Legislature:
Category:
Reset
Active:

Karta r-Roża

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament inqatgħatilha l-entitlement għall-karta r-roża?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.

Imsida — Każ dwar Garage

Question

Billi fond fl-Imsida li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament se jittieħed mingħand il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li kien jużah bħala store għall-ispare parts tal-garage tiegħu fil-Gżira stess, tista' il-Ministru tgħid jekk hux se jingħata xi kumpens għal dan?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Awtorita' tad-Djar toffri post alternattiv lir-residenti ta' djar kif ukoll ħanut alternattiv lil min l-għajxien tiegħu jkun jiddependi mill-ħanut fejn dawn ikunu milquta minn proġett ta' twaqqiegħ ta' bini. Dan ma japplikax fil-każ tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant. Ninsab infurmata li din il-persuna ġiet infurmata b'dan f'laqgħa li kellha mal-Panel ta' l-Urban Renewal.
Leg 10 PQ #21889 Sitting 460 2006-11-13 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Sptar Sir Paul Boffa

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21819 u jikkonferma li l-isptar Sir Paul Boffa se jsir lukanda?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi l-isptar Sir Paul Boffa se jibqa jintuża bħala sptar ta' l-onkoloġija sakemm jittlesta l-isptar ta' l- onkoloġija ġdid ġewwa Zammit Clapp. Huwa jkun prematur illi wieħed joqgħod jispekula x'se jsir wara u f'kull każ il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura u l-Awtorita' tat-Turiżmu m'għandhom l-ebda applikazzjoni għal żvillup ta' lukanda f'dan is-sit.
Leg 10 PQ #21923 Sitting 460 2006-11-13 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Libja — Mixed Commission Meeting

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li l-mixed commission meeting mal-Libja ġiet posposta? X'wassal għal dan?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Fuq talba tal-Gvern Libjan id-dati tal-Mixed Commission iċċaqalqu. Ninsabu informati mill-Gvern Libjan illi d-dati ġew posposti b`ġimgħa minħabba li kienu viċin wisq (back - to - back) mal-EU - Africa Ministerial Conference on Development and Migration f`Tripli u allura kien impossibli li l-uffiċjali Libjani jkunu preżenti fiż-żewġ laqgħat.

Sptar Mater Dei — Hardware

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk id-dipartiment tal-kuntratti allokax tender għall-hardware għall-isptar Mater Dei? Jekk iva, min ħa dan il-kuntratt? Kemm jiswa? Meta ġie allokat? Il-kuntratt jippermetti sub-contracting fil-provvista tal-hardware? Jekk iva, dan is-sub-contracting sar? U lil min?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jispeċifika u jagħti aktar dettal sabiex it-tweġiba tkun tista tingħata b’mod korrett.

San Ġwann — Bus 41

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li Bus 41 mhijiex tgħaddi minn San Ġwann regolarment kull nofs siegħa?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li preżentament din ir-rotta qed issir kif suppost, jiġifieri kull nofs siegħa. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jekk għandu xi każ partikolari, jinfurmani bid-data u l-ħin sabiex l-ADT tkun tista' tagħmel spot checks fuq din ir-rotta.

Kappara — Sliema Road

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta hu maħsub li tiġi asfaltata Sliema Road, Kappara?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 21791.

Gżira — Triq Turu Rizzo

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li meta tiġi asfaltata Triq Turu Rizzo, Gżira jsiru l-culverts meħtieġa minħabba l-flooding ta' garages li jkun hemm ma' kull maltempata?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi Triq Turu Rizzo fil-Gżira hija waħda mit-toroq inklużi fil-program ta' kostruzzjoni ta' toroq li jridu jsiru mill-ADT bejn is-sena 2006-2008. F'dan il-program hemm inkluż ukoll il-bini ta' culverts fit-triq imsemmija.

Sptar San Luqa — Inċineratur

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 21442 u 21610 u jikkonferma jekk jeżistux rekords uffiċjali jew estimi ta' l-ammonti ta' particulate matter jew fly ash li jiġu emessi fl-arja mill-inċineratur ta' l-isptar San Luqa? Jekk iva, jista' jipprovdi din l-informazzjoni għal dawn l-aħħar ħames snin?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) bħallissa qegħda fil-proċess li twaqqaf network ta’ stazzjonijiet għall-monitoraġġ ta’ l-arja madwar Malta u Għawdex, inkluża l-emissjoni ta’ particulate matter jew fly ash emess mill-inċineratur ta’ l-Isptar San Luqa. Fil-fatt digà twaqqaf wieħed minn dawn l-istazzjonijiet fl-Imsida. Dan sejjer ikun qiegħed jiġbor informazzjoni dwar il-kwalità ta’ l-arja fl-inħawi u jkejjel ukoll l-ammont ta’ particulate matter fl-arja, li jinkludi wkoll dik il-frazzjoni ta’ particulate matter li tkun ġejja mit-traffiku fl-inħawi.
Leg 10 PQ #21764 Sitting 452 2006-11-02 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Affarijiet Barranin — Delegazzjonijiet

Question

Jista' il-Ministru jagħti breakdown dettaljat tad-ditti kummerċjali li għamlu parti minn delegazzjonijiet li mexxa hu u/jew fejn akkumpanja lill-President tar-Repubblika fis-sena 2005 u fl-2006 sal-lum? Dan it-tagħrif huwa mitlub skond kull delegazzjoni individwali.

Response (FRENDO, MICHAEL)

Id-dettalji huma kif ġej: Fl-2005, ġew organizzati delegazzjonijiet kummerċjali għall-Finlandja, l-Irlanda, l-Indja, l-Eġittu, ir-Repubblika Ċeka u Spanja. Fl-2006, il-Ministeru ta` l-Affarijiet Barranin organizza delegazzjonijiet kummerċjali lejn it-Tuneżija (darbtejn), Kroazja (darbtejn) u l-Latvja. B`sodisfazzjon ninnota li l-interess f`dawn l-inizzjattivi kummerċjali mis-settur privat kif ukoll mill-korpi kostitwiti u l-aġenziji tal-Gvern, żdied sostanzjalment meta wieħed iqabbel il-figuri ta` l-2005 ma` l-2006. Fil-fatt din is-sena ġiet reġistrata żieda ta` 57% fil-parteċipazzjoni meta mqabbel ma` l-2005. Is-sena li ġejja, l-Ministeru ta` l-Affarijiet Barranin se jkompli b`din il-ħidma fil-kuntest tar-responsabbilta` għall-qasam tal-kumerċ internazzjonali. Kif diġa ħabbart ftit taż-żmien ilu s-sena d-dieħla hu mistenni li mmexxi delegazzjoni Kummerċjali fiċ-Ċina u possibilment anke f` pajjiżi oħrajn. Din il-ħidma qed titwettaq mill- Economic & Cultural Diplomacy Unit fi ħdan il-Ministeru ta` l-Affarijiet Barranin fil-kuntest tal-miri strateġiċi li ħabbart aktar kmieni din is-sena. Ma naħsiebx li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant dwar ismijiet ta` ditti kummerċjali għandha tinħareġ fil-pubbliku mingħajr il-permess tad-ditti nnifishom. Hija prattika tal-Ministeru ta` l-Affarijiet Barranin li jsir Avviż fil-ġurnali ta` kuljum dwar min jixtieq jagħmel parti minn dawn id-delegazzjonijiet. Jiena stess ukoll kelli laqgħat mal-Kumitat Eżeguttiv tal-Kamra tal-Kummerċ dwar dawn il-laqgħat ma` uffiċjali ta` organizzazjonijiet li jirrappreżentaw is-settur privat.

ADT — Rotta nru. 55

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21296 u jordna li l-ADT tinvestiga u tirrimedja l-inkonvenjent li qed isaqqfu wiċċhom magħhom ir-residenti tal-Għargħur li jkunu ġejjin mill-Belt, partikolarment meta dawk fuq ir-rotta 55 jaslu ħdejn iċ-ċimiterju ta' Ħal-Lija qed ikollhom jieqfu hemm, jaqsmu għal ħdejn il-car wash u jagħmlu nofs siegħa jistennew karozza oħra biex ittellagħhom il-Għargħur? Jekk dan qed isir minħabba xi xogħlijiet fin-Naxxar, jistgħu jiġu kkonsidrati rotot alternattivi temporanji minn San Ġwann jew l-Iklin?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minħabba li hemm ix-xogħlijiet għaddejjin fin-Naxxar, fuq bażi temporanja l-passiġieri li jkunu ġejjin mill-Belt qed ikollhom jieqfu ħdejn il-car wash ta' Ħal Lija biex jaqbdu s-servizz li hemm mill-Iklin lejn il-Għargħur kull nofs siegħa. Sabiex tintlaħaq iż-żieda fid-domanda li jkun hemm bejn il-5.30 u 8.30 ta' filgħodu, qiegħed jiġi provdut servizz dirett mill-Belt għall-Għargħur via Iklin.

MEPA — Sptar San Luqa

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21442 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita' u li issa ġiet riferuta lilu, u jikkonferma jeżistux rekords uffiċjali jew estimi ta' l-ammonti ta' particulate matter jew fly ash li jiġu emessi fl-arja mill-inċineratur ta' l-isptar San Luqa? Jekk iva, jista' jipprovdi din l-informazzjoni għal dawn l-aħħar ħames snin?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li risposta għal din il-mistoqsija tingħata f’seduta oħra.

Gżira — Bus stop f'Msida Road

Question

Tista' tingħata konsiderazzjoni lit-talba ta' diversi residenti ta' Msida Road, Gżira biex tiġi revokata d-deċiżjoni ta' l-ADT li jċaqilqu b'xi 20 metru l-bus stop li kien hemm quddiem il-KFC bil-konsegwenza li qed jinġabru ħafna żgħażagħ fuq it-turġien tar-residenti?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ADT ser tikkunsidra din it-talba.
Leg 10 PQ #21486 Sitting 444 2006-10-27 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Għajn Tuffieħa — Golf course

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 21060 u 21293 u jgħid jekk il-gvern għadx għandu l-ħsieb li tkun żviluppata golf course fl-inħawi ta' Għajn Tuffieħa? Meta se tittieħed deċiżjoni finali dwar l-iżvilupp ta' din il-golf course? Hemm pjani minn naħa tal-gvern biex tkun żviluppata xi golf course oħra fil-gżejjer Maltin u Għawdxin?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

F'dan l-istadju m'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 21293.

Bejgħ ta' Lukanda

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta l-gvern jasal biex ibigħ il-lukanda Selmun Maritim, il-gvern se jagħmel xi kondizzjoni fuq ix-xerrejja l-ġodda dwar l-istatus tal-ħaddiema preżenti? Jikkonferma li l-ftehim mal-kumpannija Accor se jintemm fl-aħħar ta' dan ix-xahar?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat illi t-tender għall-bejgħ tas-Selmun Maritim għadu ma tlestiex u għalhekk ir-risposta ma tistax tingħata għalissa. Nikkonferma illi b'effet mill-1 ta' Novembru ta' din is-sena l-kumpanija Accor m'hix ser tibqa tmexxi din il-lukanda. Mill-istess data, din il-funzjoni ser tibda ssir mill-impjegati tal-kumpanija.
Leg 10 PQ #21551 Sitting 444 2006-10-27 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Scholarships

Question

Jista' il-Ministru jekk jogħġbu jikkonfermali mill-ischolarships li ħareġ dan l-aħħar il-gvern, kemm applikaw studenti fl-Ekonomija? Huwa minnu li kien wieħed biss u dan ma ġiex magħżul minkejja li għandu l-kwalifiċi kollha?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin joħroġ mas-17 il-call for applications fis-sena għal scholarships barra minn Malta. Billi d-domanda mhix ċara biżżejjed biex nkun nista nirrispondi għaliha, nitlob lill-Onorevoli Interpellant li jispeċifika l-ischolarshipjew scholarship li għalih qed jirreferi. Tajjeb ukoll li l-Onorevoli Interpellant jinnota li huwa numru limitat biss mill-ischolarships kollha li joħroġ il-Gvern li jinħarġu mill-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin.

Belt Valletta — Karrozzini

Question

Jista' il-Ministru jara jekk jistgħux isiru arranġamenti għad-drenaġġ fil-venda tal-karozzini quddiem il-Palazz, il-Belt għal raġunijiet ovvji ta' iġene?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ser tinvestiga x'jista jsir dwar is-suġġeriment ta' l-Onorevoli Interpellant.

San Ġwann — Naxxar Road - cable tad-dawl

Question

Jista' il-Ministru jitlob lill-Enemalta biex jieħdu passi għaliex minkejja diversi ilmenti mill-pubbliku, għad hemm cable tad-dawl imdendel b'periklu f'Naxxar Road, San Ġwann qrib l-uffiċini ta' Frank Salt Real Estate Co. u r-residenza nru. 143 fl-istess triq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li minn investigazzjonijiet ta' l-Enemalta li saru fuq il-post imsemmi, jirriżulta li l-cable imsemmi mhux tad-dawl.