Legislature:
Category:
Reset
Active:

Appartament

Question

Billi l-appartament li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament huwa okkupat minn single mother bi tlett itfal, jista' l-Ministru jinvestiga l-ilment tagħha li l-kont ta' Lm242 huwa esaġerat?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-aħħar kont tal-konsumatur indikat kien ilaħħaq Lm206.05 u dan kien għal perjodu ta’ 188 ġurnata (sitt xhur). Billi l-konsumatur qegħdha fl-iskema soċjali, għandha tirċievi l-voucher relattiv.

CVA — Aġġudikazzjoni tat-tender

Question

Jista' l-Ministru jgħid kienx hemm xi kontestazzjoni dwar l-aġġudikazzjoni tat-tender dwar ic-CVA fil-Belt Valletta? Liema hi l-kumpanija li qed tfittex lill-Gvern dwar dan? Huwiex minnu li l-kumpanija kkonċernata qed tfittex lill-Gvern għal loss of profits and damages?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Leg 10 PQ #26415 Sitting 533 2007-06-05 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Eurovision Song Contest

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-awtoritajiet Maltin għandhomx ħsieb li jagħmlu rappreżentazzjoni lill-organizzaturi tal-Eurovision Song Contest dwar il-proċeduri u sistemi diskriminatorji eżistenti dwar il-votazzjoni fis-semi-finals u fil-finali tal- contest?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ir-riżultati tas-semi finali u finali tal-Eurovision Song Contest prima facie jindikaw li s-sistemi u proċeduri intużati jistgħu jitqiesu bħala diskriminatorji. Minkejja dan, iżda, s’issa ma tfaċċaw l-ebda provi konkreti li jissustanzja dak li wieħed jista’ mill-ewwel jaħseb, ċioe`, li din is-sitwazzjoni hi konsegwenza ta’ nuqqas ta’ trasparenza u/jew maniġġjar ta’ voti mal-medda tal-biċċa l-kbira tal-pajjizi. Madankollu, se nkunu qed insegwu fil-fora eżistenti, kull suggeriment jew proposta sabiex is-sistema tal-votazzjoni fil-futur telimina kemm jista’ jkun fatturi li jinfluwenzaw b’mod negattiv l-andament tal-proċess u, allura, ir-riżultati, permezz ta’ miżuri li jistgħu jiġu addottati mill-pajjizi parteċipanti.

Skills Gap Analysis

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ġie mniedi l-iskills gap analysis min-naħa tal-Ministeru tiegħu flimkien mal-ETC u liema huma l-partijiet l-oħra kollha nvoluti f'dan l-eżerċizzju?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-aħħar analiżi li saret fuq nuqqasijiet ta’ ħiliet fis-suq tax-xogħol lokali kien dak tal-Barometru tax-Xogħol imniedi mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ bejn Novembru 2005 u Frar 2006 u li kien ikopri x-Xitwa 2005 u r-Rebbiegħa 2006. Il-partijiet involuti f’dan l-istħarriġ kienu l-għaqdiet ta’ min iħaddem, l-għaqdiet tal-ħaddiema, korpi kostitwiti u l-imprendituri li kienu intervistati. Dan l-istħarriġ kien l-aħħar wieħed tax-xorta tiegħu. Informat li fil-ġimgħat li għaddew, il-Korprozzjoni nediet stħarriġ bejn dawn l-imprendituri ż-żgħar li joperaw miż-żona industrijali tal-Mosta. Dan il-proġett pilota sar bil-kollaborazzjoni tas-Segretarjat Parlametari għan-Negozji Żgħar u s-Self-Employed, bil għan li tinġabar informazzjoni fuq nuqqasijiet ta’ ħiliet li dawn l-imprendituri jaffaċjaw minn żmiem għal żmien u biex naraw wkoll x’taħriġ jinħtieġu fil-futur qarib biex itejbu l-ħiliet tal-ħaddiema tagħhom

L-Ibraġġ — Ġibjun

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu mill-awtoritajiet tas-saħħa wara rapporti li l-Kunsill Lokali tas-Swieqi qed jgħid li għamel mad-dipartiment tiegħek dwar ġibjun li hemm fejn hija proġettata li ssir Triq il-Wejba f'Ta' l-Ibraġġ li qed ikun mimli ilma nfettat bl-insetti għad-detriment tar-residenti fl-inħawi?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika kien irċieva lment minn għand il-Kunsill Lokali Swieqi fil-25 ta' Lulju 2005. Saru l-investigazzjonijiet neċessarji, għalkemm ma kienx instab is-sid. Wara li ġie magħruf, inħareġ avviż lis-sid in kwistjoni sabiex jitneħħa l-inkonvenjent. Fl-20 ta' Marzu 2006 ġie konfermat minn uffiċċjal ta' dan id-Dipartiment li l-inkonvenjent tneħħa. Risposta dwar dan ingħatat lill-Kunsilli Lokali Swieqi fl-istess ġurnata. Dwar is-sitwazzjoni preżenti referuta fil-Mistoqsija Parlamentari saret spezjoni nhar il-Ġimgħa 25 ta' Mejju 2007 u reġa' ġie nnotat xi ilma qiegħed fil-ġiebja li tinsab fit-Triq il-Wejba Ibraġ. Għalhekk, inħareġ avviż ieħor lis-sid sabiex jitneħħa l-inkonvenjent. Azzjoni legali tittieħed fin-nuqqas.

Il-Mument — Rapport

Question

Billi l-Ministru ġie rrapportat mill-ġurnal "Il-Mument" li qal li s-sistema ta' l-e-procurement tpoġġi lill-gvern fi żvantaġġ meta jkun qed jixtri l-I.T., jista' jelabora dwar dan billi jgħid il-gvern jew il-MITTS kemm kellhom rapporti dwar każi ta' nuqqasijiet fil-provvisti ta' computer supplies mixtrija permezz ta' din is-sistema?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-MITTS Ltd, tħaddem l-e-procurement system għad-dipartimenti u l-Ministeri tal-Gvern. Kemm il-darba kien hemm ilmenti mill-uffiċjali għoljin tal-Gvern li fix-xiri tal-computers ikun hemm ħsarat u li ma kienux jilħqu l-specs mitluba. Bejn Ottubru 2006 u Frar 2007 għamlet 'sample quality assurance test ' ta' 38 computers li nxtraw mill-e-procurement, li minn dawn 25 computer, jew 66% ma kienux 'compliant' għal ħaġa jew oħra.

Hoarding tal-Ġobon u z-Zokkor

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma dawk in-negozjanti li ġew msejħa bħala hoarders mill-Gvern innifsu li kienu responsabbli li wasslu biex Malta teħel penali għall-hoarding tal-ġobon u taz-zokkor qabel is-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea? Tista' ssemmihom b'isimhom? Billi qed jingħad li dawn ser ikollhom jagħmlu tajjeb għall-penali li ser ikollha tħallas Malta, jista' jikkonferma meta dawn mistennija jiġu mitluba jroddu dan il-ħlas lill-Gvern Malti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Tweġiba tingħata f’Seduta oħra.

Forsi Armata

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid mill-1 ta' Jannar sal-20 ta' Mejju, 2007 kemm ħarġu sejħiet għall-offerti mill-Armata? Kemm tefgħu l-offerti, x'kienet kull offerta u min kienu f'kull każ? Min rebaħ dawn l-offerti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

Xogħlijiet f'fond — Permessi

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li x-xogħlijiet li qed isiru in konnessjoni ma' l-applikazzjoni PA05884/05 huma koperti bil-permessi meħtieġa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni msemmija koperta bil-permess meħtieġ PA 5884/05 maħruġ fis-17 ta' Lulju 2006.

Lukanda Windsor — Ħlas ta' pagi

Question

Filwaqt li napprezza l-azzjoni li beħsiebu jieħu d-Dipartiment tax-Xogħol kontra s-sidien tal-lukanda Windsor fil-qrati Maltin dwar dewmien esaġerat tal-pagi tal-ħaddiema, jista' l-Ministru jinvestiga mill-ġdid rapporti li wasluli li huwa biss issa li tħallsu l-pagi ta' Jannar? Apparti minn hekk, ħafna ħaddiema għad iridu jitħallsu bejn ħames u sitt xhur overtime filwaqt li allegatament il-manager tal-lukanda qed javviċina lill-ħaddiema biex jistaqsihom jekk minflok ikomplux jaħdmu full time humiex lesti li jaqilbu part time biex b'hekk jiffranka l-kontribuzzjoni tal-bolla u ħlas ta' benefiċċji oħra.

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li minn investigazzjonijiet dwar dan il-kaz irrizulta li l-pagi ta’ Jannar 2007 tħallsu fl-14 ta’ Mejju 2007, minbarra fil-kaz ta’ zewġ ħaddiema li l-paga tagħhom għadha pendenti. Ta’ min jinnota li f’din il-lukanda l-overtime li jkun inħadem f’xahar partikulari, jitħallas mal-paga tax-xahar li jkun imiss. (ez. is-salarju ta’ Frar jinkludi fih l-overtime li jkun inħadem fix-xahar ta’ Jannar.) Id-Dipartiment xorta għadu qiegħed jinvestiga dwar pagi li jistgħu jibqgħu ma jkunux tħallsu fiz-zmien dovuti u li għalihom għadha ma ħargitx akkuza. Id-Dipartiment ser jieħu l-passi kollha neċessarji jekk jirrizulta li jkun hemm xi irregolaritajiet oħra rigward il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ l-impjegati. Deċizjoni rigward bdil fil-kuntratt tax-xogħol iridu jittieħdu permezz ta’ ftehim bejn l-employer u l-impjegat.

L-Ibraġġ — Għalqa

Question

Qed nirreferi din id-domanda lilek billi s-segretarju eżekuttiv tal-Kunsill Lokali tas-Swieqi qal lir-residenti li dan ma jaqax taħt il-kompitu tal-kunsill. Għandi rapporti li fi Triq is-Siegħ, l-Ibraġġ hemm għalqa li tinfed għal Triq il-Miżieb li qed tintuża bħala rubbish dump u li minkejja li skond il-mapep tal-MEPA hija pproġettata li trid issir Triq il-Wejba, għandha bini fuq art li n-nies ingħataw x'tifhem li hi art tal-gvern. Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hiex se ssir din it-triq kif indikat fil-website tal-MEPA? U jekk iva, jista' jikkonferma wkoll jekk xi bini mbarrat li hemm fl-inħawi ħdejn Triq il-Miżieb li jinfed għal Triq is-Siegħ inbeniex bil-permessi meħtieġa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar; tweġiba tingħata f’Seduta oħra.

Skola Sir Adrian Dingli — Tuck Shop

Question

Jista' l-Ministru jara li abbuż li qed isir fit-tuck shop ta' l-iskola Sir Adrian Dingli f"Pembroke ma jibqax isir fejn jinbiġħu prodotti skaduti u anke qed titneħħa l-expiry date minn fuqhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fit-Tuck Shop imsemmi saret spezzjoni mill-amministrazzjoni ta' l-iskola. Kien hemm prodott wieħed biss li ma kellux data fuqu u dan ġie mneħħi minnufih.

EU funding

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25849 u jgħid x'persentaġġ ta' EU Funding utilizzat Malta s'issa minn dak li ġie allokat lilha? Kif jipparaguna ma' l-uptake tal-pajjiżi l-oħra fl-Unjoni Ewropea li ssieħbu magħna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 25849.

Sptar Mater Dei — Computers

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hux minnu li l-isptar Mater Dei dan l-aħħar xtraw għadd kbir ta' computer PCs? Jekk iva, kemm inxtraw? X'kien it-total tal-valur tagħhom? Mingħand min inxtraw? Inxtrawx b'direct orderu/jew inħarġitx xi tender għalihom? X'inhu l-iskop li ser ikunu qegħdin iservu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nikkonferma x-xiri ta’ dawn il-PC’s liema computer kienu parti mit- tender ta’ l-apparat mediku li kienet ġiet mogħtija lil Inso SpA.

Air Malta — Inġiniera

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 25970 u 25016 u jgħid fuq liema kriterji l-Air Malta għażlet li tingaġġa inġinier barrani fl-istess taqsima fejn telqu inġiniera Maltin bi skemi ta' early retirement? Tagħmel sens li l-ewwel tinkoraġixxi lin-nies jitilqu biex imbagħad tpoġġi ħaddiem barrani minflokhom?

Response (GATT, AUSTIN)

L-Air Malta ma' ngaġġat l-ebda inġinier barrani. Jiena nfurmat li minn żmien għal żmien l-Air Malta ikollha bżonn is-servizzi ta' inġiniera temporanji li minħabba n-nuqqas tagħhom fis-suq lokali, dawn ikollhom jinġiebu minn kumpaniji barranin.

Sptar Mater Dei — Sistemi ta' l-IT

Question

Jista' l-Prim Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar l-aħħar żviluppi fir-rigward tas-sistemi ta' l-IT ta' Mater Dei li kienu oriġinarjament koperti mit-tender li ġie miżmum wara allegazzjonijiet ta' abbużi u ħruġ ta' tagħrif kunfidenzjali? Tista' tikkonferma jekk il-hardware huwiex issa qed jinxtara b'direct order u jekk iva mingħand min u b'liema prezz? X'inhi l-pożizzjoni fir-rigward tax-xiri tas-software għall-istess għan?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

EU Funding

Question

X'persentaġġ ta' EU Funding utilizzat Malta s'issa minn dak li ġie allokat lilha? Kif jipparaguna ma' l-uptake tal-pajjiżi l-oħra fl-Unjoni Ewropea li ssieħbu magħna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub fl-ewwel parti tal-mistoqsija qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Għar-rigward tat-tieni parti tal-mistoqsija, ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Ministeru tal-Finanzi m’għandux dik l-informazzjoni.

Sptar — Użu alternattiv

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 25644 u jgħid hemmx xi pjanijiet biex wara li ssir il-migrationsħiħa mill-iSptar San Luqa lejn l-iSptar Mater Dei parti minnu tiġi użata bħala residenza għall-persuni b'inkapaċita' mentali, speċjalment dawk li jkunu tilfu l-ġenituri tagħhom? Jekk le, xi pjanijiet alternattivi għandu l-gvern biex jindirizza din il-problema akuta li qed tippreokkupa lil diversi ġenituri anzjani bi tfal b'inkapaċitajiet simili?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Dwar l-Ewwel Parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li ngħatat mill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunita’ għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 25644, f’Seduta Numru 524. Dwar it-Tieni Parti tal-Mistoqsija ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Gvern diġa’ ndirizza l-problema. Għal dan l-iskop waqqaf l-Aġenzija Sapport fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali biex, fost affarijiet oħra, tipprovdi servizz residenzjali fil-komunita’ għall-persuni b’diżabilita’, inkluż diżabilita’ mentali. Dan is-servizz diġa’ qed jiġi provdut f’residenzi f’Wied il-Għajn, Kirkop, Fgura u Mtarfa u qed titħejja residenza oħra f’Bormla. Barra minn dan, permezz ta’ ftehim mal-Fondazzjoni Arka u l-Knisja, il-Gvern qed jiffinanzja numru ta’ postijiet għal servizz residenzjali lil persuni b’diżabilita’ provduti f’Għajnsielem u Birkirkara rispettivament. Dan kollu hu skond il-politika tal-Gvern preżenti li jgħin persuni b’diżabilita biex, kemm jista’ jkun, jgħixu ħajja ndipendenti fil-komunita’ u mhux segregati f’post ċentralizzat.