Jista' l-Ministru jinvestiga l-ilment ta' diversi residenti tal-Gżira dwar l-ammont ta' ġrieden li qed ikun hemm fl-inħawi tal-ġnien u tal-bandli tal-Gżira?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li uffiċjali fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika spezzjonaw il-postijiet indikati fit-22 ta' Frar, iżda ma ġie nnutat l-ebda sinjal ta' infestazzjoni ta' ġrieden.
Madankollu ħaddiema tal-Pest Control fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, għamlu trattament intensiv fl-akkwati msemmija fl-1, is-7 u t-13 ta' Frar u reġa sar trattament ieħor fit-22 ta' Frar 2007. Din iż-żona ser tinżamm taħt sorveljanza minn din is-sezzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna mill-Gżira li isimha qed jintbagħat separatament, għadu ma kkwalifikax għall-istipendju fil-kors tal-hairdressing li qed isegwi fl-MCAST?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istudent li għalih qed jagħmel referenza l-Onor. Membru hu wieħed minn dawk li ser jirċievu l-istipendju f'Marzu b'effett minn Ottubru 2006, wara li l-Bord ta' Għotjiet ta' Manteniment għall-iStudenti (Students Maintenance Grants' Board) ikkunsidra u laqa' t-talba tagħhom.
Nirriferik ġentilment għall-każ ta' housing ta' single mother b'żewġ ulied li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li qalet li għandha każ urġenti. Tista' jekk jogħġbok tinvestiga dan il-każ fuq il-merti tiegħu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jien infurmata illi l-applikazzjoni qed tiġi kkunsidrata flimkien ma’ oħrajn simili.
Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja u Intern — Żjara fl-Awstralja
Question
Il-Viċi Prim Ministru jħoss li huwa etiku li huwa rrappurtat li se jżur l-Awstralja ftit jiem biss qabel l-elezzjonijiet li se jsiru fi New South Wales, meta l-pajjiż ikun fl-eqqel tal-kampanja elettorali? Qed jiġu ppjanati taħditiet fuq livell ta' gvern ma' l-awtoritajiet Awstraljani in konnessjoni ma' din iż-żjara?
Response (BORG, TONIO)
Jiena ser nattendi l-Konferenza tal-Commonwealth f'Auckland, New Zealand fl-aħħar ta' Marzu dwar il-Gvern Lokal, flok il-Prim Ministru, waqt il-Presidenza ta' Malta tal-Commonwealth. Qabel ma nattendi għal din il-Konferenza, ser nieqaf l-Awstralja, sabiex niddiskuti il-proposti għal estensjoni taċ-ċittadinanza lit-tieni ġenerazzjoni mwielda barra minn Malta, mal-komunitajiet Maltin.
Ma naħsibx li dil-kwestjoni għandha xi effett fuq l-elezzjonijiet fl-istat ta' New South Wales.
Iva qed jiġu ppjanati taħdidiet kemm fuq livell ta' gvern ta' l-Istati, u anki fuq livell federali.
Jista' l-Ministru jindika fl-iskejjel primarji kemm hemm PCs li għandhom obsolete hardware ta' għaxar snin jew aktar u li jbatu minn slow internet connectivity?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' PCs fl-iskejjel primarji li nxtraw aktar minn għaxar snin ilu huwa ta' 1375. Inbeda proċess biex dawn jinbidlu b'oħrajn ġodda.
Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk huwiex sejjer jinħareġ tender pubbliku biex jiġi mixtri l-apparat tad-dual pricing li jidher li huwa ppjanat li jingħata lil dawk in-negozji li daħlu fis-sistema FAIR marbuta mad-dħul tal-euro f'pajjiżna? Dan japplika wkoll għal calculators li sejrin jingħataw lil households Maltin u Għawdxin f'dan ir-rigward?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Kif jaf l-Onorevoli Interpellant, ir-Regolament ta’ l-2005 dwar il-Kuntratti Pubbliċi jipprovdu għal metodi varji għal akkwist pubbliku, taħt kriterji li huma uniformi mal-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea.
Minħabba l-fatt li lokalment ma jeżistux manifatturi ta’ l-apparat li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant, il-Gvern mexa ma’ dawn il-kriterji u, fl-ispirtu ta’ l-aħjar valur għall-fondi minfuqa u l-iskadenzi li għandu quddiemu, beda proċess ta’ negozjati b’mod dirett ma’ kumpaniji barranin.
Fil-każ ta’ converters li ser jingħataw lill-konsumaturi, il-Gvern għaddej fi trattativi ma’ bank kummerċjali li huwa interessat li jipprovdi dawn il-converters b’xejn.
Tista' l-Ministru tgħid xi pjani għandu l-gvern biex jinkoraġixxi l-firxa tat-teleworking?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Gvern hu mpenjat li jippromwovi inizjattivi li permezz tagħhom jintlaħaq bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja li jgħinu wkoll biex tiżdied il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol. Kien għalhekk li matul l-2005 u l-2006, il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni ta’ l-Ugwaljanza mexxiet numru ta’ proġetti, parzjalment finanzjati mill-Unjoni Ewropea, fosthom proġett pilota dwar teleworking.
Waqt dan il-proġett, erba’ uffiċjali pubbliċi, li kienu qed jaħdmu fuq siegħat imnaqqsa ta’ xogħol, ġew magħżula biex jaħdmu fuq sistema ta’ teleworking. Dan il-proġett kien jinkludi wkoll studju dwar sitwazzjonijiet fejn kienet qed tintuża din is-sistema fis-settur pubbliku. Ninsab infurmata li dan il-proġett wera biċ-ċar li t-teleworking iħalli riżultati tajbin għax jgħin biex ikabbar il-produttivita’ u fl-istess ħin jilħaq l-iskop li jikkreja aktar bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja.
Ninsab infurmata li bħalissa qed jiġu preparati linji gwida dwar din is-sistema biex tiddaħħal u tinfirex fis-servizz pubbliku kollu.
Rigward Dar Malta fi Brussels, tista' tikkonferma li l-ispiża fil-manutenzjoni u xogħlijiet oħra f'Dar Malta ma qabżitx l-ispiża stmata ta' Lm2.5 miljun? Tkun lest toħroġ lista ta' kif inqasmu dawn l-ispejjeż? Xi żviluppi kien hemm fid-diffikultajiet ta' tassazzjoni li sab il-gvern Malti meta ġie biex jikri partijiet minn Dar Malta lil terzi għal skopijiet kummerċjali? Kien hemm soluzzjoni għal din il-problema? Instabu kumpanniji lesti li jikru partijiet minn Dar Malta? Kien hemm xi ftehim ma xi kumpanniji f'dan ir-rigward? Meta huwa mistenni li l-Gvern Malti jibda jdaħħal il-flus minn dawn il-kirjiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema jaħdmu fl-oqsma industrijali ta' Ħ'Attard, Bulebel, Ħal Far, Kordin, Ħal-Luqa, Marsa, Mosta, Mrieħel, Ricasoli, San Gwann, Ta' Dbieġi, Ħal Safi/Hal Kirkop u Xewkija?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta’ ħaddiema li kienu qed jaħdmu sa l-aħħar ta’ Settembru 2006, fl-oqsma industrijali msemmija, huwa kif ġej:
Żona Industrijali
Numru ta’ ħaddiema
Ħ’Attard
151
Bulebel
4,624
Ħal Far
2,636
Kordin
1,037
Ħal-Luqa
243
Marsa
3,619
Mosta Technopark
930
Mrieħel
1,414
Ricasoli
nil
San Ġwann
1,595
Ta’ Dbieġi
44
Ħal Kirkop
2,632
Xewkija
419
Informat ukoll li l-figuri ta’ kemm hemm ħaddiema f’dawn l-oqsma industrijali huma bbażati fuq lista ta’ fabbriki u kumpaniji li ġiet provduta lil ETC mill-Malta Industrial Parks.
Jista' l-Ministru jgħid kemm qed iħaddmu nies illum il-kumpanniji li kienu megħjuna mill-MDC/Malta Enterprise sena b'sena mill-1999 sa l-2005 biex iwaqqfu impriża f'Għawdex?
Tista' l-awtorita' dwar it-trasport tirrikonsidra mill-ġdid it-talba rrifjutata għal reserved parking mill-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatment, minħabba ċ-ċertifikati mediċi ta' speċjalisti dwar il-kondizzjoni tal-qalb tiegħu?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li t-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku reġgħet ikkunsidrat it-talba għal Reserved Parking li għaliha qed tirreferi din il-mistoqsija parlamentari iżda irriżulta li kemm it-tabib mediku ta’ l-applikant kif ukoll it-tabib mediku ta’ l-Awtorita’ Dwar it-Trasport iddikjaraw li l-applikant m’għandux problemi severi ħafna ta’ mobilita’.
Iżda l-applikant għandu l-faċilita’ li jappella d-deċiżjoni tal-Bord tal-Parkeġġ Riservat għal Persuni b’Diżabbilita’ għand ir-
Review Panel
, Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita’, Triq il-Kbira San Ġuzepp, Santa Venera.
Minħabba l-periklu li jinsab fih il-fond li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, tista' l-Ministru tgħid fiex wasal dan il-każ urġenti ta' housing?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt lid-Dipartiment konċerant biex jagħmel spezzjoni immedjata biex jiġi verifikat il-periklu li rrefera għalih.
Hemm xi pjani li tiġi xolta l-kumpanija ta' l-Armata ADSC li qabel kienet l-Air Defence Battery? Huwa minnu li diversi membri tagħhom talbu li jitilqu minn hemm għax iħossu ruħhom demotivati iżda t-talba tagħhom baqgħet bla tweġiba?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Tista' l-awtorita' dwar it-trasport tikkonsidra traffic management arrangementsġodda fi Triq Guze Ellul Mercer, Swatar li possibilment jinkludu sleeping policemen għaliex minn mindu saru arranġamenti ġodda fit-toroq fil-qrib tagħha, il-volum tat-traffiku u l-veloċita' tal-karozzi fit-triq żdiedu sostanzjalment b'inkonvenjent u b'periklu għar-residenti ta'din it-triq?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima ta’ l-Immaniġjar tat-Traffiku rriżulta li sa minn 2004 ma kien hemm l-ebda talba mill-Kunsill Lokali ta’ l-Imsida għal arranġamenti ġodda fi Triq Ġuże’ Ellul Mercer.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li l-gvern irrifjuta xi permessi għall-ftuħ ta' spiżerija fis-Swatar?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skond is-sistema ta’ l-informatika ta’ l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambent u l-Ippjanar (MEPA), meta wieħed ifittex għall-applikazzjonijet li għandhom il-kliem 'spiżerija', 'pharmacy' jew 'chemist' fil-proposta u 'Swatar' fl-indirizz, kien hemm applikazzjoni waħda għal spiżerija fis-Swatar li ġiet rifjutata. In-numru ta' din l-applikazzjoni huwa PA6686/94 u din kienet rifjutata fil-25 ta' Jannar 1999.
Din ġiet rifjutata primarjament għax il-bini ma offriex aċċess adegwat għan-nies bi bżonnijiet speċjali, l-anzjani u t-tfal fi
prams
.
Il-proposta tmur kontra para. 4.2 tal-
policy paper
imsejħa “
Parking Provision for Local Shops, Offices and Catering Establishments
” li tgħid li m’għandux jitħalla l-bdil fl-użu ta’ garaxxijiet taħt il-livell ta’ l-art għal ħwienet.
Tista' tinvestiga lmenti li rċevejt mingħand familjari ta' residenti fid-dar ta' l-anzjani tal-gvern fl-Imsida dwar l-istandard baxx ta' l-ikel u l-livell ta' servizz u indafa għar-residenti tal-home? Jekk dan huwa minnu, dan jista' ikun ġej minn xi understaff tal-personnel tal-home?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor Interpellant li kull darba li seta' kien hemm xi lment dwar l-istandard ta' l-ikel fl-Msida Home dan ġie rrapurtat mill-Head of Home dak inhar stess lill-kuntrattur li minn naħa tiegħu jieħu ħsieb jindirizza l-ilment dak in-nhar stess jew l-għada.
Dwar il-livell ta' servizz u ndafa għar-residenti ta' l-Msida Home dan għadu jingħata bħal ma kien. Pero' peress li d-dipendenza ta' l-anzjani kibret, żdied ukoll l-ammont ta' xogħol, kemm ta' caring kif ukoll ta' tindif.
It-Tarzna ta' Malta kemm ħadet ordnijiet mill-Istati Uniti u mill-flotot navali tagħha fis-snin 2005 u 2006? Hemm prospetti ta' ordnijiet minn dan il-pajjiz fil-ġejjieni qarib?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li fis-snin 2005 u l-2006 kien hemm 15-il vapur minn kumpaniji Amerikani li daħlu fit-tarzna ta' Malta.
Fl-istess żmien ma daħal l-ebda vapur mill-flotot navali ta' l-Istati Uniti.
Fix-xahar ta' Marzu 2007 hemm vapur tal-passiġġieri minn kumpanija Amerikana li se jidħol it-tarzna għal xi xogħolijiet.
Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk huwiex sejjer jinħareġ tender pubbliku biex jiġi mixtri l-apparat tad-dual pricing li jidher li huwa ppjanat li jingħata lil dawk in-negozji li daħlu fis-sistema FAIR marbuta mad-dħul tal-euro f'pajjiżna? Dan japplika wkoll għal calculators li sejrin jingħataw lil households Maltin u Għawdxin f'dan ir-rigward?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.