Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pilots Barranin

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijijiet parlamentari 26888 u 27095 u jgħid mill-bidu tas-sena 2006 sal-lum kemm telqu pilots barranin li kienu ġew ingaġġati għall-UK operations ta' l-Air Malta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li mill-bidu tas-sena 2006 sal-lum in-numru ta' piloti barranin li kienu ġew ingaġġati għall-UK operations ta' l-Air Malta u rriżenjaw kien ta' dsatax (19).

Ħsarat fl-apparat elettriku

Question

Jista' l-Ministru jindika jekk jistgħux isiru claims lill-Enemalta għall-ħruq ta' apparat elettroniku u ta' l-informatika kkawżat minn surges regolari tad-dawl f'postijiet, bħall-każ tal-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, aktar u aktar billi dawn is-surges qed jiġru f'dan il-block ta' appartamenti bi frekwenza aktar qawwija minn postijiet oħra fl-istess inħawi ta' Ta' Xbiex? Jekk fl-affermattiv, lil min għandhom jiġu ndirizzati dawn it-talbiet? Fil-każ imsemmi l-familja ndikata garrbet ħsara ta' Lm600 fl-apparat ta' l-IT kif jista jixhed l-equipment maħruq li għadu għandhom.

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.

Sptar Zammit Clapp

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se jiġri mill-Isptar Zammit Clapp? L-assistant physiotherapists ta' Zammit Clapp se jinżammu fil-kariga li għandhom u jekk iva, minn fejn se jkunu qed jagħtu s-servizz tagħhom?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Huwa ppjanat li eventwalment il-bini ta' l-isptar Zammit Clapp ser jintuża għall-pazjenti tal-Oncology. L-Assistant Phsiotherapists ta' Zammit Clapp se jkomplu jagħtu s-servizz tagħhom fid-Dipartiment tal-Fiżjoterapija fl-isptar ta' riabilitazzjoni u temporanjament fl-isptar Karen Grech.

Pilloli Lescol

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-ilment ta' kostitwent minn San Gwann li llum 6.07.07 mar l-Outpatient Dispensary fl-Isptar San Luqa sabiex jikseb pilloli Lescol 20mg jew 40 mg u qalulu biex jew jixtrihom hu jew inkella jerġa' jittawwal wara xahar għax kienu out of stock?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-mediċina Fluvastatin 40mg kienet out of stock mill-ispiżerija ta' l-Out Patients sptar San Luqa minħabba li kienet out of stock ukoll mill-Government Pharmaceutical Services bejn it-22 ta' Ġunju u l-5 ta' Lulju. Sabiex ikomplu jinqdew il-pazjenti, ingħataw l-ammont ekwivalenti fid-doża ta' 20mg fejn l-istokk ġħie eżawrit fil-5 ta' Lulju wara siegħa u nofs. Stokk ġdid ta' Fluvastatin 20mg u 40mg ġie mqassam mill-Government Pharmaceutical Services fis-6 ta' Lulju wara nofs in-nhar; jiġifieri l-Ispiżerija ta' l-isptar San Luqa kienet mingħajr stokk taż-żewġ dożi għal inqas minn ġurnata. Hi proċedura li meta ma jkunx hemm xi mediċina fl-ispiżerija, il-pazjent jingħata karta bid-dettalji ta' l-Ispiżerija sabiex iċempel ftit ġranet wara jekk ikunx wasal l-istokk.

Servizz Pubbliku — Ħaddiema

Question

B'riżultat tad-deċiżjoni tal-Gvern u bis-saħħa tal-liġi l-ġdida dwar l-amministrazzjoni pubblika għadd ta' ħaddiema bil-kuntratt definit sejrin jinqalbu għall-ħaddiema b'kuntratt indefinit qabel l-elezzjoni ġenerali li jmiss, jista' l-Prim Ministru jgħid b'kollox kemm ser ikun hemm ħaddiema li ser isiru tal-post fis-servizz pubbliku kif wkoll fil-korporazzjonijiet u aġenziji u fondazzjonijiet kollha tal-Gvern kif ukoll f'entitajiet fejn il-gvern għandu maġġoranza ta' l-ishma?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa għaddej eżerċizzju sabiex ikun magħruf eżatt kemm huwa n-numru ta’ ħaddiema li ser jinġiebu minn kuntratt definit għal wieħed indefinit.

Kontijiet ta' l-Income Tax

Question

Billi kien hemm diversi sentenzi tal-Qorti li jikkonfermaw li d-dipartiment tat-taxxi interni m'għandux dritt joħroġ kontijiet tal-income tax li huma preskritti minħabba ż-żmien li għadda fuqhom, x'inhi r-raġuni li d-dipartiment tat-taxxi interni baqa' joħroġ kontijiet simili? L-uffiċjali tad-dipartiment ingħataw struzzjonijiet biex iwaqqfu din il-prattika? Jekk iva, meta u jekk le, għaliex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Kindergarten Assistants

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ser jibda il-kors għad-diploma għall-kindergarten assistants u hemmx xi ħsieb li tingħatalhom warrant flok temporary warrant?

Response (GALEA, LOUIS)

L-ewwelnett il-liġi dwar l-edukazzjoni ma tipprovdi la għal warrant u lanqas għal temporary warrant għal kindergarten assistants. Dwar il-kors ta' Diploma f'early childhood education and care iridu jsiru d-diskussjonijiet meħtieġa ma' l-Universita'.

San Ġiljan — Flooding eċċessiv

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26758 u jara jistgħux jittieħdu passi biex meta tagħmel xita bil-qliel ma jkunx hemm flooding eċċessiv tal-Pjazza ta' San Ġiljan quddiem l-għassa tal-Pulizija?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nirreferi lill-Onorevoli Nterpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 26758 f'seduta numru 548.

Msida — Ġrieden

Question

B'referenza għat-tweġiba preċedenti għal mistoqsija parlamentari 26527dwar razzett f'Misraħ il-Barrieri l-Imsida, li qed iwassal għal ħafna ġrieden fl-akwati, ma jaħsibx il-Ministru li l-gvern għandu l-mezzi biex jidentifika s-sid tar-razzett indikat kif ukoll li jitnaddaf ir-razzett biex ma joħorġux aktar ġrieden? Jista' flimkien ma' l-awtoritajiet l-oħra kompetenti jirrikkmanda li titwaqqa' parti minn dan ir-razzett li tokkupa u tiżgombra aktar minn nofs it-triq, li wara kollox hi proprjeta' tal-gvern?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba fuq l-istess suġġett kienet ġiet riferuta f'Mistoqsija Parlamentari 26527. Għalkemm sid il-font indikat għadu mhux magħruf, ittieħdet azzjoni legali minn naħa ta' dan id-dipartiment kontra minn tefa' ż-żibel f'dan il-fond. Il-każ għadu sub-judice. Kif kien ġie mwied fit-tweġiba għal mistoqsija parlamentari numru 26527, il-ħaddiema tal-Pest Control fir-reġjun għamlu trattament intensiv fl-akkwati msemmija fl-4 ta' Ġunju u fit-2 ta' Lulju. Minn meta din is-sezzjoni rċeviet dan l-ilment s'issa saru erba' trattamenti ntensivi f'din iż-żona u din iż-żona sejra tibqa tinżamm taħt sorveljanza minn din is-sezzjoni. Dwar possibilita' ta' twaqqiegħ u żgumbrar, inħoss li tali mistoqsija għanda tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.
Leg 10 PQ #27109 Sitting 549 2007-07-10 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

President ta' Malta — Żjarat

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu li ż-żjara li l-E.T. il-President ta' Malta u hu kellhom jagħmlu fl-Algerija tħassret? It-Trade Mission tħassret ukoll? X'rispons kien hemm għall-expressions of interestgħat-Trade Mission? Jekk it-tweġiba hija li ż-żjara tħassret, jista' jgħid x'wassal għal dan?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Nixtieq ninforma l-Onorevoli Interpellant li ż-żjara uffiċċjali ta' l-E.T. il-President u konsegwentment il-missjoni kumerċjali marbuta magħha, u l-viżta tiegħi stess biex nakkumpanja l-President ġiet posposta fuq talba ta' l-awtoritajiet Alġerini. Sforunatament id-data ssuġġerita mill-awtoritajiet Algerini ma kenitx ideali għall-Uffiċċju tal-President u allura data oħra trid tiġi ffissata aktar tard.
Leg 10 PQ #27110 Sitting 549 2007-07-10 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Benghazi — Konsulent

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma meta se jkun hemm konsulent li qed jopera fuq bażi regolari f'Benghazi kif oriġinarjament ġie mwiegħed lill-awtoritajiet Libjani? Jista' jikkonferma jekk hux minnu li għalissa qed isiru biss arranġamenti temporanji minn staff ta' l-ambaxxata Maltija fi Tripli li jitilgħu Benghazi għal ta' l-apposta, fosthom personnel mhux Malti? Ma jaħsibx li dan qed joħloq dewmien u burokrazija żejda fil-ħruġ ta' visas għal ħafna nies f'Benghazi li jkunu jridu jużaw is-servizzi ta' l-Air Malta lejn Malta u 'lil hinn minnha?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Qatt ma gie mwiegħed li jintbagħat Konsulent f'Benghazi

San Ġiljan — Flooding eċċessiv

Question

Jista' l-Ministru jara jistgħux jittieħdu passi biex meta tagħmel xita bil-qliel ma jkunx hemm flooding eċċessiv tal-Pjazza ta' San Ġiljan quddiem l-għassa tal-Pulizija?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li fil-pjażża msemmija jeżistu culverts li jwasslu għall-baħar. Madanakollu wieħed jifhem li minħabba li din il-pjażża tinsab propju fit-tarf tal-wied, meta tagħmel xita qliel l-ilma jieħu ftit tal-hin sakemm isib postu fil- culverts.

Sptar Mater Dei — Tender

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26731 cioe' wara li ġie sospiż it-tender ta' l-IT tal-Isptar Mater Dei, jista' jgħid kemm inxtraw PCs u affarijiet oħrajn relatati mal-informatika li oriġinarjmanet kellhom jkunu koperti mit-tender u jekk dawn inxtrawx b'direct order? Min għand min inxtraw u kemm ġew jiswew?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Konsulenti maniġerjali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26674 u jikkonferma li bħalissa hemm grupp ta' konsulenti maniġerijali li qed jagħmlu xogħol ta' konsulenza dwar l-istruttura u s-sistemi maniġerijali tal-MITTS? Jekk iva, liema hi din id-ditta, kif saret is-sejħa għas-servizzi tagħha u liema kienu d-ditti jew kumpanniji oħra ta' konsulenza li ġew ikkonsultati? Kemm se jiswa dan l-eżerċizzju ta' konsulenza? Kemm mistenni jdum biex jitwettaq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

IT tenders

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 26671 jista' l-Viċi Prim Ministru jwieġeb fir-rigward ta' l-IT tenders kollha marbutin mal-arranġamenti dwar Schengen? Min kienu l-adjudication committee membersu l-core evaluation committee members f'kull każ?

Response (BORG, TONIO)

Is-sistema ta’ IT magħrufa bħala SISoneforall ġiet mogħtija lill-pajjiżi kollha li qed jaspiraw li jidħlu fix-Schengen fit-tkabbir li jmiss mill-Gvern Portugiż. Is-sistema l-oħra li eventwalment ser tintuża għas-SIS II ingħatat mill-awtoritajiet Taljani li preżentement qed jgħinu lill-Pulizija Maltija fi proġett ta’ kooperazzjoni ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea. Sistema oħra magħrufa bħala National Stop List qed tiġi żviluppata internament mill-MITTS waqt li ċertu tibdil fis-sistema Personal Identification Secure Comparison and Evaluation System (PISCES) qed isir bħala għajnuna mill-awtoritajiet Amerikani. F'dawn iċ-ċirkostanzi ma kienx hemm bżonn li jinħareġ tender u għalhekk l-ebda adjudication committee ma ġie maħtur.

Ibraġġ — Għalqa

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsiijiet parlamentari 26387 u 26490 u 26688 cioe' : Għandi rapporti li fi Triq is-Siegħ, l-Ibraġġ hemm għalqa li tinfed għal Triq il-Miżieb li qed tintuża bħala rubbish dump u li minkejja li skond il-mapep tal-MEPA hija pproġettata li trid issir Triq il-Wejba, għandha bini fuq art li n-nies ingħataw x'tifhem li hi art tal-gvern. Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hiex se ssir din it-triq kif indikat fil-website tal-MEPA? U jekk iva, jista' jikkonferma wkoll jekk xi bini mbarrat li hemm fl-inħawi ħdejn Triq il-Miżieb li jinfed għal Triq is-Siegħ inbeniex bil-permessi meħtieġa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

It-tweġiba tingħata f’Seduta oħra.

Bini ta' pent house

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 26379, jista' l-Ministru jgħid jekk il-bini ta' pent house hux kopert bil-permess imsemmi fit-tweġiba għall-mistoqsija msemmija?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-penthouse li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Membru hija koperta bil-permess PA 5884/05.

Sptar Mater Dei — Riklami awdjo-viżivi

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26749 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunita' u issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm intnefqu flus f'riklami awdjo-viżivi biex jipproġettaw l-Isptar Mater Dei meta din m'hijiex ażjenda kummerċjali u għaldaqstant kulħadd ser ikun intitolat - almenu għall-bidu - li jagħmel użu b'xejn mis-servizzi mediċi tiegħu? B'kollox kemm huwa budgeted li jintefaq f'reklami bejn issa u l-ftuħ uffiċjali ta' l-isptar? Minn liema budget qed jittieħdu dawn il-fondi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Forsi Armata

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid mill-1 ta' Jannar sal-20 ta' Mejju, 2007 kemm ħarġu sejħiet għall-offerti mill-Armata? Kemm tefgħu l-offerti, x'kienet kull offerta u min kienu f'kull każ? Min rebaħ dawn l-offerti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 26687.