Legislature:
Category:
Reset
Active:

Swieqi — Qtugħ ta' ilma

Question

X'inhi r-raġuni li kemm fi Triq Gogi u Triq Gabilott, Swieqi illum, 15/5/07, kien hemm qtugħ ta' ilma l-jum kollu? Jista' l-Ministru jinvestiga wkoll l-ilment tar-residenti fi Triq Gogi, Swieqi li spiss jkollhom qtugħ simili?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li din is-sena kien hemm 6 darbiet li l-ilma fit-triq imsemmija ġie sospiż. F’erba’ darbiet minnhom, ir-raġuni tal-egħluq kienet manutenzjoni fuq is-sistema tad-distribuzzjoni tal-ilma u dan l-egħluq dam bejn siegħa u sagħtejn. Fid-darbtejn l-oħra, ir-raġuni kienet li marret il-provvista tal-eletriku fl-Impjant tar-RO ta’ Pembroke. Id-dewmien f’dawn id-drabi kien itwal.

Sponsorship

Question

Meta xi student jew student jirbaħ sponsorship bħal fil-każ ta' xebba li ntgħażlet għal xi żmien taħt scholarship Taljan mal-Collegio Del Mondo Unito Dell'Adriatico tal-United World Colleges, il-Gvern Malti ma jistax jħallas jew għall-inqas jissussidju parti mill-ispejjeż taż-żewġ vjaġġi bir-return li hi ntitolata li tagħmel fis-sena minn u lejn pajjizha?

Response (GALEA, LOUIS)

Filwaqt li kif jaf l-Onor. Membru l-Gvern jagħti għajnuna mill-akbar lill-istudenti biex ikomplu l-istudji tagħhom, inkluz permezz ta' scholarships, kazijiet bħal dak imqanqal mill-Onor. Membru jista' jiġi trattat biss fuq il-merti tiegħu wara li jkun konsidrat mill-Bord għall-għotjiet ta' Manteniment lil studenti kif jitolbu r-Regolamenti.

Gżira — Tibjid fi Blokk B2

Question

Tista' l-Ministru tikkonsidra t-talba tar-residenti ta' Block B2 Gżira HE biex issirilhom tibjida tal-common parts ta' l-appartamenti tagħhom minħabba fl-istat ħażin li jinsabu fihom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ghaddejt it-talba ta' l-Onorevoli Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar biex jinvestiga.

Gżira — Art Żdingata

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jittieħdu passi kontra s-sidien ta' l-art żdingata li qed tintuża bħala rubbish dump faċċata ta' 184, Luqa Briffa Str., Gzira minħabba li skond il-liġi suppost ikun hemm boundary wall ħalli jirristrinġi l-aċċess tal-pubbliku għaliha?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija qed tinvestiga dan l-ilment u ser tieħu l-passi kollha skond il-liġi.

Residents parking scheme

Question

Jista' l-Ministru jara li jitfassal pjan mill-Gvern ċentrali flimkien mal-kunsill lokali konċernat biex titfassal residents parking scheme fl-inħawi ta' l-Universita' minħabba d-diversi ħwienet li hemm, minħabba ż-żieda fit-traffiku lejn l-Universita' u kif ukoll l-impatt fuq il-parking li r-residenti qed jibżgħu li se jkollu fuqhom il-ftuħ ta' l-Isptar Mater Dei? Qed nirreferi b'mod partikolari għal Triq Esperanto u oħrajn fl-inħawi ġewwa l-Msida.

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku rriżulta li t-talba tal-Kunsill Lokali kienet għal skema residenzjali fi Triq Imħallef Debono biss u sal-lum it-Taqsima għadha qed tistenna nformazzjoni li ntalbet mill-Kunsill rigward din il-proposta. Ma kienx hemm talbiet għal Skemi Residenzjali f'toroq oħra.

Msida — Triq il-Ġostra

Question

Billi r-residenti saru jafu li l-bankini fi Triq il-Ġostra, l-Msida ma sarux mill-kunsill lokali, jista' l-Ministru jara li jitkompla x-xogħol fuq dawn il-bankini mill-Gvern ċentrali?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fit-triq imsemmija hemm xi plots li għandhom mhux mibnija. Għaldaqstant il-bankina ta' quddiemhom jidher li għadha ma saritx. Huwa obligu tas-sid ta' dawn il- plots li jagħlqu l- plot bi tmien filati skond il-liġi. Fil-kas li dan ma jsirx il-Kunsill għandu jidħol biex jagħmel dawn il-ħitan. Hekk kif dan isir il-bankini jitkomplew.

Schengen Agreement — Working permit

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fid-dettall kif tiġi phased in is-sistema Schengen f'pajjiżna kif ukoll it-tħejjiet li qegħdin isiru billi ħafna barranin b'residence permit jew working permit f'Malta qed iħossu inċertezza kbira? X'inhu l-action plan tal-Gvern? X'liaison qed isir mal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin fl-implimentazzjoni ta' dan l-arranġament? Se jkun hemm xi special unit li tieħu ħsieb problem areas u trobleshooting ta' xi problemi kumplessi li jistgħu jinqalgħu fl-implimentazzjoni tal-ftehim? Kif ser jiġu pproċessati l-ħruġ ta' Schengen u national territorial visas? Huwa minnu li d-dewmien fil-ħruġ tal-visasjista' jitwal milli hu llum? Huwa minnu li fl-Immigration Control fl-ajruport mhix issir distinzjoni bejn barranin bil-permess li jaħdmu Malta jew residenti Malta u barranin li jkunu biss viżitaturi? Ma jaħsibx li billi l-introduzzjoni tas-Schengen qegħda biss sena 'l bogħod għandhom jiġu organizzati briefings u jinħarġu leaflets dettaljati bħala gwida għal dawk kollha li jistgħu b'xi mod dirett jew indirett jiġu effettwati mis-Schengen Agreement?

Response (BORG, TONIO)

Is-sistema tas-Schengen hija mistennija tidħol fażi fażi bit-tneħħija tal-fruntiera bil-baħar ma' l-Italja fl-ewwel ta' Jannar 2008 u t-tneħħija tal-fruntieri mill-ajru mal-bqija taż-żona tax-Schengen sa l-aħħar ta' Marzu 2008. Hemm numru ta' tħejjijiet għaddejjin sabiex ikun assigurat li Malta, bħal pajjizi applikanti l-oħra, tkun tista' tassumi r- responsabbiltajiet għall-fruntiera tan-Nofsinhar t’isfel taż-Żona tax-Schengen u għalhekk tassigura l-moviment ħieles tal-persuni u ta' l-affarijiet f’din iż-Żona. Il-pjan ta’ azzjoni tal-Gvern huwa li jassigura li l-infrastrutturi, is-sistemi, il-proċeduri, il-proċessi u l-istrutturi kollha meħtieġa jkunu fis-seħħ, sa nofs Settembru 2007 sabiex ikun assigurat li Malta tista' tgħaddi b'suċċess mill-evalwazzjonijiet stretti neċessarji tal-Kummissjoni ta' l-UE, tal-Kunsill tal-UE u ta' l-istat membri sħab flimkien mat-tmien stati membri l-oħra li daħlu fl-UE fl-1 ta’ Mejju 2004. Fil-fatt, Ċipru kienet l-uniku Stat Membru li pposponiet bi ftit id-dħul tagħha fix-Schengen. Hemm komunikazzjoni u kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern u l-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin u koordinazzjoni mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru fis-sens li t-timijiet ta’ dawn il-Ministeri jaħdmu mill-qrib ma’ xulxin, mhux biss fl-iskambju ta’ informazzjoni, iżda wkoll billi jipparteċipaw f’laqgħat u fl-attivitajiet u fit-tħejjijiet għall-evalwazzjonijiet tax-Schengen u fl-implimentazzjoni tal-bidliet meħtieġa. Se titwaqqaf unita speċjali, magħrufa bħala s-Central Visa Unit, fi ħdan il-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin, li se tieħu ħsieb issolvi l-problemi u dawk marbuta ma’ ħsarat tekniċi li jistgħu jinqalgħu. Viżas se jkunu pproċessati prattikament bl-istess mod kif qed isiru bħalissa, jiġifieri permezz ta’ applikazzjoni fil-konsolati ta’ Malta u f’dawk ta’ pajjiżi oħra fejn jeżisti ftehim ta’ rappreżentazzjoni. L-applikazzjoni se tiġi eżaminata fuq numru ta’ kriterji standard fosthom jekk wieħed għandux passaport validu, mezzi biex jirritorna lejn pajjiżu, sussistenza biżżejjed, kondotta tajba u raġunijiet validi biex jidħol Malta, u aktar tard fiż-Żona kollha tax-Schengen, kif ukoll li ma jkunx ta’ theddida għall-immigrazzjoni illegali, is-saħħa pubblika u s-sigurta'. Jista’ jkun hemm każijiet izolati fl-ipproċessar ta' l-applikazzjonijiet tal-viżaż ta' ċerti nazzjonalitajiet fejn ikun hemm bżonn ta' konsultazzjoni ma' Stati Membri oħra ta' l-UE taħt l-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni ta' l-UE u l-Kodiċi Komunitarju ta' l-UE. F’każijiet bħal dawn, peress li mhux taħt il-kontroll dirett ta’ l-awtoritajiet nazzjonali, jista’ jkun hemm xi titwil fil-ħin biex tinħareġ il-viża. Pero’ dawn mistennija jkunu każi ta’ eċċezzjoni u mhux ta’ regola. Meta Malta tissieħeb fiż-Żona Schengen, id-distinzjoni prinċipali tkun fil-punt tat-tluq tal-passiġġier qabel ma jasal Malta. F'każ li dan ikun minn pajjiż ieħor tax-Schengen, ma jsiru l-ebda spezzjonijiet. Meta dan ikun minn pajjiż barra x-Schengen, isiru spezzjonijiet ta' malajr fuq ċittadini ta' l-UE filwaqt li fuq ċittadini li m'humiex mill-UE, l-ispezzjonijiet jibqgħu jsiru bħal fil-preżent iżda flimkien ma' spezzjonijiet fid-database tas-Sistema ta’ l-Informazzjoni tax-Schengen. Laqgħat informattivi u t-tqassim ta’ fuljetti se jigu ippreparati pero’ ovvjament dawn jistgħu jsiru biss la darba Malta tgħaddi mill-evalwazzjonijiet kollha tax-Schengen u għalhekk tkun tista’ tissieheb f’din is-sistema.

Sistema Pisces

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti dettalji sħaħ dwar kif qed taħdem is-sistema Pisces? X'inhuma r-reporting lines tagħha u lil min? Min huma l-partijiet jew pajjiżi li huma nvoluti fl-information sharing? Liema huma dawk il-pajjiżi l-oħra ta' l-Unjoni Ewropea li daħħlu sistema simili?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien kont tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 20824.

Lukanda Windsor — Ħlas ta' pagi

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga rapporti li wasluli li hemm ħaddiema tal-lukanda Windsor f'Tas-Sliema li wara li damu sa tmiem April biex tħallsu l-pagi ta' Novembru u Diċembru tas-sena l-oħra, sad-data li fiha qed nagħmel din il-mistoqsiha għadhom ma tħallsu ebda salarju għax-xogħol kollu li għamlu din is-sena? Fi kliem ieħor, sa nofs Mejju għadhom lanqas biss ħadu l-paga ta' Jannar 2007? Jekk din l-allegazzjoni hija fl-affermattiv x'passi konkreti ser jieħu l-Ministeru tiegħu u d-dipartiment tax-xogħol?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta’ l-Impieg jaf b’dan il-kaz u l-investigazzjonijiet jinsabu fi stadju avvanzat. Ser tittieħed kwalunkwe azzjoni necessarja bil-Qorti.

Mediċini

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 25643 u jagħti r-raġuni għaliex il-mediċini Priadel, Lexomil, Oxectin, Xanax u Axura (għad-dementia) m'humiex availablegħaċ-ċittadini Maltin mill-isptar u miċ-ċentri tas-saħħa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-mediċini msemmija jintużaw għal trattament ta' mard li ma jaqax taħt l-iskeda V tal-Att dwar is-Sigurta Soċjali.

Sptar Mater Dei

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu l-konsulenti li isimhom qed jintbagħat separatament, li ġew appuntati mill-FMS sabiex ilestu l-Mater Dei Hospital migration plan report? Kemm qed jiġi esegwit dan il-pjan? Tista' titqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra GANTT chart riveduta li tieħu in konsiderazzjoni d-dewmien fl-implimentazzjoni ta' dan il-proġett? X'inhi l-aħħar stima tal-migration tas-servizzi li mistennija jsiru mill-Isptar San Luqa għall-Isptar Mater Dei? Meta se tiġi finalizzata l-istrateġija futura dwar l-Isptar San Luqa? Meta mistenni jibda l-phased decommissioning u r-re-occupation ta' l-Isptar? Meta mistenni jintemm dak li jissejjaħ fir-rapport strateġiku bħala l-proċess leġiżlattiv li għandu jwassal għall-governance framework ta' l-Isptar Mater Dei? Il-gvern għandu xi ħsieb li jinvestiga f'mod indipendenti l-allegazzjonijiet serji dwar commissions li għamel fuq stazzjon privat televiżiv lokali t-tabib u ex-deputat Nazzjonalista Dr Frank Portelli?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-Pjan li kien ġie mfassal mill-konsulenti appuntati mill-FMS kien ikopri migration sequence fuq tliet snin. Dan il-pjan mhux ser jiġi eżegwit għalkemm ittieħdu in kunsiderazzjoni l-fatturi bażiċi tal-pjan. Il-pjan li ser jiġi eżegwit ser ikun fuq perjodu ferm anqas u dan wara konsultazzjoni mal-Clinical Leads tad-Dipartiment ta' l-isptar San Luqa. Għal migrazzjoni tas-servizzi mill-isptar San Luqa għall-isptar Mater Dei ġie provdut l-ammont ta' miljun lira għas-sena 2007. Id-Diviżjoni tas-Saħħa qegħda tħejji pjanijiet sabiex tiżviluppa Rehabilitation Hospital temporanju fil-bini bħalissa okkupat mill-isptar Karen Grech. F'dan is-servizz ser jiġu amalgamati s-servizzi kurrenti ta' rijabilitazzjoni fl-isptar San Luqa, l-isptar Zammit Clapp u l-isptar Boffa. Dan il-pjan qed jiġi ko-ordinat mal-migrazzjoni tas-servizzi akuti lejn l-isptar Mater Dei. Id-Diviżjoni tas-Saħħa ser tgħaddi lill-Gvern il-kumplament tal-bini sabiex jiddisponi minnu skond il-prioritajiet tal-pajjiż. Il-proċess leġislattiv għall-governance framework jintemm meta dan il-Parlament japprova eventwalment il-Health Services Act, li bħalissa għadu qed jiġi ddraftjat. Ta' min jgħid li hemm aspetti fundamentali tal-governance framework li jiġu ndirizzati mill-Public Services Act, għal dak li jirrigwarda entitajiet pubbliċi u kif jitmexxew. Għar-rigward tal-partijiet l-oħra tal-mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsijiet lill-Ministeru tal-Finanzi.

Hoarding tal-ġobon u z-zokkor

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24929 u jgħid min huma dawk in-negozjanti li ġew msejħa bħala hoarders mill-Gvern innifsu li kienu responsabbli li wasslu biex Malta teħel penali għall-hoarding tal-ġobon u taz-zokkor qabel is-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea? Tista' ssemmihom b'isimhom? Billi qed jingħad li dawn ser ikollhom jagħmlu tajjeb għall-penali li ser ikollha tħallas Malta, jista' jikkonferma meta dawn mistennija jiġu mitluba jroddu dan il-ħlas lill-Gvern Malti?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċenat.

Air Malta — Inġiniera

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25016 u jgħid fuq liema kriterji l-Air Malta għażlet li tingaġġa inġinier barrani fl-istess taqsima fejn telqu inġiniera Maltin bi skemi ta' early retirement? Tagħmel sens li l-ewwel tinkoraġixxi lin-nies jitilqu biex imbagħad tpoġġi ħaddiem barrani minflokhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Provisional tax

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25017 u jgħid jekk hijiex prattika normali li persuna li tkun ħallset provisional tax żejda minflok tieħu refund tara li l-flus li tkun ħallset żejda jmorru sabiex tħallas penali dovuti lill-gvern fil-qasam tat-taxxi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi skond Artikolu 48 (2c) ta’ l-Att dwar l-Amministrazzjoni tat-Taxxa, Kap 372, “Il-Kummissarju jkollu jedd inaqqas minn kull ħlas lura dovut lil persuna kif dikjarat fis-subartikoli (2A) jew (2B) kull taxxa, taxxa addizzjonali jew imgħax li jista’ jkun dovut minn dik il-persuna taħt l-Atti dwar it-Taxxi.

Air Malta

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 24750 u 25344 u jikkonferma li l-Air Malta għamlet outsourcing ta' ċertu xogħol fil-qasam ta' l-IT fix-xhur li għaddew? Dan kemm ġie jiswa? Jista' jikkonferma li dan il-kuntratt ingħata lill-kumpannija SITA aktar minn sena ilu? Liema kumpanniji oħra ġew ikkonsidrati qabel saret din l-għażla? Jista' jikkonferma jekk SITA ħadux kuntratti simili li kienu jinkludu networking, infrastructure, desktop work u applications qabel ġew magħżula għal dan il-kuntratt? X'kienu l-problemi li nqalgħu ma' SITA riċentement fl-esekuzzjoni ta' dan il-kuntratt?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Air Malta għamlet outsourcing ta’ ċertu xogħol fil-qasam ta’ l-I.T. li ingħata lill-Kumpanija S.I.T.A. L-ammont tal-kuntratt huwa ta’ natura kummerċjali. Nikkonferma wkoll s-S.I.T.A. ħadu kuntratti simili qabel ġew magħżula għal dan il-kuntratt. Dwar l-aħħar mistoqsija ninsab infurmat li ma kien hemm l-ebda problema ma S.I.T.A. li setgħet affetwat l-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt. Bħal f’kull arranġament formali bejn żewġ kumpaniji, dejjem jibqa’ lok għal diskussjonijiet u qbil fuq kif is-servizz għandu dejjem jitjieb u fil-fatt ġew krejati strutturi ta’ ‘governance’ interni biex jassiguraw dan. L-Air Malta tista’ tikkonferma li l-iskopijiet li għalih ġie konkluż dan il-ftehim qegħdin jiġu realiżżati b’mod kontinwu.

San Ġwann — Triq Salvu Busuttil

Question

Jista' l-Ministru jara li ssir sleeping policeman jew tiġi kkunsidrata li ssir one way għat-traffiku Triq Salvu Busuttil, San Ġwann, speċjalment minħabba s-sewqan esaġerat li jkun hemm fiha u d-diversi inċidenti tat-traffiku li spiss isiru qrib l-uffiċċju tal-kunsill lokali?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku rriżulta li t-talba tal-Kunsill Lokali għal road hump ġiet approvata fis-26 ta' Marzu, 2007. Rigward it-talba għal one way, it-taqsima għadha qed tistenna nformazzjoni addizzjonali mill-Kunsill. Din l-informazzjoni ntalbet fis-26 ta' Marzu, 2007.

EU Funding

Question

X'persentaġġ ta' EU Funding utilizzat Malta s'issa minn dak li ġie allokat lilha? Kif jipparaguna ma' l-uptake tal-pajjiżi l-oħra fl-Unjoni Ewropea li ssieħbu magħna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

Travatan

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li kemm l-isptar u ċ-ċentru tas-saħħa tal-Mosta ma kellhomx provvisti f'dawn l-aħħar jiem tal-qtar għall-għajnejn Travatan li kostitwent mill-Għargħur għandu bżonn urġenti?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-qtar għall-għajnejn Travatan (Ref G075 Prostaglandin analogue drops) jinstabu in-stock mit-2 ta' April 2007.
Leg 10 PQ #25851 Sitting 526 2007-05-16 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Kuntatti Diplomatiċi

Question

X'kienet ir-reazzjoni uffiċjali tal-Gvern Ġermaniż u dak Franċiż għall-proposta tal-Gvern Malti għad-djalogu strutturat bejn l-UE u l-Lega Għarbija? Saru kuntatti diplomatiċi fl-istess kuntest mal-GCC - Gulf Co-operation Council? U jekk iva, x'kien ir-rispons uffiċjali tagħhom? Min-naħa tal-pajjiżi tal-Magħreb x'kienet ir-reazzjoni uffiċjali tagħhom?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-inizjattiva Maltija għad-djalogu strutturat bejn l-Unjoni Ewropea u l-Lega Għarbija inlaqgħet b'interess kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll fil-Lega Għarbija. Din il-proposta issa tpoġġiet fuq l-aġenda tal-laqgħa tal-Ministri ta' L-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill ta' l-Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni li ser issir fit-18 ta' Ġunju li ġej. Intant saru kuntatti regolari mal-Lega Għarbija, ewlenin fosthom mas-Segretarju Ġenerali Amr Moussa, li indikaw l-appoġġ sħiħ tal-Lega għal din il-proposta. Fil-fatt f'riżoluzzjoni li ttieħdet fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Lega Għarbija li saret f'Marzu li għadda, il-Ministri ta' l-Affarijiet Barranin ta' din l-organiżżazzjoni iddeċidew li jkattru l-isforzi favur inizjattivi sabiex jissaħħu r-rabtiet bejn id-dinja Għarbija u l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-inizjattiva ta' Malta. Fil-laqgħa tal-Kapijiet ta' l-Istati tal-Lega Għarbija (Arab Summit) f'Riyadh li saret fit-28 u 29 ta' Marzu ġie wkoll emfasiżżat kemm huwa importanti li jissaħħu r-relazzjonijiet bejn il-Lega Għarbija u l-Unjoni Ewropea. Il-ħidma favur din l-inizjattiva għada għaddejja.