Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 26414 u jgħid kienx hemm xi kontestazzjoni dwar l-aġġudikazzjoni tat-tender dwar ic-CVA fil-Belt Valletta? Liema hi l-kumpanija li qed tfittex lill-Gvern dwar dan? Huwiex minnu li l-kumpanija kkonċernata qed tfittex lill-Gvern għal loss of profits and damages?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-kumpannija SG Solutions Ltd qiegħda tikkontesta l-iskwalifika tagħha mill-aġġudikazzjoni tat-tender. Il-kumpannija konċernata qiegħda tfittex għal danni u għar-rifużjoni tal-flus imħallsa sabiex interponiet appell quddiem il-Bord ta’ l-Appelli tal-Kuntratti.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26412 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u issa ġiet riferuta lilu u jgħid fhiex wasal l-adjudication process ta' l-e-ID tender tal-Gvern? Liema kienu l-kumpanniji short listed?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li ebda tender ta' l-e-ID ma ġie pproċessat jew ser jiġi pproċessat minn dan il-Ministeru.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'kienet ir-reazzjoni tal-Gvern Malti għal dak li ntqal fil-ġurnal Sunday Times ta' Londra minn kelliema tal-Frontex li "The responsibility to control the border rests with the EU Member States. Frontex just exists to enhance the co-operation of member states while doing that ..."?
Response (BORG, TONIO)
Huwa minnu li sa issa l-aġenzija Frontex m'għandhiex il-mezzi awtonomi tagħha, u lanqas ma taqdi funzjoni ta'
"
European Frontier Guard
", kif hemm il-ħsieb li ssir fil-futur. Il-funzjoni tagħha preżenti hi li tikkordina l-isforzi
ta' l-istati membri, li jfisser li jekk dawn ma jipparteċipawx f'operazzjoni partikolari, dik l-operazzjoni ma ssirx.
B'referenza għal rapporti fejn ic-Chief Executive Officer tal-MTA ġie rrapurtat li qal li huwa target tal-Gvern li t-turiżmu ser jiżdied b'7% din is-sena, fi kliem ieħor b'78,000 turist, jista' jgħid jekk dan sarx skond kalkoli tal-Gvern innifsu permezz tal-Joint Ministerial Committee immexxi mill-Prim Ministru, l-Ministeru u l-MTA? Fuq liema bażi nħadmu dawn il-projections meta l-indikazzjonijiet tas-suq juru l-kuntrarju?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-Onorevoli interpellant qed jirreferi għal-dak li ntqal fil-konferenza ġenerali annwali ta' l-Awtorita' tat-Turiżmu fejn dak li kien il-Kap Eżekuttiv ta' l-Awtorita', kien stqarr li fl-opinjoni tiegħu, iż-żieda fin-numru ta' turisti lejn Malta kellha tilħaq 7% sa l-aħħar tas-sena. Dik iċ-ċifra hija bbażata fuq numru ta' studji interni li jsiru ta' sikwit fi ħdan l-Awtorita'.
Billi huwa mifhum li Senior Customs Assistants li uħud minnhom ilhom jagħmlu dan ix-xogħol għal aktar minn 20 sena ser ikollhom joqgħodu għall-eżami kompetittiv biex javvanzaw, minkejja li ilhom żmien jagħmlu xogħol u duties ta' fizzjal, jista' l-Gvern jikkonsidra li dawn minflok joqogħdu għall-qualifying exam jew interviews kif normalment jiġri meta jiġu biex jimtlew ranks ogħla minn tagħhom bħal fizzjal li jkunu sejrin jilħqu inspectors, etc?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li, permezz ta’ Addendum li sar fil-5 ta’ April 2006 għall-Klassifikazzjoni dwar il-Klassi tad-Dwana tal-1995, intlaħaq ftehim li Senior Customs Assistants jingħataw opportunità ta’ darba sabiex il-vakanzi ta’ Customs Officer ikunu miftuħin għalihom biss billi joqogħdu għall-eżami kompettitiv.
Dan l-eżami jikkonsisti f’eżami bil-miktub u intervista u tingħata kunsiderazzjoni xieraq għall-esperjenza, minkejja li ma jingħatawx marki speċifiċi għall-snin ta’ servizz.
Il-vakanzi jimtlew skond l-ordni tal-mertu miksub.
Jista' l-Ministru jgħid lill-Enemalta tieħu ħsieb li tneħħi l-ħafna wires ta' l-elettriku li hemm ma' ċerti residenzi fi Triq Ortolan, San Ġwann speċjalment dawk fil-kantuniera kif ukoll mal-gallerija tagħhom li jagħtu għal Triq Pelikan, San Ġwann? Dan minħabba d-dehra kerha li qed jagħtu lill-faċċata jew naħa ta' wara tar-residenzi tagħhom li t-tnejn jagħtu għal triqat ewlenin f'dawk l-inħawi ta' San Ġwann.
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li minn investigazzjoni li saret jirriżulta li l-linji li tagħhom hija responsabbli l-Enemalta huma mogħddijin kif titlob is-sengħa.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm nies attached mal-Armata bħala pajzana li fiż-żmien kienu jaħdmu f'korpi tax-xogħol? Kemm hemm nies b'kollox fl-Armata nnifisha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li fl-Armata bħalissa hemm 57 persuna pajżana mpjegati magħha li qabel kien jaħdmu f’korpi tax-xogħol.
B’kollox l-Armata timpjega 1,575 suldati regolari u 133 ħaddiema pajżana.
Jista' l-Ministru jgħid mis-sistemi eżistenti ta' l-IT kemm fis-settur pubbliku u fl-iskejjel tal-Gvern, kemm minnhom huma tal-kategorija Pentium 1,2,3,4 - socket 423,4 - socket 775 flimkien ma' oħrajn i.e. dual core, AMD etc? Minn dawk Pentium 4 kemm minnhom huma over 2.4 ghz? X'inhi d-distribuzzjoni ta' snin li fuq medda tagħhom inxtraw il-Pentium 4 computers għad-Dipartimenti tal-Gvern u l-iskejjel tal-Istat?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant sa fejn jirrigwardja l-Ministeru tiegħi. L-informazzjoni dwar is-sockets ma tistax tingħata għax m'hemmx fir-records.
Jista' l-Ministru jara jekk jistgħux isiru xi traffic calmers jew sleeping policmen fi Triq il-Baħar l-Iswed, San Gwann minħabba l-veloċita' li bih jgħaddi t-traffiku b'riskju għar-residenti tal-area?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku rriżulta li ma kien hemm l-ebda talba mill-Kunsill Lokali San Ġwann għal tali Road Humps fi Triq il-Baħar l-Iswed.
Jista' l-Ministru jgħid fejn tibda u tispiċċa r-responsabbilta' rispettiva ta' l-Enemalta u tal-kunsilli lokali fejn jidħol twaħħil u tibdil ta' bozoz fir-rigward ta' dak li huwa street lighting f'żoni residenzjali?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Enemalta hija responsabbli mill-manutenzjoni ta' l-istreet lighting (pole mounted) bl-eċċezzjoni ta' xi ftit toroq arterjali li jaqgħu taħt ir-responsabilita' ta' l-ADT. Rigward ir-responsabilta' tal-Kunsilli Lokali nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Prim Ministru jiċħad jew jikkonferma jekk meta ddeċieda li jmur lura fuq id-deċiżjoni tiegħu li jibni korsa tal-golf fix-Xagħra l-Ħamra li sa ftit żmien ilu kien għadu qed isostni - kontra s-short list tal-MEPA - li kienet sejra ssir fl-interess nazzjonali , apparti minn konsiderazzjonijiet oħra, seta' kien motivat mill-fatt li d-Direttorat ta' l-Ambjent tal-Unjoni Ewropea saru jafu bil-każ u għamlu pressjoni fuq il-gvern biex jkun ċar u jekk jkun hemm bżonn jirrevedi l-policy dikjarata tiegħu dwar bini ta' golf courses ġodda b'mod partikolari dwar ix-Xagħra l-Ħamra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern ma kienx motivat mill-konsiderazzjoni li qed isemmi fid-deċiżjoni li ħa dwar ix-Xagħra l-Ħamra.
B'referenza għad-deċiżjoni ta' l-uffiċjali tad-dwana li ssekwestraw għadd ta' fliexken ta' xorb alkoħoliku mill-confectionary li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, dejjem jekk it-talba tas-sid tal-ħanut hija ġustifikata u kkorroborata bl-evidenza mitluba mid-dipartiment konċernat, jista' l-Ministru jgħid x'qed iżomm lid-dwana ta' Malta milli jagħti lis-sid tal-ħanut lura l-fliexken kollha li qed jinżammu mid-dwana meta dejjem skond is-sid tal-ħanut kull flixkun inxtara legalment u skond il-liġi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li dan l-istabbiliment kiser Regolament 13 tat-Taqsima B tas-Sitt Skeda, Kap 382 tal-Liġijiet ta’ Malta. Dan ir-regolament jistipula li l-flixken tax-xorb alkoħoliku esebiti għall-bejgħ irid ikollhom imwaħħla fuqhom faxxa jew bolla hekk kif indikat mill-Kontrollur tad-Dwana.
Jista' l-Ministru jara li jittieħdu l-passi dwar il-ġrieden li hemm fi triq fit-tarf tal-Misraħ il-Barrieri, Msida li tagħti għal Santa Venera minħabba li hemm għalqa abbandunata li spiss tintuża bħala rubbish dump u li allegatament hija tal-Gvern? Din l-għalqa tinsab qrib l-appartamenti Birds u r-residenza Snowy.
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li fl-1 ta' Ġunju 2007, dan l-ilment ġie investigat minn uffiċjal tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, fil-post indikat.
Irriżulta li hemm farmhouse abbandunata ħdejn l-appartamenti 'Birds'. Ġie nnotat ukoll akkumulu ta' żibel, kif ukoll evidenza ta' ġrieden.
Sid il-post indikat għadu mhux magħruf iżda qed isiru investigazzjonijiet neċessarji sabiex dan jinstab. Sar magħruf min kien li tefa ż-żibel f'dan il-post u ser tittieħed azzjoni legali kontra tiegħu.
Ħaddiema tal-Pest Control Unit fi ħdan dan id-Dipartiment għamlu trattament intensiv fl-akkwati msemmija fl-1 ta' Ġunju 2007. Din iż-żona ser tinżamm taħt osservazzjoni minn din is-sezzjoni.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'studji saru dwar l-impatt li l-miżuri ġodda kellhom fuq host families li jżommu studenti barranin, kif ukoll jekk il-Gvern huwiex jikkonsidra li jintroduċi inċentivi ġodda għal dawn il-familji billi bosta familji qed iħossu ruħhom dimotivati li jkomplu f'din il-linja li tikkumplimenta d-dħul tagħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jara li minħabba l-veloċita' li bih jgħaddi t-traffiku f'Misraħ il-Barrieri, Msida li jkun ġe minn Santa Venera Road, Msida, l-aktar qrib il-pjazzetta li hemm fil-parti ta' fuq tat-triq hemm xi ħsieb li jsiru xi traffic calmers jew central strips biex forsi tiġi mtaffija l-problema għar-residenti tal-inħawi?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku irriżulta li l-Kunsill Lokali Msida kien issottometta proposta għall-‘upgrading’ ta’ Triq Santa Venera kantuniera ma’ Triq Misraħ il-Barrieri. Din il-proposta ġiet approvata mit-taqsima fil-31 ta’ Mejju, 2007.
Jista' l-Ministru jgħid fhiex waslu t-taħdidiet dwar sistema ta' kontroll dwar il-prezzijiet tal-mediċini li dwarhom kienu għaddejjin negozjati xi xhur ilu? X'passi qed jieħu l-gvern dwar diversi pilloli essenzjali għal nies li jbatu bil-pressjoni bħal Atacand li telgħu għal kważi Lm11-il pakkett?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi t-taħdidiet dwar is-sistema ġdida biex jiġi assigurat li l-prezzijiet tal-mediċini fis-suq ikunu ġusti kienu fl-aħħar fażi tagħhom.
Fil-fatt kien hemm qbil dwar basket ta' pajjizi li kellu jintuża biex nilħqu dan il-għan u jiżgura li l-mediċina ma tkunx ogħla mill-medja li bihom jinbiegħu f'dawn il-pajjiżi.
Preżentament dan il-kumitat ma setgħax ikompli jiltaqa' u għalhekk ġie deċiz li nipproċedu b'din is-sistema fl-assenza ta' dan il-kumitat u hu mistenni li l-benefiċċju ta' din is-sistema ġdida jibda jinħass fi żmien qasir.
Jista' l-Ministru jgħid meta mistennija tiġi asfaltata Triq G. Lanzon, Wied il-Għajn li r-residenti ilhom żmien twil li ħallsu l-kontribuzzjoni għaliha?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Triq G. Lanzon f'Wied il-Ghajn m'hijiex parti mil-lista ta' toroq li jridu jigu mibnija mill-Gvern Centrali sa l-2008.