Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pilloli tal-pressjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-outpatients li jieħdu l-Lopcress għall-pressjoni u l-Bagopic iridu jmorru għalihom l-isptar u m'humiex jinqdew miċ-ċentri tas-saħħa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Filwaqt illi s-sistemi tal-Gvern jidentifikaw mediċini fuq bażi ta' l-isem ġeneriku u d-doża tagħhom, is-servizzi farmaċewtiċi tal-Gvern ma setgħux jaċċertaw liema huma l-mediċini msemmijin. Nitlob għalhekk lill-Onor. Interpellant biex ikun aktar speċifiku dwar liema mediċini qed jirreferi għalihom.

Konsum ta' l-ilma

Question

Tista' l-Water Services Corporation tinvestiga l-ilment tal-familja, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li l-konsum ta' l-ilma tagħhom dan l-aħħar qed jiġi recorded ferm ogħla minn qabel meta skond huma l-konsum attwali baqa' l-istess?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li r-raġuni għalfejn kien hemm żieda fil-kont hija illi d-dar tal-familja indikata mill- Onorevoli Leo Brincat, kellha l-arloġġ ta’ l-ilma wieqaf. Fil- fatt minn Ġunju 2000 sa Mejju 2005 il-qari ta’ l-arloġġ ta’ l-ilma baqa dejjem l-istess. Matul dan il-perjodu, il-kontijiet ta’ l-ilma ħarġu fuq stimi u kien hemm ukoll xi perjodi fejn il- kont kien ikopri kera ta’ l-arloġġ biss. Fl-2005 kien ġie installat arloġġ ġdid u minn dak iż-żmien il-quddiem bdew joħorġu kontijiet ibbażati fuq il- qari ta’ l-arloġġ il-ġdid. Għalhekk ma jidher li hemm l-ebda każ ta’ reviżjoni. Madankollu fil-ġranet li ġejjin il-Korporazzjoni se tibgħat l-uffiċjali tagħha sabiex jikkonfemaw li m’hemm l-ebda anomalija.

Prim Ministru u Ministru tal-Finanzi — Delegazzjonijiet ministerjali

Question

Mill-bidu tas-sena 2006 sal-lum, meta l-Prim Ministru mexxa delegazzjonijiet ministerjali barra l-pajjiż f'pajjiżi oħra fejn ma ttirx dirett l-Air Malta, jista' jgħid minn fejn inqatgħu l-biljetti ta' l-ajru tiegħu, kif intgħażlet l-aġenzija ta' l-ivjaġġar konċernata u x'kien il-prezz tal-biljett ta' kull vjaġġ speċifiku?

Response (GONZI, LAWRENCE)

B’riferenza għall-mistoqsija Parlamentari Numru 24828, mill-bidu tas-sena 2006 sal-lum il-Prim Ministru mexxa delegazzjonijiet ministerjali f’pajjiżi oħra fejn ma ttirx dirett l-Air Malta kif elenkat hawn taħt: Pajjiżi fejn ma ttirx dirett l-Air Malta Prezz tal-Biljett Lm Aġenziji Finlandja 4,544.32 Air Malta. L-ispejjeż jinkludu wkoll dawk tar-Renju Unit u l-Awstrija fejn il-Prim Ministru wkoll attenda għall-laqgħat. Lussemburgu 863.22 Air Malta Kroazja 1,314.65 Air Malta Finlandja 8,399.78 Air Malta u Bianchi Travel

Air Malta — Inġinier ta' nazzjonalita' barranija

Question

Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji l-Air Malta għażlet li tingaġġa inġinier barrani fl-istess taqsima fejn telqu inġiniera Maltin bi skemi ta' early retirement? Tagħmel sens li l-ewwel tinkoraġixxi lin-nies jitilqu biex imbagħad tpoġġi ħaddiem barrani minflokhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Provisional tax

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hijiex prattika normali li persuna li tkun ħallset provisional tax żejda minflok tieħu refund tara li l-flus li tkun ħallset żejda jmorru sabiex tħallas penali dovuti lill-gvern fil-qasam tat-taxxi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

Kindergarten studies diploma courses

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li l-gvern jintroduċi kindergarten studies diploma courses u jekk iva, meta mistenni jsir dan?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-kors li jwassal għall-MCAST BTEC National Diploma in Early Years ilu jiġi offrut mill-2003 b'kollaborazzjoni sħiħa mad-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni.

Skejjel ta' l-Istat — General hand

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hijiex policy aċċettabbli li general handfi skola tal-gvern jintlab jagħmel xogħol li normalment isir minn nies tas-sengħa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li skond il-job description tagħhom General Hands governattivi għandhom id-dover li : jippreparaw materjal jew is-sit tax-xogħol inaddfu s-sit wara li jitlesta x-xogħol iħejju għal xogħol ta' plastering jgħinu fi tqegħid ta' madum jizbgħu għamara jagħmlu xogħol ta' tiswija u manutenzjoni jieħdu ħsieb pjanti, siġar, arbuxelli, eċċ Jistgħu jitqabbdu jaħdmu wkoll u jieħdu ħsieb makkinarju taħt id-direzzjoni ta' Senior Operative jew Tradesman u jagħmlu tiswijiet u manutenzjoni normali ta' bini. General Hands jistgħu jitqabbdu jagħmlu wkoll xogħol ġenerali ta' tindif, bħal ħasil ta' art, tindif ta' twieqi u għamara u tindif ta' toilets, kċejjen u canteen areas, jaraw li jkun hemm il-ħtiġijiet fil-kċejjen, iservu refreshments lill-istaff u vizitaturi u jagħmlu xi qadi.

Skejjel ta' l-Istat — Servizz ta' ġardinara

Question

Jista' l-Ministru jgħid fuq liema loġika ġiet stabbilita s-sistema li meta skola tal-gvern tuża s-servizzi tal-ġardinara tal-ministeru ta' l-edukazzjoni, apparti milli jkollha tħallas għad-diesel ikkunsmat mid-dipartiment konċernat ikollha wkoll tieħu ħsieb tnaddaf il-fdalijiet tas-siġar li jinżabru fil-grounds ta' l-iskola, għaliex il-ġardinara tad-dipartiment ta' l-edukazzjoni mhumiex attrezzati biex jagħmlu dan?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-sistema li tapplika d-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni dwar s-Sezzjoni tal-Ġardinara titlob lill-iskola konċernata l-ħlas lura tad-diesel ikkunsmat mill-inġenji uzati mis-Sezzjoni fis-servizzi li tkun tagħat lill-iskola. L-iskola tintalab ukoll tħallas għall-kiri ta' skip biex tiddisponi mit-tindif tal-biċċiet tal-pjanti li jkunu ġabru l-istess ġardinara. Informat ukoll li n-nefqa biex isir dan, isir mill-Maintenance Grant li tingħata lil kull skola mill-istess Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni kull sena.

San Ġwann — Ċint faċċata ta' Triq Ugo Carbonaro

Question

Billi ċ-ċint li hemm faċċata ta' Triq Ugo Carbonaro, San Ġwann mhuwiex għoli skond il-liġi f'dawk li huma filati u qiegħed jintuża spiss bħala rubbish dump, jistgħu jittieħdu passi mmedjati kontra s-sidien privati ta' din l-art sabiex jikkonformaw mal-liġi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Membru jiġbed l-attenzjoni tal-Kunsill Lokali rispettiv ħalli tiġi użata l-proċedura li ġiet stabbilita mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) f’każijiet bħal dawn.

Hoarding tal-ġobon u z-zokkor

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma dawk in-negozjanti li ġew msejħa bħala hoarders mill-Gvern innifsu li kienu responsabbli li wasslu biex Malta teħel penali għall-hoarding tal-ġobon u taz-zokkor qabel is-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea? Tista' ssemmihom b'isimhom? Billi qed jingħad li dawn ser ikollhom jagħmlu tajjeb għall-penali li ser ikollha tħallas Malta, jista' jikkonferma meta dawn mistennija jiġu mitluba jroddu dan il-ħlas lill-Gvern Malti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Inċineratur tal-Biċċerija

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 23817, jista' l-Ministru jgħid meta eżatt ħarġet is-sejħa għall-offerti li qed jirreferi għaliha u jekk ġietx ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt għal Mistoqsija Parlamentari Nru 23817. Il-proċess beda fl-2003 u ntemm fl-2004 u l-għażla saret wara short-listingta’ azjendi Taljani indikati mill-Awtoritajiet Taljani.

Kummissjoni għall-Kummerċ Ġust

Question

X'inhi r-raġuni li l-Kummissjoni għall-Kummerċ Ġust ilha minn Frar mhux kostitwita? Meta mistennija tiġi rimedjata din is-sitwazzjoni, xejn xejn bħala turija tal-impenn tal-gvern li jirregola b'mod ġust is-suq ħieles f'pajjiżna?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari nru. 24863.

Enemalta — Dħul mis-surcharge

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħħlet flus l-Enemalta mis-surchargefuq il-konsum tad-dawl u l-ilma bejn Ottubru 2006 u Frar 2007? Jista' jaqsam id-dħul mis-surcharge bejn dak mill-konsum domestiku u dak mill-konsum kummerċjali/industrijali?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Fabbriki

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23494 u jgħid kemm-il fabbrika waqqfet l-operazzjoni tagħha f'Malta u f'Għawdex matul l-2006? Kemm kienu jimpjegaw nies? Liema kienu?

Response (GATT, AUSTIN)

Rigward l-ewwel parti tal-mistoqsija, jiena nfurmat li l-MIP tkun tista tirrispondi biss dwar kemm fabbriki 'ħadet lura' u mhux kemm waqfu l-operazzjonijiet. F'dan il-każ, jien infurmat li n-numru hu 24 kumpanija minn 35 fabbrika li jinkludu kumpaniji li fallew, ġew 'evicted', etc. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, nissuġġerixxi lill-Onor. Interpellant li jitlob din l-informazzjoni lill-Ministru konċernat. Rigward it-tielet parti tal-mistoqsija, nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi din l-informazzjoni hija ta' natura kunfidenzjali kif ukoll tista' tkun kummerċjalment sensittiva u għalhekk mhux prudenti li tingħata.

Qawra — Art proprjeta' tal-Maltacom

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-reazzjoni tiegħu għall-fatt li minkejja d-dikjarazzjonijiet tiegħu, l-għola uffiċjali tal-Maltacom ikkontradixxew dak li jidher li stqarr hu xi żmien ilu dwar l-art fil-Qawra meta dawn għamluha ċara li l-art li kienet xtrat il-Maltacom fil-Qawra qabel il-privatizzazzjoni u li għandha valur sostanzjali se tibqa' f'idejn il-kumpannija?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi għall-istqarrija dwar l-art fil-Qawra u l-Maltacom maħruġa fil-11 ta' April 2007.

Manoel Island — Football ground

Question

Billi hemm l-obbligu kuntrattwali skond il-ftehim bejn il-Gvern Malti u l-promoturi tal-proġett ta' Tigne' u Manoel Island li jinbena ground tal-football f'Manoel Island, jista' l-Ministru jikkonferma li meta dan il-ground jinbena fiż-żmien miftiehem u diġa' kkomunikat lill-Gżira Nursery FC, it-titlu tal-groundse jiġi mgħoddi lill-Gżira Utd infushom?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Il-kuntratt bejn il-Gvern Malti u l-Midi jiddefinixxi l-bini ta’ faċilitajiet sportivi primarjament futbol. Il-proċess kif irrispondejt lill-Onorevoli Interpellant f’Seduta Numru 243 għall-mistoqsija parlamentari numru 11043 jinbeda meta isir it-trasferiment lill-Gvern u jgħaddih b’riżoluzzjoni parlamentari skond il-proċeduri stabiliti.

Mediċina Fosavance

Question

Jista' l-Ministru jgħid huwiex minnu li l-gvern m'huwiex jixtri supplies tal-mediċina Fosavance u jekk iva meta mistenni li jibda jkollu din il-mediċina in stock? Dan l-aktar minħabba l-prezz eżorbitanti ta' din it-tip ta' mediċina.

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-mediċina Fosavance mhix fil-Formularju tal-Gvern.

National Insurance Contributions — Pensjonant

Question

Tista' l-Ministru ġentilment tinvestiga l-qagħda ta' pensjonant li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li allegatament qed jirċievi nofs il-pensjoni tiegħu, dan kollu meta kellu biss l-aħħar sentejn tal-kontribuzzjoni ta' l-NI neqsin u li huwa kien dejjem offra li jħallas biex ma jsofrix dan it-tnaqqis?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.

WSC — Tariffa mnaqqsa

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk hux minnu li l-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma tħallas tariffa mnaqqsa(i.e. sussidjata) għall-elettriku li tikkonsma? X'inhi t-tariffa li tħallas l-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma għall-elettriku, u x'inhi l-ispiża ta' l-Enemalta biex tiġġenera u tiddistribwixxi l-elettriku bil-prezz taż-żejt illum?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 10 PQ #24927 Sitting 520 2007-05-02 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Ryanair

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern Malti ħax jew hux beħsiebu jieħu xi pożizzjoni dwar it-talbiet pendenti ta' Ryanair biex jiftħu aktar rotot lejn Malta? U jekk iva, liema rotot ġodda beħsiebu jżid ma' dawk li għandhom? Destinazzjoni, destinazzjoni jista' jgħid kemm ġew turisti lejn pajjiżna permezz ta' dawn il-low cost airline flights - li ma jinkludux Maltin li kienu qed jagħmlu użu minn dawn il-faċilitajiet irħas?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura iqis l-aċċess bl-ajru lejn pajjiżna bħala wieħed mis-sisien ta’ l-industrija tat-turiżmu. Matul is-sena 2006, l-Ministeru wettaq numru ta’ inizjattivi sabiex ikabbar l-aċċess lejn pajjiżna billi jiżdiedu rotot u titjiriet lejn Malta. Fost dawn, ta’ min isemmi x-xogħol li sar sabiex jibdew itiru lejn Malta low-cost carriers bħal Ryanair, German Wings, Meridiana u Click Air; il-ftehim li sar ma’ l-Air Malta sabiex jiżdiedu b’25% is-seats mill-Ġermanja; u d-diskussjonijiet ma’ GB Airways sabiex din tibda topera minn Manchester is-sena kollha. B’riżultat ta’ dawn l-inizjattivi, s-seats lejn Malta dan is-sajf, komparat mas-sena l-oħra, ser jiżdiedu b’18%. Barra minn hekk, fuq inizjattiva tal-Ministeru tiegħi, għadha kif ħarġet sejħa sabiex jinfetħu rotot ġodda u b’hekk jitkompla r-ritmu pożittiv li qbadna anke wara s-sajf. F’din is-sejħa ħadna in konsiderazzjoni l-proposti li hemm minn kumpaniji bħal Ryanair. Huwa stmat li kull xahar Ryanair iġġorr 6,390 (one way), German Wings iġġorr 1,700 u Meridiana ġġorr 980 passiġġiera. Huwa stmat li 74% tal-passiġġieri ta’ Ryanair huma turisti u li 70% tal-passiġġieri ta’ German Wings kif ukoll ta’ Meridiana huma turisti.