta' l-ilma u l-elettriku billi għandha tifla ta' 35 sena permanently disabled u bed-ridden?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.

Għajn Tuffieħa — Golf course

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-gvern għadx għandu l-ħsieb li tkun żviluppata golf course fl-inħawi ta' Għajn Tuffieħa? Meta se tittieħed deċiżjoni finali dwar l-iżvilupp ta' din il-golf course? Hemm pjani minn naħa tal-gvern biex tkun żviluppata xi golf course oħra fil-gżejjer Maltin u Għawdxin?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat

Msida — Abbużi mid-droga

Question

Jistgħu l-pulizija jieħdu passi dwar id-diversi abbużi bid-droga li qed ikun hemm f'Dock Str, Msida fil-parti li tagħlaq bil-ħadid, kif jikkonfermaw id-diversi siringi li wieħed isib ma' l-art?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija qed tagħmel u ser tkompli tagħmel spezzjonijiet fl-inħawi imsemmija mill-Onor. Interpellant.